Fis-7 ta’ Lulju l-Knisja tfakkar lil Beati Roger Dickenson u Ralph Milner, Martri li ħadu l-martirju fis-sena 1591.
Fis-7 ta’ Lulju, 1591 ġew mgħallqin f’Winchester Roger Dickenson talli kien qassis u Ralph Milner talli kien jgħinu.
Milner kien jaħdem fir-raba’ u kien imtella’ bħala protestant. Beda jqabbel il-ħajja tal-ġirien kattoliċi u protestanti, u, b’sorpriża ta’ sħabu l-protestanti, beda jmur jitgħallem il-fidi kattolika u talab li jidħol fil-knisja tagħna.
Imma ftit wara, dakinhar stess li tqarben għall-ewwel darba, kien mitfugħ il-ħabs talli bidel ir-reliġjon. Hawnhekk inżamm għal diversi snin, imma l-priġunerija tiegħu ma kinitx stretta ħafna, u kemm-il darba seta’ joħroġ on parole, u f’dawn il-waqtiet kien jiġbor għajnuniet materjali u spiritwali għal sħabu priġunieri, u billi kien jaf sewwa l-pajjiż, kien anke jiffaċilita ċ-ċaqliq u l-ħidma tas-saċerdoti missjunarji li kienu jintbagħtu l-Ingilterra bil-moħbi.
B’dan il-mod sar jaf lill-ġiżwita Fr. Stanney u, permezz ta’ Fr. Stanney, li l-qassis djoċesan magħruf bħala Mr. Roger Dickenson ġie jgħix f’Winchester. Roger Dickenson kien minn Lincoln, studja f’Rheims, u għal ħafna snin ħadem fid-distrett ta’ Winchester, megħjun minn Milner.
L-ewwel darba li arrestaw lil Roger Dickenson, il-gwardji tiegħu tant sikru li hu rnexxielu jaħrab. Imma meta nqabad it-tieni darba, Milner kien miegħu, u t-tnejn tressqu għall-ġuri, Dickenson għax kien qassis, u Milner għax kien jgħinu.
Waqt il-ġuri, l-imħallef billi bħal speċi ta’ ħenn għal Ralph Milner għax kien xwejjaħ, kif ukoll għax kellu mara u tmien ulied, irrakkomandalu li jkun biżżejjed għalih li jmur jagħmel viżta fi knisja parrokkjali protestanta u jkun meħlus. Imma Milner wieġbu: “Jiġifieri inti tagħtini l-parir li għall-affarijiet li jgħaddu ta’ dil-ħajja tridni nitlef ’l Alla tiegħi? Le, Sire, ma naċċettax.” Iż-żewġt irġiel ġew maqtulin flimkien.
Diversi nisa kienu wkoll ikkundannati għall-mewt talli ħallew lill-Beatu Roger jiċċelebra l-quddiesa f’darhom, iżda s-sentenza tagħhom ġiet mibdula f’daqqa. Huma mbagħad talbu li jitħallew imutu mal-qassis, iżda ġew meħuda lura fil-ħabs.
Iż-żewġ martri Roger Dickenson u Ralph Milner ġew iddikjarati beati mill-Papa Piju XI fl-1929.