Is-sorijiet Karmelitani f’Għawdex


Bħalma kulħadd jaf is-sorijiet Karmelitani missjunarji ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesú jinsabu f’Għawdex u għalhekk ħsibt li nikteb xi ħaġa fuqhom biex kulħadd jkun jaf meta ġew u x’Appostolat qegħdin iwettqu fil-ġżira Għawdxija.

Dawn is-sorijiet ġew mwaqqfa mill-Beata Maria Crocifissa Curcio. Din twieldet fit-30 ta’ Jannar 1877 ġewwa Ragusa fi Sqallija, minn Salvatore Curcio u Concetta Franzo. Fil-magħmudija tawha l-isem ta’ Rosa. Meta kellha 13-il sena nkitbet fit-Terz Ordni Karmelitan fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu qrib id-dar tagħha.

Il-Beatifikazzjoni ta’ Maria Crocifissa Crucio fl-2005

Hija bdiet l-ewwel esperjenza ta’ ħajja komunitarja flimkien ma’ ftit mill-membri tat-Terz Ordni f’appartament żgħir tal-familja tagħha. Aktar tard ġiet mibgħuta lejn Modica fejn ħadet ħsieb il-Carmela Polara li għenet bniet fqar u orfni. Hija għamlet il-professjoni tagħha bl-isem ta’ Maria fl-1895 u ftit wara, fl-età ta 19 ġiet magħżula bħalha Prijura tal-Kapitlu.

F’Ġunju tal-1924 hi ltaqgħet ma’ Patri Lorenzo Van Den Eerenbeemt, li kien Patri Karmelitan u fl-aħħar irnexxielha tikseb l-appoġġ u l-ftehim tal- missjunarju tagħha. Fis-17 ta’ Mejju 1925 hija marret Ruma għall-kanonizzazzjoni ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. L-għada flimkien ma’ P.Lorenzo, hi żaret Santa Marinella f’Ruma. Hawnhekk hi sa fl-aħħar, irnexxielha twaqqaf l-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Karmelitani Missjunarji ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Fis-16 ta’ Lulju ta’ 1926 l-istitut ta’ Madre Curcio ġie affiljat ma’ l-ordni Karmelitan b’digriet tal-Pirjol Ġenerali Patri Elias Magennis u fit-13 ta’ April 1930 il-Kardinal Tomaso Pio Boggiani ħareġ id-digriet djoċesan għal din il-kongregazzjoni.

Meta Patri Bernard Farrugia kien Pirjol Provinċjal tal-Karmelitani Maltin fis-sena 1951 ltaqa ma’ Patri Lorenzo van den Eerenbeemt fejn ħajru biex iħajjar xi Maltin biex jidħlu f’din il-kongregazzjoni Karmelitana bi-skop li jmorru fil-missjoni. Patri Bernard kien issaħħar dwar din il-kongregazzjoni u għamel min kollox biex xebbiet Maltin jidħlu magħhom umbagħad ra kif għamel biex jwaqqaf kunvent ġewwa Għawdex.

Wara li Patri Bernard Farrugia għamel kuntatt mal-Beata Maria Curcio u Patri Lorenzo, kellem lill-Isqof t’Għawdex Mons Ġuzeppi Pace biex jtihom il-permess meħtieġ. L-ewwel dar li kellhom kienet fit-triq San Pietru u San Pawl ġewwa Kerċem. Suor Domitilla Cassar ġiet maħtura mill-Beata Maria Crocifissa bħala Superjura. Il-kunvent ġie inawgurat uffiċjalment fl-24 ta’ Ottubru 1957 mill-Isqof Joseph Pace.

In-nies kienu jħobbuhom ħafna u għalhekk kienu ġenerużi magħhom iżda is-sorijiet ħadmu kemm felħu biex hemmhekk jwaqqfu skola. Il-kariżma speċifika tal-kongregazzjoni tas-sorijiet Karmelitani ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesu kienet sa’ mill-bidu nett, l-edukazzjoni tat-tfal u l-formazzjoni tajba tat-tfal u tat-tfajliet l’aktar dawk ġejjin minn familji foqra jew familji bi problemi. Għalhekk fl-1 ta’ Marzu 1958 infetħet l-iskola Santa Tereza għall-ewwel darba biex tilqa’ fiha l-ewwel studenti ċkejknin. Għall-bidu kienu madwar 25 tifel u tifla bejn it- 3 u 5 snin iżda mbagħad komplew jiżdiedu.

Il-kunvent u l-kappella l-ġdida fit-Triq Dr. A.Callejja ġew inawgurati fis-16 ta’ Awissu 1964. Il-kappella sservi għall-ċelebrazzjonijiet liturġiċi kif ukoll għat-talb komunitarju li jsir mis-sorijiet. Fis-sena 1973 ġie kkonsagrat l-artal ta’ din il-kappella mil-Isqof t’Għawdex Mons. Nikol Cauchi. Fid-9 ta’ Ottubru 1980 l-isqof Mons Nikol Cauchi ħatar lil-Dun Karm Borg bħalha l-ewwel kappillan tas-sorijiet Karmelitani ta’ Kerċem.

Il-kunvent u l-kappella tas-sorijiet Karmelitani f’Kerċem – Għawdex

F’din il-kappella jsiru diversi funzjonijiet fosthom, il-festa ta’ Santa Tereża tal-bambin Ġesu kif ukoll il-festa tal-Madonna tal-Karmnu. Billi llum il-fundatriċi tagħhom hija beata ukoll jagħmlu xi ċelebrazzjoni apposta. Waħda mill-akbar ċelabrazzjonijiet li saret f’din il-kappella kienet meta nġiebet l-urna ta’ Santa Tereża tal-Bambin Gesu fil-30 ta’ Lulju 2003 fejn damet xi siegħat fil-kappella. Barra min hekk jieħdu ħsieb grupp ta’ Terzjarji Karmelitani li jitmexxa min Patri Alex Scerri O.Carm. Ftit snin ilu saret ċelebrazzjoni fil-knisja parrokjali ta’ Kerċem mil-Isqof Mons Mario Grech fejn twaqqaf ufficjalment it-Terz ordni. 

Is-sorijiet Karmelitani jinsabu ukoll f’numru 3, fit-telgħa tal-Belt fir-Rabat Għawdex. Kien is- saċerdot Mons George Agius li ħallilhom fil-wirt tiegħu din id-dar, u huma marru jgħixu fiha wara l-mewt tiegħu fl-1961. Din id-dar illum tintuża biex jieħdu ħsieb l-anzjani.  

Barra mid-djar ta’ Kerċem u dik tar-Rabat fin-nofs tas-sebgħinijiet is-sorijiet ħassew il-bżonn li jkollhom post ta’ mistrieħ, l-aktar fil-ġranet sħan tas-sajf, u għalhekk bnew dar ta’ villeġjatura fix-Xwejni.

Nitlobkhom biex titolbu għall-dawn is sorijiet ħalli l-Mulej jagħtihom is-saħħa fl-appostolat li qed jagħmlu kif ukoll biex jkollhom xi vokazzjoni ġdida. 

Minn Patri Hermann Duncan O.Carm