Adorazzjoni għall-5 Ħadd tal-Għid. Sena A

O Ġesù Ewkaristija, jien nadurak, veru Alla u veru bniedem, li qiegħed fostna fis-Sagrament Imqaddes. Jien nadurak u nagħrfek b’sid tiegħi, u b’sid tal-ħlejjaq kollha. Jiena xogħol ta’ jdejk Mulej…. Int il-ħallieq tiegħi…. Inti Alla tiegħi…. Agħmel Mulej, li Inti jkollok l-aqwa post f’qalbi, u l-aqwa post f’ħajti. Mulej, inti kollox u jiena ma jien xejn.    (5 sek pawsa)

Mixħut hawn quddiemek, jien nixtieq nirringrazzjak minn qalbi ta’ kulma tagħmel miegħi, tal-grazzji kollha li Inti ta’ kuljum ixxerred fuqi. Nirringrazzjak speċjalment Mulej, ta’ dawk il-ħafna grazzji li jien lanqas biss ninduna bihom.

Mulej, illum irrid nerħi ruħi f’idejk, bil-ħtiġijiet tiegħi, bix-xewqat tiegħi, u bil-problemi kollha tiegħi. Agħmel minn ħajti xi ħaġa sabiħa, li tkun togħġob lill-Qalb Imqaddsa tiegħek….

Ġesù, Int taf li nħobbok, u nixtieq li nħobbok dejjem iżjed. Inti tħobbni ħafna; għinni int, biex insir inħobbok dejjem iżjed.

Silenzju biss                   1 min

Mulej Ġesù, illum qiegħed hawn quddiemek u nirrikonoxxi li spiss inħossni mitluf jew megħlub mill-istorbju tad-dinja. Imma Int għidtilna: “Jiena t-Triq”. Għinni ħalli nimxi dejjem fuq il-passi tiegħek. Mixxini Int kull fejn tridni mmur. (3 sek pawsa)

O Sinjur, id-dinja mimlija nofs veritajiet u dellijiet. Inti d-Dawl li jurina lil-Missier. Inti l-Verità li teħlisna. Agħmel li l-Kelma tiegħek tkellem lil qalbi. (3 sek pawsa)

Ġesù, Int il-Ħobż tal-ħajja. Mingħajrek, jien ma jien xejn; imma bik jien niġġedded u nieħu l-ħajja. Imlieni bik, u ferra lilek innifsek fija, biex bla biża’ ta’ xejn inkun nista’ nwassal id-dawl tiegħek lil dawk li Inti tlaqqani magħhom.

Silenzju       3min

Innu: ____________

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann                                            Ġw 14:1-12

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet. Li ma kienx hekk, kont ngħidilkom: ‘Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu?’. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll. U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha”.

Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?”. Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi. Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri: minn issa ’l quddiem tagħrfuh, anzi diġà rajtuh”. Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina”. Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli: “Urina l-Missier?”. Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu.

Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk mhux għal ħaġ’oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier”.

Il-Kelma tal-Mulej    

Tifħir lilek Kristu

Silenzju       1min

Din is-silta teħodna f’dak il-mument drammatiku tal-aħħar ċena. Mument ta’ ansjetà u biża’ għall-appostli, li kienu miġbura madwar Ġesù, li kien qiegħed iħejji ruħu għall-għotja sħiħa tiegħu fuq il-kalvarju.     (3 sek pawsa)

F’ħajjitna, jiġu mumenti meta faċli nitħawwdu, meta faċli jaqa’ fuqna biża’ kbir. Nitħawwdu, u nitgerfxu meta tiġi xi marda fuqna, jew fuq xi membru tal-familja tagħna; meta jmut xi ħadd mill-familja. Jiġrilna l-istess, bħalma ġara lill-appostli dik il-lejla stess meta Ġesù ġie arrestat: huma beżgħu, tħawwdu, u ħarbu. (5 sek pawsa)

Minkejja dan kollu, Int, o Ġesù, tagħti kelma qawwija ta’ kuraġġ lill-appostli tiegħek, u lilna wkoll illum: “Tħallux qalbkom titħawwad!”…. “Jiena sejjer inħejjilkom post biex fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.”

Għandna bżonn kuljum din it-tama, li minkejja l-ġrieħi li nġarrbu, n-niket li ngħaddu minnhu, ngħixu moħħna bi kwietu, bil-paċi u serenità li tagħtina Int, o Mulej.  

Silenzju                3 min

“Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla u fija wkoll.” Verament kelma qawwija ta’ kuraġġ, li tqanqal id-dubju f’Tumas, l-appostli li dejjem jiddubita. “Mulej jekk ma nafux fejn Inti sejjer, kif nistgħu nafu t-triq li niġu għandek?” (3 sek pawsa)

U Int, O Ġesù, li taf bid-dubji ta’ Tumas, u tagħna wkoll, toħroġ b’dik id-dikjarazzjoni sabiħa: “Jien hu t-triq, il-verità, u l-ħajja”. Mulej, Int tippreżenta lilek innifsek, bħala l-uniku persuna: Alla magħmul bniedem, li tingħata għalina, li verament tiftħilna l-bieb beraħ għall-qalb kbira kollha ħniena ta’ Alla l-Missier. (3 sek pawsa)

Ejjew nilqgħu din il-kelma ta’ kuraġġ li qed jagħtina Sidna Ġesù Kristu; u anke llum, f’ħajjitna, ma nħallux qalbna titħawwad, imma nkomplu nintrabtu ma’ Kristu Rxuxtat tagħna, li jwassalna għal għand il-Missier. Li jonqosna, hu biss li naqbdu din it-triq.

Silenzju                3 min         

Innu: ____________

Talbiet tal-Komunitá

Miġburin madwar l-artal tal-Mulej, filwaqt li nġeddu flimkien il-passjoni, l-mewt, u l-qawmien ta’ Kristu: nitolbu lil Alla l-Missier, biex isawwab fuqna l-frott tas-salvazzjoni li kisbielna Ibnu.

Kristu, Int għamilt kuraġġ lid-dixxipli biex ma jitħawdux minħabba t-tbatija: agħti l-kuraġġ lill-Papa u lill-Isqfijiet, biex ma jitħawdux meta jiltaqgħu mad-diffikultajiet u mal-problemi. Nitolbu.

Kristu, Int għidtilna, li min għarraf lilek, għaraf lill-Missier: agħraf lilek innifsek lill-mexxejja tal-ġnus, biex f’kull ma jagħmlu, jaħsbu, u jgħidu, jkunu qed jagħtu xhieda li huma għarfuk. Nitolbu.  

Kristu, kun Int it-triq, is-sewwa, u l-ħajja għal dawk kollha, li xi żball qed iżommhom il-bogħod minnek: fittex iġbidhom lejk, biex minn issa jibdew igawdu l-frott tal-passjoni tiegħek. Nitolbu.

Kristu, Int għidtilna, li fid-dar ta’ Missierek hemm ħafna għamajjar: agħmel li wara li ngħaddu ħajjitna hawn fl-art, ikun jistħoqqilna l-post li Int ħejjejt għalina. Nitolbu.

Ejjew fis-skiet ta’ qalbna nagħmlu t-talba personali tagħna.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading