78. Iż-Żwieġ u r-rażan jikkumplimentaw lil xulxin

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 14/04/1982.

1. Inkomplu r-riflessjoni tal-ġimgħat preċedenti dwar il-kliem fuq ir-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet”, li skont il-Vanġelu ta’ Mattew (Mt 19, 10-12), Kristu ndirizza lid-dixxipli tiegħu.

Nerġgħu ngħidu għal darb’oħra li dan il-kliem, fil-konċiżjoni tiegħu kollha, huwa għani u preċiż b’mod meraviljuż, għani b’kumpless ta’ implikazzjonijiet kemm ta’ natura dottrinali kif ukoll pastorali, u fl-istess ħin jindika limiti ġust fis-suġġett. Hekk, mela, kwalunkwè interpretazzjoni manikea tibqà b’mod deċiż ‘il hemm mil-limiti, kif tibqà hemm ukoll, skont dak li Kristu qal fid-Diskors tal-Muntanja, ix-xewqa konkupixxenti “fil-qalb” (cf. Mt5, 27-28).

Fil-kliem ta; Kristu dwar ir-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet” mhemm ebda sinjal dwar l-“inferjorità” taż-żwieġ fir-rigward tal-“ġisem”, jew aħjar rigward l-essenza taż-żwieġ, li tikkonsisti fil-fatt li r-raġel u l-mara fih jingħaqdu hekk li jsiru “ġisem wieħed” (cf. Gen 2, 24). Il-kliem ta’ Kristu rrakkuntat f’Mattew 19, 11-12 (kif ukoll il-kliem ta’ Pawlu fl-ewwel ittra lill-Korintin kap. 7) ma jfornux mottiv biex isostni la l-“inferjorità” taż-żwieġ, lanqas is-“superjorità tal-verġinità jew taċ-ċelibat, in kwantu li dawn min-natura tagħhom jikkonsistu fl-astinenza mill-“għaqda” konjugali “fil-ġisem”. Dwar dan il-punt il-kliem ta’ Kristu huwa b’mod deċiż ċar. Huwa jipproponi lid-dixxipli tiegħu l-ideal tar-rażan u s-sejħa għalih mhux minħabba l-inferjorità jew bi preġudizzju tal-għaqda konjugali “fil-ġisem”, imma biss għas-Saltna tas-Smewwiet”.

2. F’dan id-dawl issir partikolarment utli spjega iktar profonda tal-espressjoni nfisha “għas-Saltna tas-Smewwiet”; u huwa dan li wara se nfittxu li nagħmlu, almenu b’mod sommarju. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-fehim ġust tar-rapport bejn iż-żwieġ u r-rażan li minnu jitkellem Kristu, u tal-fehim ta’ tali rapport kif fehmitu t-tradizzjoni kollha, ikun tajjeb li nżidu li dik is-“superjorità” u  l-“inferjorità” huma kontenuti fil-limiti tal-istess komplementarjetà taż-żwieġ u taċ-ċaħda għas-Saltna ta’ Alla. Iż-żwieġ u r-rażan la jikkuntrastaw lil xulxin, u lanqas jaqsmu minnhom infihom il-komunità umana (u nisranija) f’żewġ oqsma (ejjew ngħidu: tal-“perfetti” minħabba r-rażan u tal-“imperfetti” jew inqas perfetti minħabba r-realtà tal-ħajja konjugali). Imma dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet fundamentali, jew aħjar, kif naslu li ngħidu, dawn iż-żewġ “stati”, f’ċertu sens jispjegaw lilhom infushom jew iwettqu lil xulxin, kemm għall-eżistenza kif ukoll għall-ħajja (nisranija) ta’ din il-komunità, li fis-solidarjetà tagħha  u fil-membri kollha tagħha tirrejalizza lilha nfisha fid-dimensjoni tas-Saltna ta’ Alla u għandha orjentament  eskatoloġiku, li huwa propju ta’ dik is-Saltna.  Issa, rigward din id-dimensjoni u dan l-orjentament – li magħhom trid tipparteċipa fil-fidi l-komunità kollha kemm hi, jiġifieri dawk kollha li jagħmlu parti minnha – ir-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet” għandu mportanza partikolari u elokwenza partikolari għal dawk li jgħixu l-ħajja konjugali. Huwa magħruf, barra minn dan, li dawn tal-aħħar jikkostitwixxu l-maġġoranza.

3. Donnu, mela, li komplementarjetà hekk intensa ssib il-bażi tagħha fil-kliem ta’ Kristu skont Mattew 19,11-12 (u wkoll fl-ewwel ittra lill-Korintin, kap. 7). Imma mill-banda l-oħra mhemm ebda bażi għal kontrappozizzjoni allegata, skont liema dawk ċelibi (jew dawn nubili), biss minħabba r-rażan jikkontribwixxu l-klassi tal-“perfetti”, u għall-kuntrarju, il-persuni miżżewġin jikkontribwixxu l-klassi tal-“mhux perfetti” (jew tal-“inqas perfetti . . .”). Jekk, waqt li noqogħdu fuq ċerta tradizzjoni tejoloġika, wieħed jitkellem dwar l-istat tal-perfezzjoni (“status perfectionis”), dan jagħmlu minħabba r-rażan innifsu, imma rigward it-totalità tal-ħajja fondata fuq il-pariri evanġeliċi (faqar, kastità u ubbidjenza), sabiex din il-ħajja tikkorrispondi mas-sejħa ta’ Kristu għall-perfezzjoni (“Jekk tridu tkunu perfetti . . .”) (Mt 19, 21). Il-perfezzjoni tal-ħajja nisranija, għall-kuntrarju tiġi mkejla bil-metru tal-karità. Għalhekk persuna li ma tgħixx fl-“istat tal-perfezzjoni” (jiġifieri f’istituzzjoni li tinkorpora il-pjan tagħha tal-ħajja fuq il-voti tal-faqar, il-kastità u l-ubbidjenza), jew inkella li ma tgħixx f’Istitut reliġjuż, imma fid-“dinja”tistà tilħaq “de facto” grad superjuri ta’ perfezzjon – li l-kejl tiegħu huwa l-karità – imqabbel ma’ persuna li tgħix fl-“istat tal-perfezzjoni”, bi grad inqas ta’ karità. Madankollu, il-pariri evanġeliċi jgħinu bla dubju biex nilħqu karità iktar sħiħa. Għalhekk, kull min jilħaqha, ukoll jekk ma jgħixx fi “stat ta’ perfezzjoni” istituzjonalizzat, jasal għal dik il-perfezzjoni li tirriżulta mill-karità, permezz tal-fedeltà għall-ispirtu ta’ dawk il-pariri. ” Tali perfezzjoni hija possibbli u aċċessibbli għal kull bniedem, kemm f’”Istitut reliġjuż” kif ukoll fid”dinja”.

4. Mal-kliem ta’ Kristu rrappurtat minn Mattew (Mt 19, 11-12), donnhom li mela, jikkorrispondu b’mod adegwat il-komplimentarjetà taż-żwieġ u tar-rażan għas-Saltna tas-Smewwiet” fis-sinifikat tagħhom u fis-sinifikat multiplu tagħhom. Fil-ħajja ta’ komunità nisranija awtentikament, l-atteġġjamenti u l-valuri propji tal-istat wieħed u l-ieħor – jiġifieri tal-għażla essenzjali u koxjenti tall-waħda u l-oħra bħala vokazzjoni għall-ħajja kollha terrena u fil-prospettiva tal-“Knisja ċelesti” – jitwettqu u f’ċertu sens jikkompenetraw lil xulxin . L-imħabba perfetta konjugali trid tkun identifikata minn dik il-fedeltà u minn dik id-donazzjoni għall-Għarus uniku, (u wkoll mill-fedeltà u mid-donazzjoni tal-Għarus għall-Għarusa unika), fuq liema huma bbażati il-professjoni reliġjuża u ċ-ċelibat saċerdotali. Fl-aħħarnett, in-natura tal-imħabba l-waħda u l-oħra hija “sponsali”, jiġifieri espressa permezz tad-don totali tiegħu nnifsu. L-imħabba l-waħda u l-oħra  ifittxu li jesprimu dak is-sinifikat sponsali tal-ġisem, li sa “mill-bidu” kien miktub fl-istess struttura personali tar-raġel u tal-mara.

Wara nerġgħu naqbdu dan l-argument.

5.Mill-banda l-oħra, l-imħabba sponsali li ssib l-espressjoni tagħha fir-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet”, trid iġġorr fl-iżvilupp regolari tagħha għall-“paternità” jew il-“maternità” f’sens spiritwali (biex ngħidu hekk propja għal dik il-“fertilità tal-Ispirtu Santu”, li dwarha diġa tkellimna), b’mod analogu għall-imħabba konjugali li timmatura fil-paternità u l-maternità fiżika u fihom tikkonferma propju bħala mħabba sponsali. Min-naħa tagħha, ukoll il-ġenerazzjoni fiżika twieġeb pjenament għas-sinifikat tagħha, biss  jekk tiġi mwettqa bil-paternità u l-maternità “fl-ispirtu”, l-espressjoni u l-frott ta’ liema hija kollha kemm hi l-opra edukatriċi tal-ġenituri fir-rigward tal-ulied, imwielda mill-għaqda konjugali korporja tagħhom.

Kif wieħed jistà jara, numerużi huma l-aspetti u l-isferi tal-komplimentarjetà bejn il-vokazzjoni, f’sens evanġeliku, ta’ dawk li “jieħdu mara u li jieħdu raġel” (Lq 20, 34) u ta’ dawk li konsapevolment u voluntarjament jagħżlu r-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet” (Mt19, 12).

Fl-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin (l-analiżi ta’ liema se nagħmlu wara waqt il-konsiderazzjonijiet tagħna) San Pawl jikteb dwar din it-tema: “Kull wieħed għandu l-propju don minn Alla, min b’mod, min b’ieħor (1 Kor 7, 7).

Miġjub għall-Malti minn Manuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >

%d bloggers like this: