Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Quddiesa tal-Festa tal-Madonna tal-Karmnu


Omelija fil-Quddiesa tal-Festa tal-Madonna tal-Karmnu
Knisja Madonna tal-Karmnu (Ta’ Ħamet), Għawdex
L-Erbgħa 16 ta’ Lulju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-PURGATORJU F’DIN ID-DINJA

Tradizzjonalment l-arti tippreżenta l-Madonna tal-Karmnu bħala dik li teħles lill-erwieħ mill-Purgatorju. Hija ħaġa xierqa li aħna niftakru fl-għeżież mejtin tagħna u nissufrugawhom bit-talb u l-karità biex jitħaffef il-proċess tat-tisfija biex jgħaġġlu jiksbu l-qdusija meħtieġa ħalli jidħlu fil-hena tas-Sema u jaraw lil Alla wiċċ imb’wiċċ.

Imma mbagħad hemm esperjenzi ta’ purgatorji oħra li l-bniedem jgħaddi minnhom matul ħajtu – uħud minn dawn l-esperjenzi tqal huma parti mill-ħajja, imma hemm oħrajn li mhux biss huma maħluqin mill-bnedmin, imma l-istess bnedmin jedhew jitfgħu l-ħatab biex ikebbsu n-“nar” ħalli jaraw il-bniedem ibati. Nagħti ftit eżempji.

Il-mard
Hemm morda li tant huma magħkusin taħt il-madmad tal-mard li għandhom, li l-purgatorju tagħhom qed jagħmluh f’din id-dinja. Meta l-marid isib ruħu ttraskurat u minsi mill-familjari tiegħu, iħoss it-tbatija tiżdied; mentri l-piż jitħaffiflu meta jkun imdawwar b’persuni li juruh l-għożża u l-imħabba.

Nuqqas ta’ impjieg
Min huwa bla impjieg jew għandu xogħol prekarju jinsab f’purgatorju, għax f’ċirkustanzi bħal dawn kemm il-ħajja tiegħu kif ukoll dik tal-familja tiegħu jkunu instabbli ħafna. Meta x-xogħol ikun razzjonat, hemm riskju li min hu marsus biex ikollu xogħol ħalli jaqla’ l-għajxien ikollu jaċċetta kull tip ta’ kundizzjonijiet, anki jekk dan ikun ifisser li jkollu jirrinunzja għad-dritttijiet tiegħu. Is-soċjetà mhux biss m’għandhiex tkun indifferenti quddiem dawn il-każijiet, imma wisq anqas għandha tittollera jew tirrassenja ruħha li jkun hemm “purgatorji” ta’ din ix-xorta.

L-ilsien ħażin
Imbagħad hemm min isib ruħu f’purgatorju minħabba z-zekzik u l-ilsna ħżiena tagħna! Il-gideb, il-qlajjiet, il-kalunnji, il-malafama, il-ġudizzji kapriċċjużi, etċ.; dawn kollha huma “skieken” li bihom nistgħu nolqtu l-bniedem fil-ġewwieni tiegħu u nagħmlulu ħajtu infern. Dawn l-azzjonijiet huma aktar moralment gravi meta jsiru fil-konfront ta’ persuna li għandha uffiċċju pubbliku, kemm fis-soċjetà ċivili u kemm fil-Knisja – għaliex bihom ħafna drabi nippruvaw niskreditaw inġustament lil dawn il-persuni. Il-ħsara li ssir f’dawn il-każijiet hija enormi! Ma’ dawn insemmi l-ittri anonimi li jinqeda bihom min huwa kodard biex iħammeġ, jhedded u jfieri lil ħaddieħor. Tassew huwa tal-mistħija, sinjal ċar ta’ nuqqas ta’ ċiviltà u mġiba antievanġelika, li xi ħadd jirrikorri għal dawn il-metodi.

Il-vizzju tal-logħob
Ħafna jsibu ruħhom fil-purgatorju meta jinħakmu minn xi vizzju. Fost dawn hemm il-vizzju tal-logħob. Hemm diversi każijiet fejn minħabba l-leblieba tal-logħob, ftaqru huma u faqqru l-familji tagħhom. Jien ma nħossnix komdu li fil-komunitajiet tagħna ssib li meta wieħed jorganizza tombli u lotteriji bħala attività għall-fund raising, ikun hemm il-lagħba li japprofittaw minn dawn l-attivitajiet biex jiżvogaw il-vizzju tagħhom. Nemmen li aħjar ikun hemm inqas fondi biex nagħmlu l-festi, milli norganizzaw attivitajiet li jistgħu jagħtu lok għal abbużi bħal dawn.

Il-vizzju tad-droga
Hemm ukoll il-vizzju tad-droga. Kulħadd jaqbel li d-droga tagħmel il-ħsara lill-bniedem u xi drabi din il-ħsara hija gravi. Bħalissa fil-pajjiż għaddejja diskussjoni dwar ir-riforma tal-liġijiet dwar id-droga. Dokument ippubblikat mill-Gvern jgħid li “għax id-droga hija pjaga, il-Gvern mhux ser jieqaf qatt jiġġieled kontra min, għall-profitt u l-gwadann finanzjarju tiegħu, jagħżel li jittraffika d-droga li toqtol liċ-ċittadini f’pajjiżna”. Importanti ħafna li fir-Riforma tal-Liġi jkun evitat li ssir xi ħaġa li tista’ tikkomunika l-kuntrarju ta’ dan l-istatement qawwi: id-droga toqtol liċ-ċittadini! Importanti li fid-diskussjoni nqisu d-drittijiet tat-tarbija fil-ġuf, għaliex jekk it-tarbija fil-ġuf tkun esposta għall-effetti tad-droga, il-ħsara taf tkun serja u irriversibbli. Għandna responsabbiltà soċjali kbira biex ma nkattrux il-possibbiltajiet li jista’ jkollna aktar crack-babies. Jekk l-omm tkun daqshekk irresponsabbli li kapaċi tqiegħed f’riskju serju lit-tarbija fil-ġuf billi tieħu d-droga, huwa dmir tal-Istat li jidħol garanti tad-drittijiet tat-tarbija.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-appell tiegħi f’din il-festa tal-Madonna tal-Karmnu fih tliet punti: (a) niftakru fid-dmir li għandna lejn l-għeżiez mejtin tagħna u ngħinuhom bit-talb tagħna; (b) lil dawk li ħajjithom hija “purgatorju”, nagħmlilhom kuraġġ għax bi ftit rieda tajba u bl-interċessjoni tal-Madonna tal-Karmnu għandhom il-ħila joħorġu minn dawn iċ-ċirkustanzi ta’ tbatija; (ċ) imbagħad, lil dawk li huma daqshekk moralment irresponsabbli li lesti jagħmlu “purgatorju” mill-ħajja tal-oħrajn, nagħmlilhom sejħa biex jirrevedu u jikkorreġu l-imġiba dannuża tagħhom.