Omelija tal-5 Ħadd tal-Għid. Sena A

Minn D. Edward Vella

Fil-ħajja ta’ kuljum ħadd ma jista’ jinqata’ mid-dinja u jgħix waħdu; aħna maħluqin biex ngħixu flimkien, iżda l-ħajja ta’ flimkien mhux dejjem waħda faċli. Mhux l-ewwel darba li nirfsu l-kallijiet ta’ xulxin kif ngħidu: j’Alla dan ma nagħmluħx apposta, u nkunu umli biżżejjed biex nitolbu maħfra u naħfru lil xulxin għax hekk biss ngħixu fil-paċi.

Anke il-Knisja, għad li mwaqqfa minn Ġesù, hija magħmula minn bnedmin tad-demm u l-laħam, u għalhekk fiha hemm id-difetti wkoll. Kif smajna fl-ewwel qari, sar xi tgergir mil-Lhud Griegi kontra l-Lhud, għax dehrilhom li ma kienx hemm min jieħu ħsieb ir-romol tagħhom fil-ministeru ta’ kuljum.Il-Knisja tal-bidu, li kienet magħmula fil-maġġoranza tagħha mill-Lhud insara, kienet wegħdet lill-insara li kienu ġejjin mill-pagani li tgħinhom jieħdu ħsieb il-foqra, u milli jidher dan ma kienx qed isir. Għalhekk l-appostli ltaqgħu biex isolvu din il-problema; hekk twaqqfu d-djakni biex jieħdu ħsieb tal-karità biex hekk l-appostli jibqgħu kkonċentrati fuq it-talb u x-xandir tal-Kelma.

Quddiem il-problemi tad-dinja u tal-Knisja l-Mulej jgħidilna, ‘Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll.’ Il-Mulej qed jgħidilna li huwa akbar minn kull problema li nistgħu naffrontaw, kemm fuq bażi individwali, kemm bħala Knisja,  u anke bħala soċjetà umana. Min jafda f’Alla qatt ma jċedi għall-qtigħ ta’ qalb, mhux għax jemmen li Alla ser jisparixxi il-problemi ta’ din id-dinja, iżda għax jemmen li Alla, fl-imħabba infinita tiegħu lejna, anke mill-problemi u t-tbatija kapaċi joħroġ ħafna ġid u tajjeb għalina u għal ħafna oħrajn permezz tagħna. Iżda Ġesù jkompli, ‘meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.Il-Mulej qed jgħidilna li l-problemi u d-dlam li jaħkem id-dinja mhux għal dejjem; aħna msejħin biex inkunu miegħu fit-tgawdija eterna, fejn ma hemmx iżjed dnub, tbatija, mard u mewt, u dak kollu li jtaqqalna f’din id-dinja, iżda hemm il-ferħ sħiħ, imħabba perfetta, is-sabiħ fil-milja tiegħu u fuq kollox ħajja eterna ta’ tgawdija.

Kultant forsi faċli naħsbu li din l-idea tal-ġenna hija waħda speċi tal-fatati, storja tajba biss għat-tfal, bħal meta ngħidu storja li biex tkun sabiħa tintemm b’mod pożittiv għal dejjem. Iżda Ġesù jkompli jurina t-triq li twassal għal dan biex jurina li qiegħed jgħidilna xi ħaġa li hija importanti ħafna għalina, anżi l-aktar ħaġa importanti, għax dak li jgħaddi, importanti kemm hu mportanti, ma huwa xejn ħdejn dak li jibqa’ għal dejjem: ‘Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.’ It-triq li twassal għal ħdan il-Missier hija waħda u waħda biss, Ġesù: lilu rridu nagħżlu qabel kollox u kulħadd, warah irridu nimxu, lilu rridu nisimgħu, u għandu rridu mmorru, anke meta niżbaljaw, għaliex huwa biss huwa dak il-pont li jgħaqqadna mad-destin waħdieni tagħna, il-Missier Etern.  Għalhekk tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘għalija l-ħajja fejn ser twassalni fid-dlam, fil-mewt, fil-baħħ jew fi ħdan il-Missier ta’ dejjem fi mħabba bla tmiem?

Mulej Ġesù, kemm hu diffiċli għalina li nemmnu tabilħaqq li aħna ma aħniex mexjin lejn it-tmiem iżda lejn il-bidu ta’ ħajja ġdida fil-milja tal-imħabba tal-Missier. Għinna Mulej ħalli ta’ kuljum inġeddu l-fidi tagħna fik u f’dak li tgħidilna, biex ta’ kuljum nagħmlu deċiżjonijiet li jirriflettu l-fidi tagħna fik li int t-Triq li twassal għall-Verità tal-Ħajja ta’ dejjem. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading