LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
L-Erbgħa 29 ta’ April 2026
Il-Vjaġġ Appostoliku fl-Alġerija, il-Kamerun, l-Angola u l-Guinea Ekwatorjali
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!
Illum nixtieq nitkellem fuq il-Vjaġġ appostoliku li għamilt mit-13 sat-23 ta’ April, u żort erba’ pajjiżi Afrikani: l-Alġerija, il-Kamerun, l-Angola u l-Guinea Ekwatorjali.
Sa mill-bidu tal-pontifikat kelli f’moħħi vjaġġ l-Afrika. Nirringrazzja lill-Mulej li tani l-possibbiltà li nagħmlu, bħala Ragħaj, biex niltaqa’ u nagħmel il-qalb lill-poplu ta’ Alla; u anki li ngħixu bħala messaġġ ta’ paċi f’mument storiku mmarkat minn gwerer u minn vjolazzjonijiet gravi u frekwenti tal-liġi internazzjonali. U nesprimi l-“ħajr” minn qalbi lill-Isqfijiet u lill-Awtoritajiet ċivili li laqgħuni u lil dawk kollha li kkollaboraw fl-organizzazzjoni.
Il-Providenza riedet li l-ewwel tappa tkun proprju l-pajjiż fejn jinsabu l-postijiet ta’ Santu Wistin, jiġifieri l-Alġerija. L-istess kif sibt li, minn naħa, kont qed nerġa’ nitlaq mill-għeruq tal-identità spiritwali tiegħi u, mill-oħra, naqsam u nsaħħaħ pontijiet importanti ħafna għad-dinja u għall-Knisja tal-lum: il-pont mal-epoka l-aktar għammiela tal-Missirijiet tal-Knisja; il-pont mad-dinja Iżlamika; il-pont mal-kontinent Afrikan.
Fl-Alġerija rċivejt akkoljenza mhux biss rispettuża imma kordjali, u stajna mmissu b’idejna u nuru lid-dinja li possibbli ngħixu flimkien bħala aħwa, anki ta’ reliġjonijiet differenti, meta nagħrfu li aħna wlied l-istess Missier ħanin. Barra minn hekk, kienet l-okkażjoni t-tajba biex noqogħdu fl-iskola ta’ Santu Wistin: bl-esperjenza tal-ħajja tiegħu, il-kitbiet u l-ispiritwalità tiegħu hu mgħallem fit-tifitx ta’ Alla u tal-verità. Illum din ix-xhieda hi importanti iktar minn qatt qabel għall-Insara u għal kull persuna.
Fit-tliet pajjiżi l-oħra li żort, il-popolazzjoni mill-banda l-oħra hi fil-parti l-kbira Nisranija, u allura dħalt fi klima ta’ festa tal-fidi, ta’ akkoljenza mill-qalb, megħjuna wkoll mill-karatteristiċi tipiċi tan-nies tal-Afrika. Doqt jiena wkoll, bħall-Predeċessuri tiegħi, xi ftit minn dak li kien jiġrilu Ġesù mal-folol tal-Galilija: hu kien jarahom bil-għatx u bil-ġuħ, u jħabbrilhom: “Henjin il-foqra, henjin ta’ qalbhom ħelwa, henjin dawk li jġibu l-paċi…” u, waqt li jagħraf il-fidi tagħhom, jgħidilhom: “Intom il-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja” (ara Mt 5:1-16).
Iż-żjara fil-Kamerun tatni l-possibbiltà li nsaħħaħ is-sejħa biex nimpenjaw ruħna flimkien għar-rikonċiljazzjoni u l-paċi, għax anki dak il-pajjiż b’xorti ħażina hu mmarkat minn tensjonijiet u vjolenzi. Kuntent li mort Bamenda, fiż-żona Anglofona, fejn qawwejtilhom qalbhom biex jaħdmu flimkien għall-paċi. Il-Kamerun hu msejjaħ “Afrika f’minjatura”, b’riferiment għall-varjetà u għall-għana tan-natura u tar-riżorsi tiegħu, imma nistgħu nifhmu din l-espressjoni anki fis-sens li l-bżonnijiet il-kbar tal-kontinent kollu nsibuhom fil-Kamerun: dawk ta’ tqassim indaqs tal-għana; dawk li jagħti spazju liż-żgħażagħ, u hekk jegħleb il-korruzzjoni endemika; dawk li jippromovi l-iżvilupp integrali u sostenibbli, u jeħodha kontra d-diversi forom ta’ neo-kolonjaliżmu permezz ta’ koperazzjoni internazzjonali b’viżjoni fit-tul. Nirringrazzja lill-Knisja fil-Kamerun u lill-poplu kollu tal-Kamerun, li laqagħni b’tant imħabba, u nitlob li l-ispirtu ta’ għaqda li deher matul iż-żjara tiegħi jibqa’ jinżamm ħaj u jmexxi l-għażliet u l-azzjonijiet futuri.
It-tielet tappa tal-Vjaġġ kienet fl-Angola, pajjiż kbir fin-nofsinhar tal-ekwatur, ta’ tradizzjoni Nisranija ta’ bosta sekli, marbuta mal-kolonizzazzjoni Portugiża. Bħal ħafna pajjiżi Afrikani, wara li kisbet l-indipendenza, l-Angola għaddiet minn perjodu mqalleb, li fil-każ tagħha kien imċappas bid-demm ta’ gwerra twila interna. Fil-borma taħraq ta’ din l-istorja Alla mexxa u ppurifika l-Knisja billi kkonvertieha dejjem iżjed għas-servizz tal-Vanġelu, tal-promozzjoni umana, tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi. Knisja ħielsa għal poplu ħieles! Fis-Santwarju Marjan ta’ Mamã Muxima – li tfisser “Omm tal-qalb” – ħassejt tħabbat il-qalb tal-poplu tal-Angola. U fid-diversi laqgħat rajt bil-ferħ tant reliġjużi ta’ kull età, profezija tas-Saltna tas-smewwiet qalb nieshom; rajt katekisti li jiddedikaw ruħhom għalkollox għall-ġid tal-komunità; rajt uċuħ ta’ anzjani mnaqqsa minn taħbit u tbatijiet u li minnhom jidher il-ferħ tal-Vanġelu; rajt nisa u rġiel jiżfnu mar-ritmu tal-kant ta’ tifħir lil Kristu Rxoxt, fundament ta’ tama li tirreżisti għad-delużjonijiet ikkawżati mill-ideoloġiji u mill-wegħdiet fiergħa tas-setgħanin.
Din it-tama tesiġi impenn konkret, u l-Knisja għandha r-responsabbiltà, bix-xhieda u bit-tħabbira kuraġġjuża tal-Kelma ta’ Alla, li tagħraf id-drittijiet ta’ kulħadd u tippromovi r-rispett effettiv tagħhom. Mal-Awtoritajiet ċivili tal-Angola, imma anki ma’ dawk tal-pajjiżi l-oħra, stajt niżgura r-rieda tal-Knisja Kattolika li tkompli tagħti dan il-kontribut, b’mod partikulari fil-qasam tas-saħħa u tal-edukazzjoni.
L-aħħar pajjiż li żort hu l-Guinea Ekwatorjali, 170 sena wara l-ewwel evanġelizzazzjoni. Bl-għerf tat-tradizzjoni u d-dawl ta’ Kristu, il-poplu tal-Guinea għex il-ġrajjiet tal-istorja tiegħu u fl-aħħar jiem, fil-preżenza tal-Papa, ġedded b’ħeġġa kbira r-rieda tiegħu li jimxi magħqud lejn futur ta’ tama.
Ma nistax ninsa dak li seħħ fil-ħabs ta’ Bata, fil-Guinea Ekwatorjali: il-ħabsin kantaw b’vuċi ċara għanja ta’ ringrazzjament lil Alla u lill-Papa, u xtaqu li nitolbu “għad-dnubiet tagħhom u għal-libertà tagħhom”. Ma kont għadni qatt rajt xi ħaġa simili. U mbagħad talbu miegħi l-Missierna taħt xita qliel. Sinjal ġenwin tas-Saltna ta’ Alla! U dejjem taħt ix-xita bdiet il-laqgħa kbira maż-żgħażagħ fil-grawnd ta’ Bata. Festa ta’ ferħ Nisrani, b’xhieda li tmisslek qalbek min-naħa ta’ żgħażagħ li sabu fil-Vanġelu t-triq ta’ maturazzjoni ħielsa u responsabbli. Din il-festa laħqet il-qofol tagħha fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika tal-għada, li inkurunat kif imiss iż-żjara fil-Guinea Ekwatorjali u anki l-Vjaġġ appostoliku kollu.
Għeżież ħuti, iż-żjara tal-Papa hi, għall-popli Afrikani, okkażjoni biex isemmgħu leħinhom, jesprimu l-ferħ li huma poplu ta’ Alla u t-tama f’futur aħjar, ta’ dinjità għal kulħadd. Nifraħ li stajt nagħtihom din il-possibbiltà, u fl-istess waqt nirringrazzja lill-Mulej għal dak li huma taw lili, għana bla qies għall-qalb u għall-ministeru tiegħi.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard