Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ San Ġorġ Martri


Omelija fil-Festa ta’ San Ġorġ Martri
Bażilika San Ġorġ, il-Belt Victoria, Għawdex
Il-Ħadd 20 ta’ Lulju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-QAWWA TAD-DGĦUFIJA

Il-ħajja hija sabiħa. Hawn ħafna tajjeb u pożittiv madwarna. Imma ma nkunx saqajja mal-art jekk ma nirrikonoxxix li huma bosta fostna dawk li f’xi waqt jew ieħor iħossu t-toqol tal-ħajja jagħfas fuq spallejhom u jaħbtu jaqgħu fil-pessimiżmu u l-qtigħ il-qalb. Inġib xi eżempji…

It-toqol tal-ħajja
Min minna ma jridx jissielet biex ikompli jagħmel it-tajjeb? Kemm-il darba jiġrilna li negħjew nimbuttaw il-karrettun tal-ħajja? Illum għal min huwa faċli li jipprova jiddefendi s-sewwa u l-ġust, partikularment fil-ħajja pubblika?

Kulma jmur, l-omertà, li hija forma ta’ biża’, qiegħda dejjem tinfirex – mhux biss qed nibqgħu lura f’ċerti inizjattivi biex inħarsu l-ġid komuni, imma hemm min lanqas jixtieq jikkopera mal-ġustizzja biex ikun hemm il-bon ordni.

Il-ħajja privata tagħna sar fiha wisq tiċrit u tbenġil. Ma jonqsux l-insodisfazzjon fil-ħajja personali, id-disfatti fix-xogħol u t-taħbil fil-familja.

Hemm imbagħad il-miskinità tal-imġiba etika u morali tagħna u l-faqar spiritwali tagħna. Meta d-dgħufija spiritwali tagħna jkollha l-esternazzjoni tagħha, meta ma nilħqux ċerti livelli fil-ħajja morali u reliġjuża tagħna, ġieli jiġri li flok ma nsibu lil min jirfidna, nirċievu xi stangata oħra.

Id-dgħufija umana
Kollox jindika kemm aħna vulnerabbli, dgħajfa fiżikament, psikoloġikament, moralment u Kristjanament. L-akbar mument fejn aħna nħossu din il-vulnerabbiltà huwa meta ngħaddu mill-esperjenza tal-mewt. Hemm min jgħid li l-biża’ tal-mewt huwa omm il-beżgħat kollha tal-bniedem. Staqsi lil min ġarrab il-mewt fil-familja tiegħu u tara kif dawn il-persuni raw kollox nieżel fuqhom!

Imma barra l-mewt fiżika, jaf ikollna esperjenzi oħra tal-mewt. Hemm il-“mewt interjuri”: meta l-bniedem ikun fiżikament fuq riġlejh, imma l-ġewwieni tiegħu jkun mejjet, għax tant ikun ilu jaqla’ fl-istonku tiegħu, li fl-aħħar jintelaq għall-mewt! Hemm il-“mewt affettiva”, li ġġib tmermir ta’ għadd ta’ relazzjonijiet. Nitkellmu wkoll fuq il-“mewt soċjali” – għalkemm aħna massa ta’ nies, aħna għandna wkoll il-ħila li “noqtlu” il-persuni billi neskluduhom miċ-ċrieki tagħna. Imbagħad hemm “il-mewt ekkleżjastika”, li, ngħidu aħna, tingħata meta naqtgħu barra mill-komunità lil dawk li ma jirnexxilhomx jilħqu ċerti ideali u valuri fil-ħajja relazzjonali tagħhom.

San Ġorġ bniedem bħalna
Qed nitkellem dwar id-dgħufija, għax quddiemna llum għandna lil San Ġorġ. Ġieli jiġri li lil San Ġorġ tant ngħolluh fil-għoli, li nirrenduh xi ħadd li ma jistax jintlaħaq. Xi drabi tant nitkellmu dwaru fis-superlattiv, li ġustament nistgħu naħsbu li huwa impossibbli li nimitawh. Imma jekk nieqfu nirriflettu ftit, nintebħu li din l-Istilla tal-Kappadoċja, għalkemm illum qed tilma u tiddi bid-dawl tagħha, meta kienet fid-dinja, kellha l-limitazzjonijiet tagħha u ġarrbet it-toqol tad-dugħfija. Bħal kull bniedem ieħor, Ġorġi kellu piżijiet tqal x’jerfa’ fuq spallejh. Żgur ma kinitx għażla ħafifa għalih meta ddeċieda li jqassam ġidu lill-foqra. Anqas kien faċli għalih meta għamel f’moħħu li jmur kontra l-liġi ta’ Djoklezjanu u jqatta’ l-editt tiegħu. Kienet iebsa għal dan it-Tribun meta għażel li jitfa’ wara spallejh il-karriera militari tiegħu. Ma neskludix li Ġorġi kien xi ftit deluż meta minkejja t-taħbit tiegħu, ma kisibx il-libertà religjuża għal sħabu l-Insara. Ġorġi ma setax ma jitriegħedx xħin sema’ tinqara s-sentenza tal-martirju tiegħu. Tajjeb inżommu quddiem għajnejna li meta ħa l-martirju, Ġorġi ma kienx jobsor li wara mewtu l-Insara kienu ser jiftakruh u jiċċelebrawh; għalih il-martirju kien it-tmiem bil-konsegwenza li jintesa ma’ mewtu.

Jien konvint li San Ġorġ, li bħalna ġarrab il-vulnerabbiltà, jifhimna meta llum qed irressqulu l-bniedem u lill-komunità Nisranija li fil-miżerja tagħhom ikollhom waqtiet ta’ skuraġġiment; imma llum indur fuq San Ġorġ tagħna, imlibbes b’dik l-armatura tal-qawwa, u nitolbu jikkonvinċina li ma għandniex inċedu quddiem il-qtigħ il-qalb, imma, imsaħħin bl-eżempju tiegħu u bl-interċessjoni tiegħu, aħna nitolbu d-don tal-qawwa. Din hija l-Bxara t-tajba li nixtieq inwassal lill-komunità Ġorġjana u lill-Knisja kollha: agħmlu l-qalb; il-vulnerabbiltà, id-dgħufija, huma parti mill-ħajja, imma stinkaw u itolbu lil Alla bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ biex jagħtina d-don tal-qawwa.

Id-don tal-qawwa
Fl-Eżortazzjoni Appostolika Il-Ferħ tal-Vanġelu, il-Papa Franġisku joffrilna kelma ta’ faraġ meta jikteb illi “waħda mill-iżjed tentazzjonijiet serji li jifgaw il-ħeġġa u l-kuraġġ huwa meta nħossuna mirbuħin, sens li jibdilna f’persuni pessimisti b’wiċċhom imkemmex li dejjem imdejqin u qalbhom maqtugħa. Ħadd ma jista’ jidħol għal battalja jekk sa minn qabel ma jittamax għal kollox fi trijonf. Min jitlaq bl-ewwel passi mingħajr ma jkollu fiduċja, diġà tilef minn qabel nofs il-battalja u jkun qed jidfen it-talenti tiegħu. Anki jekk bl-għarfien tad-dgħufijiet tagħna li jnikktuna, jeħtieġ nibqgħu mexjin ’il quddiem mingħajr ma nagħtu ruħna b’mirbuħa” (n. 85).

Dan kollu jgħinna napprezzaw kemm fil-ħajja neħtieġu l-qawwa, l-awdaċja u l-kuraġġ. Platun jgħid li l-qawwa hija virtù meħtieġa għas-solidalità tal-Istat u taċ-ċittadini. Kien Sant’Ambroġ li beda jitkellem dwar din il-virtù bħala waħda mill-erba’ virtujiet kardinali. Fi kliem San Tumas minn Aquino, il-virtù tal-qawwa tinsab f’dik il-persuna li hija lesta li aggredi pericula – li taffronta d-diffikultajiet u li għandha l-ħila sustinere mala – li ma tibżax taffaċċja l-problemi. Imbagħad il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jiddeskrivi l-qawwa bħala “virtù morali li tagħtina li nkunu sodi u ma nieqfu qatt milli nfittxu dejjem dak li hu tajjeb minkejja d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom”. Nawgura li bl-għajnuna ta’ San Ġorġ niksbu aktar sodezza u jkollna aktar determinazzjoni biex it-tajjeb li nemmnu fih, inwettquh.

Dgħufija mixtieqa
Imma biex ikollna dan id-don tal-qawwa, hemm kundizzjoni serja ħafna. Kif jgħid il-Kardinal Martini, “il-qawwi huwa dak li jaf li huwa dgħajjef”. Forsi din hija r-raġuni għaliex tonqosna l-qawwa: għax mhux lakemm wieħed jammetti d-dgħufija tiegħu. Hawnhekk Martini żgur li kien ispirat minn Missierna Pawlu li fit-Tieni Ittra lill-Korintin jagħmel stqarrija straordinarja: “Meta jien dgħajjef, jien qawwi”. Huwa jkompli jgħid: “Nifraħ minn qalbi bid-dgħufijiet tiegħi biex il-qawwa ta’ Kristu twaqqaf it-tinda tagħha fija. Mela bil-qalb kollha nitgħaxxaq bid-dgħufijiet tiegħi, bit-tagħjir, bl-għaks, bil-persekuzzjonijiet, bid-dwejjaq minħabba Kristu” (2 Kor 12:9-10).

Hawnhekk San Pawl mhux qed jagħmel eloġju lill-ħażen, lid-dgħufija, it-tbatija jew il-miżerja; imma hu ntebaħ li d-dgħufija, għal min jgħixha bl-imħabba, taf tkun opportunità fejn il-qawwa ta’ Kristu tidher fil-milja tagħha. San Pawl fehem li l-bniedem ma jistax ikun qawwi jekk ma jħaddanx id-dgħufija.

Jien konvint li Ġorġi kellu dawn is-sentimenti u l-konvinzjonijiet li kellu Pawlu. Ġorġi ma kienx xi ġgant. Ma kellux kwalitajiet super-umani – inkella l-Knisja tiżbalja meta tpoġġih bħala kampjun. Kien bħalna f’kollox.

Naturalment l-istorja ta’ madwarna taf tgiddibni f’dan li qed ngħid u nifhimkom jekk tiddubitaw kliemi. Għaliex l-esperjenza donnha tgħidilna li min huwa aggressur, arroganti, prepotenti u vjolenti għandu t-triq miftuħa. Imma attenzjoni, għaliex l-apparenza tqarraq. Min għandu l-paċi tal-qalb? Min hu vjolenti jew min jemmen fin-non-vjolenza? Min hu arroganti jew min hu mans? Min jemmen fil-poter ekonomiku, politiku, medjatiku, etċ., jew mill-qawwa li ġejja minn Alla?

Hija grazzja minn Alla li Ġorġi tagħna kien dgħajjef, għax hekk huwa seta’ jduq il-qawwa ta’ Alla. Hija grazzja li aħna fil-ħajja ngħaddu minn waqtiet fejn inħossuna msabbtin mal-art. Ara taqtgħu qalbkom. Hija wkoll grazzja għall-Knisja li tidher dgħajfa. Jien jiddispjaċini li fostna għad hawn min jaħseb li l-Knisja hija qawwija meta hija Knisja trijonfanti u potenti. Din mhix il-Knisja ta’ Kristu. Jekk bħalissa l-Ewropa għaddejja minn żmien fejn it-tagħlim tal-Knisja qed jaqa’ fuq widnejn torox, fejn il-knejjes qed jitbattlu min-nies, fejn f’xi postijiet hija evidenti l-isterilità tal-Knisja tant li ma għadhiex twelled ulied ġodda, din tista’ tkun grazzja, għax hekk il-Knisja tinża’ l-armatura umana, tneħħi l-qafas materjali li nbena mal-medda tas-snin, biex hekk inħallu l-qawwa ta’ Alla tidher. Naf li din mhix lezzjoni ħafifa, lanqas għan-nies tal-Knisja!

Id-dgħufija spiritwali
Forsi naslu biex nifhmu li l-qawwa ta’ Kristu tidher fejn hemm id-dgħufija fiżika jew psikoloġika; imma hemm għamla oħra ta’ dgħufija li mhix indifferenti għal Alla. Qed nirreferi għad-dgħufija spiritwali – l-umiljazzjoni li nġarrbu meta nkunu taħt id-dell tad-dnub, anki tad-dnub abitwali, jew meta nkunu fil-morsa tal-vizzju. F’din id-dgħufija wkoll taħdem il-qawwa ta’ Alla. Kif jgħid it-teologu Dietrich Bonhoeffer, “fejn naħsbu li ser inġagħlu lil Alla jistħi minna minħabba għemilna, fejn naħseb li Alla tbiegħed minni minħabba l-għemil żbaljat tiegħi, propju hemm Alla jidħol fil-ħajja tagħna biex jgħinna nħossu li hu qrib tagħna u hekk nifhmu l-miraklu tal-imħabba tiegħu li lanqas aħna ma nkunu nistennew. Alla huwa qrib il-miżerja tagħna, iħobb fina dak li hu mitluf, dak li jitlef kull tifsira, dak li huwa emarġinat”.

San Bernard, li fost il-monaċi forsi kien l-aktar li kellu storja ta’ suċċess, ukoll ġarrab is-siegħa tal-umiljazzjoni, tad-dgħufija u tal-miżerja eżistenzjali. Kif jistqarr hu nnifsu, minħabba kriżi spiritwali u morali ħassu fid-dmir li jgħix barra mill-kunvent għal sena sħiħa. Huwa jgħid li matul din is-sena huwa fehem ħwejjeġ li qatt ma kien fehem qabel: fil-miżerja tiegħu hu għaraf il-kobor tal-grazzja u tal-ħniena ta’ Alla. Għalhekk joħroġ b’dik l-espressjoni qawwija, Optanda infirmitas – dgħufija mixtieqa. Din hija espressjoni li ma nibżax inpoġġi fuq fomm San Ġorġ, peress li kien uman fost il-bnedmin. Jekk San Ġorġ għandu storja glorjuża, dan għaliex aċċetta d-dgħufija tiegħu u bħal Pawlu kien jgħid: “Jien qawwi meta jien dgħajjef”, u ma’ San Bernard lissen: “Optanda infirmitas”.

Biżżejjed il-grazzja
Meta l-bniedem jagħraf iċ-ċkunija tiegħu, fejn il-bniedem huwa żgħir u dgħajjef, hemm tidher il-qawwa ta’ Alla. F’dan ir-rigward hemm xebh bejn San Ġorġ u Gidgħon. It-tnejn ġejjin minn familji sempliċi u t-tnejn kellhom esperjenza militari. Alla jitlob lil Gidgħon biex b’armata ta’ tliet mitt ruħ jeħodha kontra l-eżerċtu kotran ta’ Midjan. Konxju minn din iċ-ċkunija u d-dgħufija, Gidgħon jistaqsi lil Alla kif qatt seta’ jsalva lil Iżrael; imma l-anġlu tal-Mulej jgħidlu: “Mur bil-qawwa li hemm fik!”. Fi kliem ieħor l-anġlu kien qed jagħmillu l-qalb, mhux għax Gidgħon kellu xi kariżma jew xi abbiltà partikulari biex jikkumbatti, imma għax il-Qawwa ta’ Alla tidher fejn hemm id-deżolazzjoni u d-dubji.

Dak li għamel il-qalb lil Gidgħon huwa l-istess li lil San Pawl qallu: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi, għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef” (2 Kor 12:9).

L-istess iseħħ f’San Ġorġ. Hu wkoll kien imbeżża’ mill-eżerċtu Ruman li kien qed jippersegwita lill-Insara; hu wkoll kien konxju mill-miżerja tiegħu; imma propju għalhekk Alla seta’ jgħidlu biex bil-qawwa li kien hemm fih, huwa jmur jaffronta lill-għadu. Kif Alla wennes lil San Pawl, hekk ukoll wennes lil Ġorġi meta qallu li kienet biżżejjed għalih il-grazzja tiegħu, li tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef.

Epifanija ta’ Alla
Għalhekk id-dgħufija ssir ¬locus theologicus – okkażjoni fejn tidher il-preżenza u l-azzjoni ta’ Alla; il-miżerja tagħna ssir epifanija fejn tidher il-glorja ta’ Alla. Dan nista’ napplikah għal San Ġorġ tagħna, speċjalment meta resaq għall-martirju. Għal San Ġorġ il-martirju kien locus theologicus u epifanija fejn dehret taħdem il-grazzja u l-azzjoni ta’ Alla fid-dgħufija tiegħu, fejn dehret il-glorja ta’ Alla.

Jeħtieġ li nixtarru aktar dak li jgħid Pawlu: “Kristu kien imsallab minħabba d-dgħufija tiegħu, iżda issa jgħix bil-qawwa ta’ Alla. U aħna wkoll dgħajfa fih, iżda ngħixu miegħu bil-qawwa ta’ Alla għalikom” (2 Kor 13:4). Mhux il-bniedem biss huwa vulnerabbli, imma anki Alla huwa dgħajjef! Imma, kif jispjega San Pawl, kienet l-esperjenza ta’ din id-dgħufija tal-umanità li wasslitu biex jiltaqa’ mal-qawwa ta’ Alla. Hekk ġara lil San Ġorġ u hekk jiġri lid-dixxipli kollha ta’ Kristu.

Mija u ħamsa u sebgħin sena tweżinna fid-dgħufija tagħna
Indur fuqek, għażiż Patrun tagħna San Ġorġ. Għaddew mija u ħamsa u sebgħin sena minn meta l-istatwa artistika u devota tiegħek ilha żżejjen mhux biss din il-Bażilika, imma lil beltna u lil Għawdex tagħna. Min jista’ jgħid kemm matul din il-medda ta’ snin kien hemm nies li serrħu l-ħarsa tqila tagħhom fuqek, kemm karbu quddiemek, kemm talbuk fil-miżerja u d-dgħufija tagħhom! Imma inti fakkarthom biex ma jaqtgħux qalbhom mid-dgħufija tagħhom u biex jipperseveraw, għax il-qawwa ta’ Alla tidher fejn hemm id-dgħajjef. Propju għaliex ġarrabt inti stess, stajt tgħidilhom li l-grazzja ma tbejjitx fejn hemm il-qawwa u l-virtù, imma fuq id-dgħufija tagħna.

Għalhekk, meta llum għandna fostna r-Relikwa Insinji tad-Driegħ tiegħek, nitolbok: agħtina daqqa ta’ id fil-ħajja tagħna… agħtina imbuttatura ’l quddiem. Newlilna driegħek biex b’idejna f’idejk, inti taqlagħna minn dawk il-qagħdiet ta’ qtigħ il-qalb. Hekk mhux biss aħna nkunu mlibbsin il-kurazza tal-qawwa ta’ Alla, imma kif inhu dmirna, ngħaddu dan il-messaġġ ta’ tama lis-soċjetà ta’ madwarna. Amen.