Tliet invokazzjonijiet ġodda mal-Litanija


“Omm tal-ħniena” – “Omm it-tama” – “Faraġ tal-migranti” Tliet invokazzjonijiet ġodda miżjuda mill-Papa Franġisku mal-Litanija tal-Madonna.

fb_litanija“Mater misericordiæ”, il-Latin għal “Omm tal-ħniena”; “Mater spei”, jew “Omm it-tama”; u “Solacium migrantium”, jew “Faraġ tal-migranti” huma l-invokazzjonijiet ġodda lill-Verġni Mqaddsa Marija fil-Litanija Lawretana, li spiss tingħad fi tmiem ir-Rużarju.  Ara l-Litanija kollha …

Iż-żieda li l-Papa Franġisku għadu kemm għamel lil-Litanija Lawretana ġiet ippromulgata mill-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti nhar is-Sibt 20 ta’ Ġunju 2020, fl-istess jum tal-Festa tal-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija.

F’ittra lill-Presidenti tal-Konferenzi tal-Isqfijiet mad-dinja kollha, il-Kardinal Robert Sarah, il-Prefett tal-Kongregazzjoni, u s-Segretarju tagħha, l-Arċisqof Arthur Roche, jgħidu li mal-medda tas-sekli, l-Insara ilhom jużaw għadd bla tarf ta’ invokazzjonijiet u titli biex bihom isejħu lill-Verġni Marija, “bħala t-triq ipprivileġġjata u żgura għal-laqgħa ma’ Kristu”.

Tweġiba għall-ħtiġijiet ta’ żmienna

Huma jgħidu li “f’rabta ma’ żminijietna, immarkati minn sentimenti ta’ inċertezza u biża’, il-Poplu ta’ Alla jirrikorri b’qima għandha, kollu mħabba u fiduċja”.

“Wara li għarbel dan is-sentimenti u laqa’ x-xewqat espressi”, spjegat il-Kongregazzjoni, “il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku jixtieq jipprovdi li fil-formularju tal-Litanija tal-Verġni Mqaddsa Marija, imsejħa l-‘Litanija Lawretana’, jiddaħħlu l-invokazzjonijiet ‘Mater misericordiæ’, ‘Mater spei’ u ‘Solacium migrantium’”.

Skont id-direttivi, l-invokazzjoni “Omm tal-ħniena” għandha tiddaħħal wara “Omm il-Knisja”, “Omm it-tama” wara “Omm tal-grazzja ta’ Alla”, u “Faraġ tal-migranti” wara “Kenn tal-midinbin”.

F’intervista, l-Arċisqof Roche spjega li dawn l-invokazzjonijiet “iwieġbu għar-realtajiet taż-żminijiet li qed ngħixu fihom”. Ħafna nies mad-dinja kollha jħossuhom imġarrba b’ħafna modi, mhux biss minħabba l-pandemija tal-Covid-19, imma anki għax imġiegħla jħallu djarhom minħabba faqar, ġlied u raġunijiet oħra, u għalhekk jersqu jitolbu f’riġlejn il-Verġni Mbierka.

L-invokazzjonijiet mhumiex ġodda

L-Arċisqof Roche qal li l-Papa ried iwieġeb għal dan il-mument billi jinkludi dawn l-invokazzjonijiet. L-Arċisqof innota li dawn l-invokazzjonijiet mhumiex ġodda għax huma parti mit-tradizzjoni tal-Knisja li tmur lura sekli sħaħ, bħalma hi t-talba-innu, “Sliem għalik, Sultana, Omm tal-ħniena, tama tagħna…”.

“Dawn l-invokazzjonijiet kollha”, qal, “tqiegħdu fil-Litanija Lawretana, li hi għal qalb tant nies mad-dinja kollha. Issa din qed twieġeb għal bżonn veru li d-dinja tagħna llum għandha tal-għajnuna tal-Verġni Mbierka”.

X’inhi l-Litanija Lawretana?

Il-Litanija Lawretana tieħu isimha mis-Santwarju Marjan ta’ Loreto fl-Italja, fejn jingħad li kienet ilha tintuża sa mill-1531. Ġiet approvata uffiċjalment fl-1587 mill-Papa Sistu V, li neħħa l-litaniji Marjani l-oħra kollha li kienu jintużaw pubblikament. Il-Litanija Lawretana hi l-unika Litanija Marjana approvata. Imma, ħafna litaniji Marjani oħra kienu u għadhom jintużaw, imma huma mmirati għad-devozzjoni privata, kif jidher, ngħidu aħna, fl-hekk imsejħa Officia Mariana.

Mal-medda tas-sekli, tal-inqas ġew miżjuda 7 invokazzjonijiet ġodda. San Ġwanni Pawlu II żied “Omm il-Knisja” fl-1980, u “Sultana tal-familji” fl-1995. Il-Papa Franġisku issa żied tlieta oħra.

Jeżistu wkoll litaniji oħra, bħal tal-Qaddisin, tal-Ismijiet ta’ Ġesù, tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, ta’ San Ġużepp (1909), tad-Demm Imqaddes u anki tal-Ħniena Divina.

http://press.vatican.va/content/salastampa/it/bollettino/pubblico/2020/06/20/0350/00805.html#la

Rapport għal-Laikos minn Francesco Pio Attard

 

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.