Fis-17 ta’ Ġunju l-Knisja tfakkar lil Santa Emilja de Vialar, Fundatriċi li għexet bejn is-snin 1797 sa 1856.
Santa Emilja għandha rabtiet speċjali mal-gżira ta’ Malta għax għexet fil-gżejjer tagħna mhux inqas minn ħdax-il xahar, u kienet hi li waqqfet fostna l-Kongregazzjoni tagħha, is-Sorijiet ta’ San Ġużepp tal-Apparizzjoni, fl-1842, għaxar snin biss wara li kienet tat bidu għaliha fi Franza.
Il-miġja tagħha f’pajjiżna tixbah ħafna lil dik tal-Appostlu Missierna San Pawl, kif se ngħarrfu aktar ’l quddiem.
Emilja kienet bint il-baruni Jacques de Vialar u Antoinette Portal; twieldet fl-1797, fil-belt ċkejkna ta’ Gaillac, fil-Languedoc, Franza. Studjat f’Pariġi. Missierha kisira magħha meta hi kellha ħmistax-il sena, wara li mietet ommha, għax irrifjutat li tiżżewweġ. Kompla jiħrax kontriha meta hi bdiet tgħallem tfal abbandunati u fqar, u tgħin u ddur bil-morda u l-magħkusin f’daru matul il-15-il sena li fihom bintu kienet twettaq l-appostolat tagħha.
Iżda ta’ 35 sena, Emilja wirtet kemxa sewwa mingħand nannuha, il-Baruni de Portal, li kien tabib tas-sultan ta’ Franza. Bil-wirt tagħha Emilja xtrat dar kbira u malajr setgħet tipprofessa l-voti reliġjużi flimkien ma’ 17 minn sħabha. F’ħajjitha twaqqfu 40 dar, xi wħud minnhom fl-Afrika, fl-Asja u l-Awstralja u waħda f’Ġerusalemm.
Interessanti ħafna l-ġrajja kif Santa Emilja ġiet Malta. Talbuha tibgħat xi sorijiet tagħha l-Italja, biex jieħdu ħsieb ħabsin nisa. Hi stess kellha tmur Tuneż, bil-ħsieb li żżur ukoll id-dar ta’ Ruma, iżda fi triqitha qamet maltempata tal-biża’. Il-vapur li kienet fuqu tfarrak, iżda hi u sħabha ħelsuha mill-għarqa. Waqt it-tiġrib tal-għarqa l-Qaddisa wegħdet lil San Pawl (li għadda mill-istess esperjenza fi triqtu lejn Ruma, u spiċċa Malta bla ħsieb) li jekk il-baħar jiskot, tiftaħ dar il-belt għall-edukazzjoni tal-bniet u wkoll tiddedika kappella lil San Pawl.
Bilkemm kien għadda xahar minn dan in-nawfraġju meta Santa Emilja laqgħet l-ewwel 3 novizzi. Il-qaddisa ġabet xi sorijiet minn Franza u waqqfet skola l-Birgu fl-1842, li tliet snin wara ġiet trasferita għall-Belt.
Santa Emilja mietet fl-età ta’ 59 sena, minn kumplikazzjonijiet ta’ ftuq li sofriet f’żgħożitha waqt li kienet qed tgħin lill-fqar. Meta mietet, f’Marsilja, fejn kellha l-Casa Madre, fl-24 ta’ Awwissu 1856, kellha diġà 40 dar imxerrdin mad-dinja. Il-Papa Piju XII iddikjaraha qaddisa fis-17 ta’ Ġunju, 1951. Hija l-qaddisa patruna tan-nisa mhux miżżewġin.