Omelija tal-Isqof Mario Grech f’Ħamis ix-Xirka


EWKARISTIJA MEDIĊINA KONTRA T-TRADIMENT

Omelija tal-Isqof Mario Grech
Quddiesa In Coena Domini, Ħamis ix-Xirka,
Knisja Katidrali, il-Ħamis 17 ta’ April 2014

Il-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka huwa l-lejl tat-“tradiment”. Din il-kelma, li ġejja mil-Latin “tradere” għandha tifsiriet differenti.

F’sens pożittiv tfisser li Ġesù nnifsu tana Ġismu bħala ikel u Demmu bħala xorb. Għalhekk nistgħu ngħidu li dan huwa l-lejl meta Kristu għamel dan “it-tradiment” – meta waqt l-aħħar ċena, hu ħa l-ħobż u qal: “Ħudu u kulu, dan huwa ġismi li jingħata għalikom”. Ikkunsidrata din it-tifsira, tassew għandna għalfejn niċċelebraw f’dan il-lejl; huwa l-lejl li fih l-Iben ta’ Alla jagħmel l-aqwa għotja tiegħu nnifsu għalina.

Imbagħad hemm t-tifsira negattiva tal-kelma tradiment. Ġuda huwa dak li ttradixxa lil Ġesù, li ta lil Ġesù biex il-forzi jeħduh quddiem il-qassisin il-kbar u quddiem Pilatu.

Imma nixtieq nitkellem fuq tradiment ieħor! Dan il-lejl ifakkarna li jekk aħna ma noqogħdux attenti fuqna nfusna, faċli li nitradixxu lilna nfusna. Fil-ħajja huwa possibli li nagħmlu għażliet jew deċiżjonijiet li jissarrfu f’deni għalina stess; nistgħu nagħtu tip ta’ direzzjoni lilna nfusna jew lis-soċjetà li tirriżulta li tkun ingassa ma’ għonqna, kif skont it-tradizzjoni ġara lil Ġuda. Infatti Ġuda mhuwiex biss dak li ttradixxa lil Kristu, imma wkoll dak li ttradixxa lilu nnifsu, tant li waqa’ fid-disperazzjoni.

Huwa fatt li meta aħna nagħmlu d-deni lilna nfusna, dan ma jkunux effett ta’ deċiżjoni tal-mument imma frott ta’ proċess jew orjentament li wieħed ikun qed jagħti lil ħajtu. Għandna eżempju ta’ dan fir-rakkont tal-Aħħar Ċena.

Insibu lil Pietru: dan ma kienx xi dixxiplu gwapp, tant li għamel reżiztenza lil Kristu meta dan ġie biex jaħsillu riġlejh. Meta mbagħad sab ruħu fil-bitħa tal-palazz, Pietru ċaħad li kien jaf lil Ġesù. Huwa fatt li żmien qabel Ġesù kien wissa lil Pietru li kien priża tax-xitan, meta qallu, “warrab minn quddiemi, ja xitan”.

Fir-rigward ta’ Ġuda, il-Vanġeli jgħidulna li kien hemm tliet darbiet meta Ġesù pprova jitfa’ l-ħabel lil Ġuda biex dan jaqbdu u ma jegħreqx. Infatti waqt l-Aħħar Ċena, biex jindika min kien ser jittradih u qabel ta biċċa ħobż lil Ġuda, Ġesù qal: “Dak li għalih se nbill din il-gidma ħobż fil-platt u nagħtihielu” (Ġw 13,26). Bħal donnu Ġesù, meta qal hekk, ried jgħid lil Ġuda biex jaħsibha sew x’se jagħmel. Imbagħad, hekk kif Ġuda ħa l-Ewkaristija, Ġesù qallu: “Jekk trid, agħmel dak li għandek tagħmel”. Dan ifisser li Ġuda kien fil-libertà x’jagħmel! Quddiemu kellu għażla ħielsa. Ninnutaw li minkejja li Ġuda diġà kellu l-intenzjoni li jittradixxi, Ġesù xorta waħda jagħtih l-Ewkaristija bit-tama li dan l-ikel jgħinu ma jippersistix fl-iżball. Imbagħad kif kienu fil-Ġnien taż-Żebbuġ, wara li Ġuda biesu, Ġesù qallu: “Ħabib b’bewsa tittradixxi lil Bin il-bniedem?”. Infatti huwa l-ħabib u mhux l-għadu li jista’ jittradixxi! Il-fatt li Ġesù jsejjaħlu ħabib, bħal donnu jfisser li Ġesù għal darba oħra jerġa’ jagħmel tentattiv ieħor biex jikkonvinċi lil Ġuda ma jagħmilx ħsara lilu nnifsu. Interessanti li Ġesù jibqa’ joffri l-id tal-ħbiberija lil Ġuda, anke meta t-tradiment li wettaq Ġuda kien daqshekk imminenti. Dan ifisser li Ġesù jibqa’ ħabib tal-midneb anke meta dan ikun jinsab fil-lejl mudlam minħabba għażliet żbaljati! Ġesù jibqa’ jipprovoka bil-kelma ħelwa tiegħu lil Ġuda biex huwa jmur fuq in-naħa t-tajba tal-istorja. Ġesù juri interess ġenwin f’Ġuda mhux biex ma jittradixxihx, imma biex Ġuda ma jittradixxix lilu nnifsu.

Id-differenza bejn Pietru u Ġuda hija magħrufa: Pietru, hekk kif lemaħ lil Kristu jħares lejh, nidem u ma kompliex miexi fit-triq tat-tradiment. Min-naħa l-oħra, Ġuda ma laqax l-offerta kollha mħabba li għamillu Kristu.

Din hija l-esperjenza tagħna lkoll – tiegħi u tiegħek! Fil-ħajja tagħna kontinwament insibu ruħna f’din it-tensjoni.

Nixtieq nippreċiża li meta bid-dnub tagħna aħna nittradixxu lil Alla, aħna nkunu nittradixxu lilna nfusna. Huwa minnu li d-dnub huwa offiża kontra Alla. Imma Alla huwa offiż bin-nuqqas tagħna għax jarana noffendu lilna nfusna. Meta nagħżlu d-dnub, il-qalb ta’ Alla tingħafas għaliex Alla ma jridniex nittradixxu lilna nfusna. Alla ma jaħmilx jarana nagħmlu deċizjonijiet li bihom inkunu nkiddu lilna nfusna.

Quddiem il-fatt li aħna għandna din il-possibbiltà li bil-libertà kollha nistgħu nkunu l-qerda tagħna nfusna, il-Bxara t-Tajba hija li hemm bżonn li aħna niftakru fit-“tradiment” li wettaq Kristu meta tana lilu nnifsu fl-Ewkaristija. It-tradiment ta’ Kristu huwa l-mediċina biex aħna ma nagħmlux tradiment lilna nfusna. L-Ewkaristija kienet prefigurata fil-manna li tat il-qawwa lil-Lhud fil-proċess li għaddew minnu sakemm ħarġu minn taħt idejn l-Fargħun, li kien iżommhom skjavi. Għalina l-Ewkaristija hija l-ikel spiritwali li neħtieġu matul il-proċess mifrux matul ħajjitna kollha biex aħna noħorġu minn taħt is-seħer tat-tentatur. Hekk, aħna mhux biss jirnexxielna ma nagħmlux ħsara la lilna nfusna u lanqas lil ta’ madwarna, imma, kif tgħid l-Iskrittura, nidħlu f’dik li art li tnixxi ħalib u għasel.

Imma jekk l-Ewkaristija hija din il-qawwa, kif infissru ċerti atteġġjamenti li aħna għandna fil-konfront ta’ dan is-sagrament? Għaliex ħafna minna jċaħħdu lilhom infushom mill-Ewkaristija u ma jersqux ta’ spiss għat-tqarbin? Għaliex uħud minna nittraskuraw dan l-ikel li niżel mis-sema u b’hekk nittradixxu lilna nfusna, lill-familja tagħna…? Għaliex nitfixklu u forsi ukoll nieħdu skandlu meta naraw persuni, li skont il-ġudizzju uman tagħna ma jkunux “perfetti”, jersqu għall-Ewkaristija?

Il-Papa Franġisku, fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium, jgħid li “il-Knisja hija msejħa biex dejjem tkun id-dar miftuħa tal-Missier … u li kulħadd jista’ jkun parti mill-komunità, u għall-ebda raġuni ma nistgħu nagħlqu l-bibien tas-sagramenti. Dan jgħodd b’mod partikulari għas-sagrament tal-Magħmudija, li huwa l-bieb għas-sagramenti l-oħra. U l-Ewkaristija, billi hija l-milja tal-ħajja sagramentali, mhix premju għal dawk li huma perfetti imma hija rimedju ġeneruż u ikel għad-dgħajfin” (n. 47). Din hija aħbar tajba li tagħmlilna ħafna kuraġġ biex ninġabru madwar il-mejda tal-Ewkaristija, għax nistħajjel li ħafna jibqgħu ’l bogħod minnha proprju għax tant għandhom rispett reverenzjali kbir lejha li jibqgħu lura, għax iħossu li ma jistgħux jitqarbnu jekk ma jkunux perfetti. Barra minn hekk, din is-sentenza tal-Papa tiftħilna għajnejna biex la nitkażaw u lanqas niġġudikaw jew nagħlqu ebda bieb lil min fil-kuxjenza huwa konvint quddiem Alla li jista’ jirċievi l-Ewkaristija. Kif jgħid il-Papa meta jikkwota lil Sant’Ambroġ, l-Ewkaristija hija mediċina. Ir-rimedju ma jeħtiġuhx dawk li huma b’saħħithom, imma dawk li huma morda u għandhom il-pjagi!

Nagħmlilkom il-qalb biex ma nxejnux it-tradiment li għamel Kristu meta tana lilu nnifsu fl-Ewkaristija. Sajmin mill-Ewkaristija, hemm riskju kbir mhux tant li nittradixxu lil Alla daqskemm li nittradixxu lilna nfusna. F’diskors li l-Papa Franġisku għamel fi Frar li għadda, saħaq li aħna nieħdu sehem fl-Ewkaristija mhux għaliex aħna qaddisin imma għaliex aħna midinbin. Il-ġemgħa li tinġabar għall-quddiesa mhix magħmula minn persuni perfetti imma minn midinbin: “Jekk xi ħadd minna ma jħossx il-ħtieġa li jkun milqugħ u mwelled mill-ġdid bil-ħniena t’Alla, u ma jammettix li huwa midneb, ikun aħjar jekk ma jmurx għall-quddiesa. Aħna mmorru għall-Ewkaristija għaliex aħna midinbin u rridu nirċievu l-maħfra ta’ Alla, nieħdu sehem fil-fidwa u l-maħfra li kisbilna Ġesù. Meta fil-bidu tal-quddiesa nistqarru ħtijietna, dak mhux xi ħaġa pro forma, imma tassew att ta’ penitenza” (Udjenza, 12 ta’ Frar 2014).

Għalhekk, lil dawk fostna llum li huma midinbin, nagħmlilhom kuraġġ; anzi nagħmlu l-qalb lil xulxin, għaliex anke jien midneb. Xieraq li nkunu aktar konvinti li aħna, il-midinbin, għandna bżonn, aktar minn dawk li jaħsbu li huma qaddisin, nersqu lejn l-Ewkarstija biex hemmhekk nagħmlu l-esperjenza tal-ħniena u mogħdrija ta’ Alla, liema esperjenza tgħinna ma nkunux ħatja ta’ tradimenti. Kif lil-Lhud fl-eżilju Alla qalilhom biex iċappsu l-blata tad-dar tagħhom bid-demm tal-ħaruf biex l-anġlu tal-mewt ma jidħolx għandhom, hekk illum Kristu qed jgħidilna biex ninħaslu fid-demm tiegħu fl-Ewkarstija biex l-anġlu tal-qerda (id-dnub) ma jkunx parti minn ħajjitna.