Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Ftuħ tal-Bieb Imqaddes tal-Ħniena għall-Familji


Omelija fil-Ftuħ tal-Bieb Imqaddes tal-Ħniena għall-Familji
Santwarju Nazzjonali Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb
Il-Ħadd 27 ta’ Diċembru 2015, Festa tal-Familja Mqaddsa
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-BIEB TAL-ĦNIENA MIFTUĦ BERAĦ GĦALL-FAMILJI

Min jista’ jifhem il-ferħ li ġarrbu Marija u Ġużeppi meta sabu mill-ġdid lit-tfajjel Ġesù? X’konsolazzjoni fawret f’qalbhom meta wara żmien ta’ separazzjoni l-Familja ta’ Nazareth għamlet “rikonċiljazzjoni”! Meta Marija tgħid li hi u Ġużeppi fettxewh b’qalbhom maqsuma hija qed tfisser mhux biss kemm switilhom il-firda, imma wkoll kemm ġabitilhom serħan il-moħħ u serenità tal-qalb ir-rikonċiljazzjoni, jiġifieri l-fatt li reġgħu ngħaqdu flimkien.

Bħall-familja ta’ Ġużeppi l-mastrudaxxa li ta’ kull sena kienet tagħmel pellegrinaġġ lejn it-Tempju ta’ Ġerusalemm għall-festa tal-Għid, illum aħna ġejna f’dan is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu biex niċċelebraw il-Ġublew tal-Familja. Bħall-Familja ta’ Nazareth, kważi kull familja għandha xi barxa fl-istonku tagħha; diversi huma dawk li bħal Marija u Ġużeppi għandhom “qalb maqsuma” għax matul il-pellegrinaġġ tal-ħajja miżżewġa u familjari tagħhom setgħu “tilfu” xi ħaġa li kienu jgħożżu ħafna ħafna. L-esperjenza tgħallimna li huma “leġjun” ir-raġunijiet li jekk ma noqogħdux attenti jistgħu jmermru l-għaqda tal-familji tagħna. Insemmi ftit eżempji: uħud setgħu għaddew minn xi burraxka affettiva li taffettwa serjament ir-relazzjoni ta’ bejniethom; uħud jinfnew waqt maltempata ekonomika; oħrajn jolqothom il-mard, partikularment il-mard kroniku jew li jikkawża diżabbiltà; oħrajn minħabba kwistjonijiet patrimonjali minħabba l-wirt tal-familja; u oħrajn. Ċerti qagħdiet bħal dawn ikunu tant gravi li l-membri tal-familja mhux biss “jitilfu” lil xi ħadd għażiż għalihom, imma l-familja kollha tmur il-baħar għax jitilfu t-tifsira vera taż-żwieġ u l-familja.

Kemm nixtieq li llum f’dan il-Ġublew tal-Ħniena għall-Familja nagħmlu talba għalenija lil Alla kollu ħniena biex matul din is-Sena Mqaddsa ħafna familji li għandhom qalbhom imtertqa jersqu lejn dan is-Santwarju f’riġlejn il-Madonna Ta’ Pinu u jħossu l-faraġ tar-rikonċiljazzjoni u, hekk kif ġralhom Marija u Ġużeppi fit-Tempju, huma wkoll jimtlew bil-ferħ! Nitolbu lil Alla bl-interċessjoni ta’ Marija, Omm tiegħu u tagħna, biex ikisser il-vażett tal-balzmu tal-ħniena u jferrgħu fuq il-ġrieħi tal-familji tagħna, konvinti li Alla għandu l-qawwa jfejjaq il-feriti kollha, anki dawk antiki li llum bdew jintnu għax jerħu r-riħa tat-tħassir.

Huwa interessanti li Marija u Ġuzeppi ma tilfux lil Ġesù fis-suq imma fit-Tempju. Ikolli ngħid li l-għaqda tagħhom ixxaqqet għax ħarġu minn “bieb” żbaljat – kienu għadhom ma fehmux li Ġesù kien il-Bieb veru tat-Tempju. Ir-rikonċiljazzjoni fil-Familja ta’ Nazareth seħħet meta quddiemhom Ġesù jikxef min hu tassew – li hu Iben Alla l-Missier. Bit-tweġiba tiegħu li “għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri”, Ġesù mhux biss qed jurihom l-identità tiegħu, imma jfissrilhom li r-relazzjonijiet ta’ bejnietna l-bnedmin, anki dawk naturali bħal fil-każ tar-rabtiet familjari, jieħdu t-tifsira vera tagħhom jekk qabelxejn ikollna relazzjoni ma’ Alla. B’din t-tweġiba Ġesù qed juri Ħniena ma’ Marija u Ġużeppi u magħna. B’dan id-diskors, fil-fatt, Ġesù qed jgħinna nifhmu li aħna niġu minn xulxin jekk qabelxejn inkunu “niġu minn Alla”. Ir-rabta tagħna ma’ Alla tagħti tifsira lir-rabtiet famljari tagħna. Jekk nemmnu f’Alla, kollox joqgħod f’postu. Ir-rikonċiljazzjoni ma’ Alla għandha bħala effett ir-rikonċiljazzjoni ta’ bejnietna.

Huwa għalhekk li xtaqt li niddedikaw il-Bieb Qaddis li ftaħna llum f’dan is-Santwarju bħala “il-bieb tal-miżerikordja għall-familja”. Konvint li kif il-ġerħat ta’ Marija u Ġużeppi għalqu meta sabu li Ġesù kien il-“bieb” tal-ħajja, hekk ukoll Ġesù, misjuq mill-ħniena, lest li jinfaxxa l-feriti, uħud minnhom tant fondi u wesgħin li qed jiżvinaw il-familja tal-lum. Għalhekk nagħmel sejħa lill-familji kollha biex matul din is-Sena ta’ grazzja jiġu f’din id-Dar tal-Madonna Ta’ Pinu, li fi kliem il-qaddis Papa Ġwanni Pawlu II hija Patruna tal-Familji Nsara ta’ Malta u Għawdex, u l-Papa Benedittu XVI fuq il-Fosos tal-Furjana fakkarna biex insejħulha “Sultana tal-Familja”, u jidħlu minn dan il-“bieb qaddis” li huwa simbolu ta’ Ġesù Kristu, il-bieb tassew. Il-familja li għandha lil Ġesù bħala antiporta ta’ ħajjitha kapaċi tagħti togħma mġedda u dejjem ġdida lir-rabtiet familjari.

Nixtieq hawnhekk irrodd ħajr lil Alla għall-ħafna familji tajbin, eżemplari u b’saħħithom li għandna fid-Djoċesi tagħna li tassew fl-erba’ ħitan ta’ djarhom tinxtamm il-fwieħa tal-imħabba u ta’ dik il-qdusija li ma tagħmilx storbju. Grazzi, għeżież miżżewġin, għall-fedeltà tagħkom, għall-eżempju u d-dedikazzjoni tagħkom, għall-kuraġġ li bih taffrontaw l-isfidi tal-ħajja ta’ kuljum, għall-mod kif tippruvaw tlaħħqu ma’ kollox u fir-ritmu mgħaġġel tal-ħajja ssibu ħin biex tisimgħu l-Kelma ta’ Alla u biex tressqu lil uliedkom lejn Kristu. Grazzi lil dawk il-familji li jiftħu l-bieb ta’ qalbhom u ta’ djarhom għall-membri anzjani u anki għal dawk it-tfal li huma nieqsa mill-għożża tal-familja. Għandi kelma ta’ gratitudni wkoll lejn dawk il-familji li frott il-ġenerożità adottaw jew qed jagħmlu l-fostering. Nistedinkom, ejjew idħlu minn dan il-Bieb ħalli l-inbid tal-imħabba vera ma jonqos qatt minn qlubkom u tibqgħu tibnu r-rabta tagħkom fuq il-blata li huwa Kristu Ġesù.

Biss dan il-ferħ tal-ħniena ta’ Alla huwa għal kull familja! Mill-fond ta’ qalbi toħroġ illejla sejħa partikulari:
– lill-għarajjes li jistgħu qed jaqtgħu qalbhom miż-żwieg, kif ukoll lil dawk li għandhom xewqa li jiffurmaw familja imma għal xi raġuni jew oħra xewqithom għadha mhix mitmuma;
– lil dawk li għandhom ulied barra miż-żwieġ;
– lil dawk il-miżżewġin li jħossu li ħajjithom mhix sħiħa għax ma għandhomx ulied;
– lil dawk il-ġenituri li jegħjew jerfgħu l-piż tqil tat-trobbija u l-edukazzjoni ta’ wliedhom;
– lil dawk il-missirijiet/ommijiet li huma mħassba għax uliedhom tbiegħdu mill-Knisja jekk mhux ukoll minn Alla;
– lil dawk il-miżżewġin li mħabbithom birdet u qed jgħixu bħal aħwa;
– lil dawk il-miżżewġin li kellhom jisseparaw, anki jekk mismuta bid-divorzju;
– lil dawk il-koppji mweġġgħa minħabba infedeltà min-naħa ta’ żwieġhom jew marthom;
– lil dawk li jgħixu flimkien imma mhumiex miżżewġin;
– lil dawk li kienu miżżewġa u llum qed jgħixu fit-tieni relazzjoni;
– lil dawk il-familji fejn hemm il-vjolenza domestika;
– lil dawk il-familji fejn il-membri huma miġġeldin minħabba għira, xi azzjoni ħażina, kelma iebsa li ntqalet, nuqqas ta’ ftehim, preferenzi bejn l-aħwa, inġustizzja fil-familja, tqassim inġust tal-wirt;
– lil dawk il-familji fejn hemm ir-rabja antika, is-suppervja, il-preġudizzji, memorja marida, u għalhekk l-ulied ma baqgħux imorru għand il-ġenituri u l-aħwa huma kontra l-aħwa;
– lil dawk il-familji li d-demm tagħhom verament sar semm tant li jkun hemm min saħansitra jaqla’ l-mejtin mill-oqbra għax il-mibegħda tant tkun kbira li lanqas il-mewt ma ġġibna f’tagħna;
– lil dawk il-familji magħfusa mill-morsa tal-faqar, min-nuqqas ta’ xogħol u mikula mid-djun;
– lil dawk il-familji li jinsabu miġruħa għax għandhom lil xi ħadd mill-membri tagħhom fil-ħabs;
– lil dawk il-familji milquta mill-mard speċjalment fuq iċ-ċkejknin;
– lil dawk il-familji maħsuda u mnikkta mill-mewt kiefra u għall-għarrieda ta’ persuna għażiża;
– lill-persuni romol li jisfaw waħidhom u jħossu fuqhom il-piż tas-solitudni;
– fuq kollox lil dawk li għax qed jgħixu f’xi forma ta’ relazzjoni affettiva differenti miż-żwieġ, huma mċaħħdin mill-għodod tal-ħniena ta’ Alla.

Għeżież familji tallaba tal-miżerikordja, dan il-bieb ftaħnieh għalikom biex f’din is-Sena tal-Ġublew tkunu tistgħu dduqu l-benna tat-tjubija ta’ Alla li dehret fi Kristu Feddej. Naf li quddiemna hemm diversi bibien wesgħin miftuħin minn fejn nistgħu ngħaddu; imma l-bieb tagħna wieħed hu: Ġesù Kristu. Għalhekk, nixtieqkom tiġu hawn – possibbilment bħala familja – biex f’dan is-Santwarju tagħha, il-Verġni Marija turina lil Binha Ġesù, il-Wiċċ tal-Ħniena tal-Missier, u twassalna biex inħallu lil Binha jgħannaqna miegħu fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni (tal-Qrar) jew fid-djalogu mas-saċerdoti li ser ikunu preżenti biex jisimgħuna u jgħinuna nħallu l-Vanġelu tal-Ħniena jdawwal is-sitwazzjonijiet imperfetti tagħna u nagħmlu pass ’il quddiem fil-mixja gradwali tal-konverżjoni tagħna.

Jien ukoll, tallab tal-miżerikordja, matul dan il-Ġublew tal-Ħniena ser nitlob għalikom biex bħall-Familja ta’ Nazareth tmorru lura lejn djarkom “irrikonċiljati”, ferħanin għax tkunu sibtu mill-ġdid dak li kien mitluf.