Omelija tal-Papa fil-Quddiesa tal-Beatifikazzjoni. 2001


Omelija tal-Papa Ġwanni Pawlu II fil-Quddiesa tal-Beatifikazzjoni,

Fosos tal-Floriana, 9 ta’ Mejju 2001.

“Inroddu ħajr lill-Mulej għal imħabbtu li ma tiġix nieqsa u għall-għeġubijiet tiegħu” (Salm 107: 15)

Għeżież Ħuti,

B’ferħ kbir erġajt ġejt f’din il-gżira għażiża għal San Pawl, l-Appostlu tal-Ġnus, u dejjem għażiża għas-Suċċessur ta’ Pietru. Din iż-żjara twassal għat-tmiem il-Pellegrinaġġ tiegħi tal-Ġublew li fih imxejt fl-ispirtu ta’ l-istorja tal-fidwa, mill-art fejn twieled Abraham, għas-Sinaj fejn Alla ta l-Għaxar Kandamenti, għall-Art Imqaddsa fejn seħħew il-ġrajjiet kbar tal-fidwa tagħna. U issa, fuq il-passi ta’ San Pawl, erġajt lura għandkom, għażiż poplu ta’ Malta.

Il-wasla ta’ l-Appostlu fuq ix-xtut tagħkom kienet waħda drammatika. San Luqa irrakuntalna l-vjaġġ imqalleb u l-qtigħ il-qalb tal-baġrin u tal-passiġġieri hekk kif il-ġifen inkalja u beda jitfarrak (ara Atti, 27:39-44). U smajna dwar il-ħelsien tagħhom: “Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta” (Atti 28:1). Fil-providenza ta’ Alla, malta kellha tirċievi l-Aħbar it-Tajba fl-ewwel żminijiet tal-Kristjaneżmu. “Inroddu ħajr lill-Mulej għal imħabbtu li ma tiġix nieqsa u għall-għeġubijiet tiegħu” (Salm 107: 15).

Miġburin kif inthom fuq il-Fosos tal-Furjana, madwar l-Altar tas-Sagrifiċċju tal-Mulej, l-Isqof ta’ Ruma jingħaqad magħkom fir-radd ta’ ħajr lit-Trinita’ Qaddisa għax-xhieda tagħkom għall-Evanġelju matul is-sekli. Lejali kif bqajtu lejn missierkom fil-fidi l-Appostlu Pawlu, intom magħrufin fil-Knisja kollha għad-devozzjoni u għall-ħeġġa missjunarja tagħkom. Malta għandha wirt nisrani tassew sabiħ, li intom bir-raġun kburin bih, iżda dan il-wirt hu ukoll rigal li jġib miegħu responsabbilta’ kbira (ara Lq 12:48)

Fit-Tieni Ittra tiegħu lil Timotju, San Pawl ifakkar lil dan il-kollaboratur tiegħu biex “jiftakar f’Ġesu’ Kristu, li qam mill-imwiet . . . jekk insofru miegħu bis-sabar, għad insaltnu miegħu ukoll” (2 Tim 2:8, 12). Iż-żewġ ulied u l-bint adottiva ta’ malta li jiena llum ibbejatifikajt għożżew dan il-kliem. Il-Knisja kollha tifraħ magħkom illum illi, minn fost il-qtajja ta’ irġiel u nisa qaddisa minn kull qasam tal-ħajja li għexu f’Malta matul iż-żminijiet, dawn it-tlieta intagħżlu għal qima u imitazzjoni speċjali. Mis sema huma jimxu magħna matul il-pellegrinaġġ tagħna f’din l-art, u bit-talb tagħhom quddiem it-tron ta’ Alla jgħinuna biex nixxabtu mal-qċaċet tal-qdusija li hima waslu għalihom bil-grazzja ta’ l-ispirtu s-Santu.

Minn żmien mewtu fl-1962, ftit qabel il-bidu tal-Konċilju Vatikan it-Tieni, Beatu Ġorġ Preca baqa’ magħruf għall-qdusija tiegħu kemm f’Malta kif ukoll f’kull pajjiż fejn marru jgħixu l-maltin. Dun Ġorġ kienu pijunier fil-qasam tal-kateketika u fil-ħidma biex iġib ‘il quddiem is-sehem tal-lajċi fl-apostolat, li l-Konċilju aktar tard għamel enfasi fuqu b’mod partikulari. Hekk hu sar qisu t-tieni missier ta’ malta fil-fidi. Waqt li ħaddan il-manswetudni u l-umilta’ u ħaddem kemm felaħ it-talenti tal-moħħ u tal-qalb li Alla tah, Dun Ġorġ għamel tiegħu l-kliem ta’ Pawlu lil Timotju: “Kull ma smajt minn għadni quddiem ħafna xhieda, għaddih lil nies ta’ fiduċja, ħalli huma stess ikollhom il-ħila jgħallmuh lil oħrajn” (2 Tim 2:2). Is-Soċjeta’ ta’ Duttrina Nisranija li hu waqqaf tkompli l-ħidma tiegħu ta’ xhieda u evanġelizzazjoni f’dawn il-gżejjer u fi bnadi oħra.

Mhux bogħod minn hawn is-seminarista żagħżugħ Ġorġ Preca sema’ l-kliem profetiku ta’ saċerdot li kien imexxih: “Ġorġ, meta tikber, ħafna li jibżgħu minn Alla għad jinġabru madwarek. Int għad tkun barka għalihom, u huma għalik”. Illum il-Knisja f’Malta ssejjaħ lil Ġorġ Preca “Beatu”, għax taf li hu għaliha huwa għajn ta’ dawl u saħħa li ħarġet minn ħdanha. Fil-kitbiet tiegħu fuq il-manswetudni – il-ktieb tiegġu L-Iskola tal-Manwetudni u l-Ittra Popolari tiegħu – Dun Ġorġ iħeġġeġ il ħutu Nsara biex jimxu fuq l-eżempju tal-Mulej Imsallab, billi jaħfru kull offiża (ara Lq 23:34). Forsi mhux veru li dan il-messaġġ ta’ rispett għal xulxin u ta’ maħfra huwa meħtieġ f’mod speċjali illum f’Malta u fid-dinja? Tassew, il-manswetudni li l-Beatitudnijiet isemmu għandha, l-ibliet u l-irħula, il-politika u l-kultura. Tista’ tbiddel id-dinja! “Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art” (Mt 5:5).

Magister, utinam sequatur evangelium universus mundus (Mgħallem Divin, mhux li kien li d-dinja kollha timxi fuq l-Evanġelju): it-talba tal-Beatu Dun Ġorġ tirrifletti b’mod perfett il-mandat missjunarju tal-Mulej: “Morru, mela, agħmlu dixxipli . . . għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien”! (Mt 28:19-20). Matul is-sena tal-Ġublew il-Kbir il-Knisja kollha ħasset mill-ġdid l-attwalita’ eterna tal-ħniena kollha mħabba tal-Missier li bagħat lil Ibnu l-waħdieni għall-fidwa tagħna. Forsi mhux veru li kienet il-kapaċita’ ta’ Dun Ġorġ li jwassal l-attwalita’ tal-messaġġ nisrani li għamiltu dak l-appostlu kbir li kien? Forsi mhux dan li Malta teġtieġ illum: kleru, reliġjużi, katekisti, għalliema li jipproklamaw b’ħeġġa l-Aħbar it-Tajba ta’ dak kollu li Alla għamel magħna fi Kristu? Fiż-żerniq ta’ millenju ġdid, il-Knisja tistenna minnek, malta, li inti tkun aktar imħeġġa fil-qadi tas-sejħa apostolika u missjunarja tiegħek!

Il-Qaddej ta’ Alla Injazju Falzon ukoll kellu ħeġġa biex jippreidka l-Evanġelju u jgħallem il-Fidi nisranija. Hu ukoll uża l-ħafna talenti li kellu u l-formazzjoni intelletwali tiegħu fil-qadi tal-ħidma kateketika. L-Appostlu Pawlu kiteb li “kull wieħed għandu jagħmel skond ma jidhirlu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bil-fors, għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ” (2 Kor 9:7). Il-Beatu nazju kien jagħti bl-abbundanza u bil-ferħ; u n-nies kienu jaraw fih mhux biss enerġija bla tarf iżda ukoll paċi u ferħ profondi. Hu ċċaħħad mis-suċċess ta’ din id-dinja li għalih kollox kien ħejjih, biex ikun jista’ jaqdi l-ġid spiritwali ta’ l-oħrajn, fosthom il-ħafna suldati u baħrin Ingliżi li f’dak iż-żmien kienu stazzjonati f’Malta. Bil-mod kif kien jitratta ma’ dawn is-suldati u baħrin, li ftit biss minnhom kienu Kattoliċi, hu ħaddem minn qabel l0ispirtu ekumeniku ta’ rispett u djalogu, li aħna llum mdorrijin bih iżda f’dak iż-żmien ma kienx dejjem jinħass.

Injazju Falzon xorob il-qawwa u l-ispirazzjoni tiegħu mill-Ewkaristija, mit-talb quddiem it-Tabernaklu, mid-devożżjoni lejn Marija u r-Rużarju, u mill-imitazzjoni ta’ San Ġużepp. Dawn huma egħjun tal-grazzja li minnhom kull Nisrani jista’ jixrob. Il-qdusija u l-ħeġġa għas-Saltna ta’ Alla jwardu speċjalment fejn il-parroċċi u l-komunitajiet iħeġġu għat-talba u għad-devozzjoni lejn Ġesu’ Ewkaristija. Inħeġġiġkom, għalhekk, biex tgħożżu t-tradiżżjonijiet maltin tagħkom ta’ devożżjoni, waqt li ssafuhom fejn meħtieġ u tqawwuhom b’tagħlim u katekeżi sodi. M’hemmx mod aħjar kif tistgħu tqimu t-tifkira ta’ Beatu Nazju Falzon.

Suor Maria Adeodata Pisani twieldet fl-Italija minn missier malti u ġiet hawn Malta meta kallha dsatax-il sena. Hi għaddiet l-parti l-kbira ta’ ħajjitha bħala figura tiddi ta’ konsagrazzjoni reliġjuża benedittina fil-Monasteru ta’ San Pietru. Naf li xi wħud mis-Sorijiet tal-Monasteru ma setgħux jiġu hawn, iżda qegħdin isegwu din iċ-ċelebrazzjoni fuq it-television. Lilkom, egħżież Sorijiet, f’dan il-jum ta’ ferħ nibgħatilkom barka speċjali ħafna.

It-talb, l-ubbidjenza, il-qadi ta’ ħutha s-Sorijiet u l-maturita’ fit-twettieq tad-dmirijiet li kienu jingħatawlha: dawn kienu l-elementi tal-ħajja siekta, qaddisa ta’ maria Adeodata. Moħbija kif kienet fil-qalba tal-knisja, qagħdet bil-qiegħda f’riġlejn il-Mulej u semgħet it-tagħlim tieghu (ara Lq 10:39), tiggosta l-ħwejjeġ li jibqgħu għal dejjem (ara Kol 3:2). Permezz tat-talb, tal-ħidma u ta’ l-imħabba tagħha, hi saret nixxiegħa ta’ fertilita’ spiritwali u missjunarja li mingħajra l-Knisja ma tistax tippriedka l-Evanġelju kif kristu jordnalha, għaliex il-missjoni u l-kontemplazzjoni għandhom assolutament bżonn ta’ sulxin (ara Novo Millenio Ineunte, 16).

L-eżempju qaddis ta’ Suor Adeodata żgur għen biex iġib ‘il quddiem it-tiġdid tal-ħajja reliġjuża fil-Monasteru tagħha stess. Nixtieq għalhekk nirrakkomanda għall-Interċessjoni tagħha intezjoni speċjali li hi għal qalbi. Sar ħafna f’dawn l-aħħar żminijiet biex il-ħajja reliġjuza tiġi adattata għaċ-ċirkustanzi mibdula ta’ żminijietna, u wieħed jista’ jara l-ġid li dan ġab fil-ħajja ta’ ħafna reliġjużi rġiel u nisa. Iżda hemm bżonn li napprezzaw mill-ġdid ir-raġunijiet teoloġiċi l-aktar profondi ta’ din is-sura speċjali ta’ konsagrazzjoni. Għadna nistennew li t-tagħlim tal-Konċilju Vatikan it-Tieni dwar il-valur traxxendentali ta’ dik l-imħabba għal Alla u għall-oħrajn li twassal għall-ħajja marbuta bil-wegħdiet ta’ faqar, kastita’ u ubbidjenza, iwarrad b’mod sħiħ. Nirrakkomanda lill-irġiel u nisa kollha konsagrati l-eżempju ta’ maturita’ u responsabbilta personali li deher b’mod meraviljuż fil-ħajja tal-Beata Adeodata.

Fil-Vġili ta’ Għid il-Ħamsin, l-Arċidjoċesi ta’ Malta sejra tinawgura l-Assemblea Sinodali tagħha, u f’Għawdex l-isqof Cauchi għadu kemm beda żjara pastorali ġdida. Nittama bil-qawwa kollha li dawn l-inizjativi u oħrajn jgħinu biex tissaħħaħ il-viżjoni tal-Konċilju Vatikan it-Tieni dwar il-Knisja bħala komunjoni tal-Poplu kollu ta’ Alla, viżjoni li l-“evanġelizzazjoni ġdida” titlob li l-Kattoliċi Maltin għandu jkollhom. Fi ħdan din il-komunjoni hemm diversi rwoli u ministeri, iżda kollha huma msejħin biex jaħdmu flimkien biex iġibu ‘l quddiem is-saltna ta’ Kristu ta’ ġustizzja, paċi u mħabba. Jalla l-Knisja f’Malta, bl-interċessjoni tal-beati ġodda, tidħol b’fiduċja, f’era ġdida ta’ għaqda u ta’ responsabbilta’ flimkien bejn kleru, reliġjużi u lajċi. Dan jagħti lill-Kattoliċi maltin spinta ġdida li tgħinhom jidħlu fil-millenju l-ġdid b’fiduċja, waqt li jiġbru l-frott spiritwali kotran tal-Ġublew il-Kbir tas-Sena 2000.

Malta, Malta! Inti rċevejt tant ġid bil-ministeru ta’ San Pawl u bix-xhieda tal-Beatu Dun Ġorġ, tal-Beatu Nazju Falzon u tal-Beata Adeodata. Inti u timxi lejn il-ġejjieni, ibqa’ fidila lejn dan il-wirt li huma ħallewlek! Imxi wara Kristu b’qalb sħiħa, u tibża’ qatt tiddefendi l-verita’ li ssalva u l-valuri li jwasslu għall-ħajja! Jalla l-Verġni marija, Omm il-Verb Inkarnat, timxi miegħek u tħarsek dejjem, ħalli inti qatt ma tonqos “trodd ħajr lill-Mulej għall-imħabba tiegħu li ma tiġix nieqsa u għall-għeġubijiet tiegħu” (Salm 107:15).

                Viva l-Beatu Ġorġ Preca!

                Viva l-Beatu Nazju Falzon!

                Viva l-Beata Adeodata Pisani! Amen.