Ittra tal-Isqof Mario Grech lill-Familja lill-Familji Għawdxin fl-okkażjoni ta’ Jum il-Vokazzjonijiet


Ittra lill-Familja 

Ittra ta’ Mons Isqof Mario Grech
lill-Familji Għawdxin
fl-okkażjoni ta’ Jum il-Vokazzjonijiet

IL-MULEJ GĦADU JFITTEX


Għeżież,

Meta qed indur il-parroċċi waqt il-Viżta Pastorali, qed nintebaħ li għandna bosta żgħażagħ tajbin. Smajt lil xi ħadd jgħid li bħalissa fid-djoċesi għandna fjuritura ta’ adolexxenti u żgħażagħ li huma impenjati f’attivitajiet parrokkjali. Dan huwa sinjal sabiħ ħafna. Uħud minnhom mhux biss itajru n-nar imma huma ġenerużi ħafna għax għandhom qalbhom tad-deheb. Naf li ħafna minnhom qegħdin ifittxu: min xi tweġiba għall-mistoqsijiet tqal tal-ħajja – inkluża dik tal-fidi –, min x’ser jagħmel b’ħajtu u min ifittex is-sieħba jew is-sieħeb.

B’sens ta’ rispett kbir lejn dawn iż-żgħażagħ, illum nixtieq ngħidilhom li mhux biss huma qegħdin ifittxu, imma hemm xi Ħadd ieħor li beda jfittixhom qabel ma bdew ifittixuh huma. Dan huwa Ġesù Kristu, li llum ukoll għadu jsejjaħ liż-żgħażagħ għall-ħajja saċerdotali jew għall-ħajja kkonsagrata, biex miegħu jagħmlu avventura ta’ mħabba.

Nixtieq fl-okkażjoni ta’ dan il-Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet, li qegħdin niċċelebraw f’dan ir-raba’ Ħadd tal-Għid, nitkellem b’mod partikulari fuq is-sejħa għall-ħajja saċerdotali, fuq is-sbuħija u s-siwi tagħha għall-ġid tal-Knisja u tas-soċjetà.

Is-saċerdot mhuwiex biss dak li, misjuq mill-imħabba, jiddedika ħajtu kollha għal Alla u għall-proxxmu, imma huwa wkoll dak li bis-saħħa tal-ministeru tiegħu jduq ħafna mħabba. Infatti l-ħidma saċerdotali tiegħu tqiegħdu f’sitwazzjonijiet fejn jirċievi aktar imħabba min dik li hu jipprova jagħti. Diversi drabi sibt ruħi f’ċirkustanzi fejn, flok ma xandart il-Bxara t-tajba, ħaddieħor kien bxara tajba għalija. Meta ppruvajt inkun kanal tal-ħniena ta’ Alla għall-oħrajn, ħaddieħor dewwaqni din il-ħniena. Meta offrejt il-faraġ, tfarraġt nara l-mirakli ta’ Alla jseħħu quddiemi. Xħin mort inħaddan, sibt lil min ħaddanni. Dawn huma ftit aspetti mill-avventura tal-imħabba li hemm lesta għal dawk li jwieġbu għas-sejħa saċerdotali.

Nifhem li llum aktar minn qatt qabel mhux faċli li wieħed jintebaħ li Ġesù qed ifittxu; naf ukoll li quddiem l-isfidi marbuta mal-vokazzjoni, hemm min jaf jaqta’ qalbu u jibqa’ lura.

Huwa għalhekk li ħassejt li għandi nikteb dan il-messaġġ f’din il-ġurnata ta’ talb għall-vokazzjonijiet, biex nagħmel il-qalb lil dawk li huma kurjużi dwar din l-avventura saċerdotali. Nixtieqkom temmnu li Ġesù jemmen fikom. Mhux intom għażiltu lilu, imma Hu għażel lilkom. Nistedinkom tagħmluha aktar ma’ Ġesù u tibżgħux tagħtuh ċans ikellem lil qalbkom fit-talb. Il-Knisja u s-soċjetà għandhom bżonnkom.

Irrodd ħajr lill-ġenituri, li fil-kura tagħhom huwa fdat l-ewwel seminarju li hija l-familja, li jakkumpanjaw bit-talb lil uliedhom f’dan it-tfittix. Nesprimi l-gratitudni tiegħi lill-katekisti u lill-għalliema, li ħafna drabi jgħinu fid-dixxerniment vokazzjonali.

Filwaqt li għandi obbligu kbir lejn dawk is-saċerdoti qaddisin li bl-għotja sħiħa tagħhom infushom, bl-impenn diżinteressat u bil-ħeġġa għall-appostolat kienu u għadhom ta’ ispirazzjoni għal ħafna oħrajn li saru qassisin, inħoss li għandi nitlob maħfra ta’ kemm-il darba aħna s-saċerdoti nqasna milli nkunu ta’ eżempju tajjeb, u forsi ukoll konna ta’ xkiel għal min kien qed jistħarreġ is-sejħa tiegħu. Huwa fatt magħruf li saċerdot li huwa qrib ta’ Alla, spiritwalment doċli, qrib in-nies, f’komunjoni ekkleżjali, ħabbrieki u ferħan, huwa l-aqwa promotur għall-vokazzjonijiet saċerdotali.

Għalhekk irrodd ħajr lil Alla għal dawk is-saċerdoti, membri ta’ istituti reliġjużi, istituti sekulari u fl-Ordo Virginum preżenti fid-djoċesi tagħna, li ta’ kuljum fis-skiet u b’fedeltà jimxu wara Kristu fqir, kast u ubbidjenti u jwasslu l-ferħ u l-faraġ tiegħu lill-bniedem ta’ żmienna, speċjalment lid-dgħajjef u l-batut.

Filwaqt li nagħmel sejħa lill-Knisja f’Għawdex biex ma tehdiex taħdem u titlob għall-vokazzjonijiet, nerġa’ nġedded is-sejħa li għamilna ftit ġimgħat ilu, biex dawk li għaddejjin minn xi tbatija joffru t-tbatija tagħhom għall-vokazzjonijiet u jinkitbu f’dik il-“Katina ta’ Talb” imnedija mis-Seminarju tagħna. Nieħu din l-okkażjoni biex fl-istess ħin nirringrazzjakom għall-ġenerożità kbira tagħkom mas-Seminarju Maġġuri tagħna. L-għajnuna tagħkom lis-Seminarju hija apprezzata ħafna u jiena ċert li l-Mulej ipattilkom.

Nitlob fuqkom ilkoll il-barka tas-Sema.

 

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex, nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Mejju, tifkira għażiża ta’ San Ġorġ Preca.

 

Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex