Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Rożalija ta’ Viterbo


Fl-4 ta’ Settembru l-Knisja tfakkar lil Santa Rożalija ta’ Viterbo, Verġni u Eremita li għexet bejn is-snin 1234 sa 1252.

Alla l-għoli għamel affarijiet meraviljużi ma’ Santa Rożalija ta’ Viterbo. Jidher li l-ġenituri tagħha tawha dan l-isem b’ispirazzjoni divina, għax kien simboliku għall-ħajja kollha tagħha. Tul ħajjitha, hija nfetħet bħala fjura li tfewwaħ il-ġnien tal-Knisja, u fl-isbaħ ta’ żogħżitha, ittieħdet biex tiġi mħawla fis-Sema.

Qabel ma kienet kapaċi titkellem, Santa Rożalija ppruvat tippronunzja l-ismijiet ħelwin ta’ Ġesù u Marija; u hekk kif kienet għadha kemm tgħallmet timxi, talbet li tittieħed il-knisja u f’postijiet oħra għall-kwiet, biex titlob. Kienet tisma’ b’attenzjoni kbira diskorsi reliġjużi.

Meta kellha biss 3 snin, Alla wrieha kemm hu kuntent biha b’mod l-aktar ħelu. Waħda miz-zijjiet tagħha mietet. Tal-familja kienu bilwieqfa madwar it-tebut, jibkuha. Rożalija tant tqanqlet quddiem in-niket tal-qraba tagħha, li marret ħdejn it-tebut, għolliet għajnejha lejn is-sema, u talbet fis-silenzju. Imbagħad poġġiet idejha ċkejknin fuq il-ġisem tal-kadavru taz-zija u sejħitilha b’isimha. Il-mara mejta fetħet immedjatament għajnejha u ħaddnet lin-neputija tagħha, li qajmitha għall-ħajja mill-ġdid.

It-tifla kienet tiġiha ħniena kbira mill-foqra; hi dejjem ippruvat twarrab xi ikel biex tagħtih lilhom. Ġurnata waħda, meta telqet mid-dar b’xi ħobż fil-fardal tagħha, iltaqgħet ma’ missierha, li staqsieha x’reġgħet kienet qed iġġorr. It-tifla mbeżża fetħet il-fardal tagħha u fih kien hemm ward ifuħ.

Meta kellha 7 snin, Santa Rożalija rtirat f’ċella żgħira fid-dar ta’ missierha. Kien hawn li għaddiet kważi ħajjietha kollha fil-kontemplazzjoni u fil-prattika ta’ penitenzi rigorużi. Hija talbet ħafna għall-konverżjoni tal-midinbin. Sadanittant, il-Mulej kien qed iħejjiha għall-missjoni straordinarja.

Santa Rożalija kien għad ma kellhiex 10 snin, meta l-Verġni Mbierka Omm Alla, tatha l-istruzzjonijiet biex tingħaqad mat-Terza Ordni ta’ San Franġisk. Ftit wara, il-Mulej deherilha fuq is-Salib, liebes il-kuruna tax-xewk fuq rasu u b’bosta demm iċarċar mill-feriti tiegħu kollha.

Santa Rożalija inħasdet b’din id-dehra u bdiet tgħajjat: “Mulej tiegħi, min ġabek f’dan l-istat?”

Il-Mulej wieġeb: “L-imħabba tiegħi, l-imħabba profonda tiegħi għall-bnedmin għamlitli dan.”

“Imma,” staqsiet Rożalija, “min taqbek u mliek bix-xewk b’dan il-mod?”

“Id-dnubiet tal-bnedmin għamluli dan,” kienet ir-risposta tal-Mulej.

“Id-dnub, id-dnub!” għajtet il-qaddisa, u qabdet tifflaġella lilha nnifisha biex tagħmel riparazzjoni għad-dnubiet tad-dinja.

Permezz ta’ ispirazzjoni divina, Rożalija mbagħad ħadet salib f’idejha u bdiet tiela’ u nieżla bih fit-toroq u fil-pjazez pubbliċi tal-belt tagħha u tgħid lin-nies dwar it-torturi terribbli li sofra l-Mulej tagħna u dwar il-kruha tad-dnub. U kultant żmien, baqgħet toħroġ mis-solitudni tagħha biex tħeġġeġ lin-nies jagħmlu penitenza.

Il-belt ta’ Viterbo, li kienet tappartjeni lill-Istati Papali, kienet kontra l-awtorità tal-Papa. In-nuqqas ta’ rispett għar-reliġjon u d-degradazzjoni morali, kienu l-ordni tal-ġurnata. Imma l-prietki ta’ din il-missjunarja żgħira, kellhom riżultati tal-għaġeb. In-nies kienu jinġabru bil-folol biex tismagħha. Il-ġebla li fuqha hija kienet titla’, dehret tiela’ fl-arja, u ż-żagħżugħa żammet fuqha b’miraklu, filwaqt li kliem jaħraq baqa’ ħiereġ minn xufftejha. Il-parti l-kbira taċ-ċittadini aċċettaw li jagħmlu penitenza u li jerġgħu lura f’għaqda mal-Papa, filwaqt li Santa Rożalija u l-ġenituri tagħha ġew eżiljati minn Viterbo mill-awtoritajiet ċivili.

Ir-riżultat kien li issa kellha bosta ħidmiet x’tagħmel. F’Sorianu, u wara f’Vitorchianu, il-predikazzjoni tagħha kellha l-istess riżultati mbierka. F’dan tal-aħħar, saħħara għamlet ħafna ħsara lill-abitanti. Rożalija nkwetat li wara t-tluq tagħha, din il-mara kienet ser terġa’ tħassar il-ġid li jkun sar hemmhekk, għalhekk xtaqet il-konverżjoni tagħha. L-isforzi inizjali ta’ Rożalija fallew. Imbagħad il-qaddisa ġabret numru kbir ta’ injam u poġġiethom fil-pjazza pubblika; qabdet in-nar u telgħet fil-quċċata ta’ dan il-munzell. Hija damet f’dan in-nar bil-fjammi jduru magħha għal tliet sigħat, tkanta u tfaħħar lil Alla. In-nar ma għamlilha l-ebda ħsara. Kien hawn li s-saħħara ntefgħet f’riġlejn Rożalija u kkonvertiet sinċerament.

Sadanittant, l-awtorità leġittima tal-Papa kienet ġiet stabbilita mill-ġdid f’Viterbo, u Rożalija setgħet tirritorna. Issa kellha 15-il sena u kienet ħerqana biex tidħol fil-kunvent tal-Klarissi. Peress li ma kellha l-ebda dota, hija ma setgħetx tidħol.

“Ma jimpurtax,” qalet Rożalija, “intom mhux se tilqgħuni waqt li jiena ħajja, imma tirċevuni meta nkun mejta.” Rożalija, flimkien ma’ xi ħbieb li akkumpanjawha, inqatgħu għalihom waħedhom f’post ‘il bogħod min-nies, bl-intenzjoni li jiffurmaw komunità. Madankollu, l-awtoritajiet ekkleżjastiċi ma approvawx il-pjan tagħha u għalhekk marret lura d-dar. Hija mietet sentejn  wara fid-dar ta’ missierha, mimlija b’ħeġġa kbira li tingħaqad ma’ Alla tagħha.

Sentejn u nofs wara l-mewt tagħha, hija dehret tliet darbiet lill-Papa Alessandru IV, li kien f’Viterbo f’dak iż-żmien, u talbitu jitrasporta l-ġisem tagħha lejn il-kunvent tal-Klarissi. Meta seħħ dan, skoprew li l-ġisem tagħha kien intatt; u baqa’ hekk sal-lum. Il-mirakli għadhom iseħħu b’mod kostanti sal-lum, b’mod speċjali minn min imur iżur il-qabar tagħha. Il-Papa Kallistus III ikkanonizzaha fl-1457.

Għalkemm il-ġilda tagħha hija skura, il-ġisem tal-qaddisa għadu flessibbli u l-organi interni f’kondizzjoni tajba. Fl-1921, il-qalb tneħħiet biex titqiegħed f’relikwatorju għal purċissjoni, u f’dak iż-żmien, instabet perfettament intatta.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.