Quddiesa mill-Knisja ta’ Ġieżu, il-Belt Valletta – 14 ta’ Settembru


It-Tnejn, 14 ta’ Settembru 2020: Quddiesa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù (ta’ Ġieżu), il-Belt Valletta …

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Għall-pagani kien mezz ta’ tortura, għal-Lhud kien saħta. Is-salib, għalina li nemmnu f’Ġesù, huwa sinjal ta’ fidwa u ta’ glorja.

Dak li qegħdin niċċelebraw llum, din il-festa antika li taf l-oriġini tagħha mill-preżenza ta’ Elena f’Ġerusalemm fis-seklu 4, imbagħad fit-tentattivi li terġa’ tinstab ir-relikwa tas-salib fit-8 seklu, meta reġgħet intilfet fid-disa’ seklu, huma fatti storiċi imma jesprimu wkoll fidi li tibqa’ għal dejjem. Aħna u nfakkru s-salib imqaddes tal-Mulej, niċċelebraw ukoll il-qawwa tas-salib imqaddes, qawwa fuq il-ħażen, fuq il-mard.

“Kif Mosè għolla x-xbieha tas-serpent tal-bronż fid-deżert” (Ġw 3:14) u kull min ħares lejh fieq, hekk il-Missier fil-ħniena tiegħu refa’ lil ibnu fuq is-salib bħala sinjal ta’ fejqan għalina. F’dan iż-żmien ta’ pandemija meta aħna għandna bżonn il-ħarsien mill-mard u l-fejqan tal-ġisem, ejjew nitolbu wkoll għall-fejqan tar-ruħ.

L-opra straordinarja ta’ Innocenzo ta’ Pietralia toħloq kuntrast bejn il-karnaġġjon safi, ċar, pur tal-imgħallem u d-dmija li ġarrabnielu aħna bil-kefrija u bid-dnubiet tagħna. Hu refa’ fuqu l-mard tagħna, ħa fuqu s-swat li kellu jkun is-swat tagħna, refagħna u ħelisna.

Ejjew niftakru f’tant nies li madwar id-dinja jsofru l-persekuzzjoni, tant nies li qegħdin fuq is-sodda tal-mard u dawk li jieħdu ħsiebhom. Il-Mulej Ġesù meta ried jurina kif għandna nkunu dixxipli, qalilna: “Dak li jiċħad lilu nnifsu kuljum, jerfa’ salibu u jimxi warajja, dak hu d-dixxiplu tiegħi” (ara Lq 14:27).

F’dan iż-żmien ta’ pandemija meta aħna għandna bżonn il-ħarsien mill-mard u l-fejqan tal-ġisem, ejjew nitolbu wkoll għall-fejqan tar-ruħ.

Ejjew nitolbu l-grazzja li aħna ma nibżgħux mill-ħlas li hemm bżonn inħallsu biex inkunu dixxipli tal-Mulej għax kien hu li stmell kull konfużjoni, kull umiljazzjoni biex isalvana minn fuq is-salib.

Hu u jifhem minn xiex kellu jgħaddi, għaraq l-għaraq tad-demm. It-talba tiegħu lill-Missier kienet “Jekk jista’ jkun jgħaddi minnu dan il-kalċi, imma mhux kif irrid jien imma kif trid int” (ara Lq 22: 42). San Ġorġ Preca jħares lejn is-salib u bħalma jagħmel ukoll San Tumas D’Aquino jgħidilna li fis-salib ta’ Ġesù hemm il-mera ta’ kull virtù, huwa l-ktieb il-kbir tal-ħajja Nisranija, it-triq li twassalna għall-qdusija.

Ejjew nitolbu aħna u nimmeditaw il-kurċifiss u nivveneraw is-salib imqaddes u nitolbu li, marbutin mar-rieda ta’ Alla f’kull ċirkustanza tal-ħajja, insibu l-fejqan u l-paċi tassew.

Nadurawk, o Ġesù u nberkuk.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Numri 21, 4b-9
Salm: 77, 1-2, 34-38
Evanġelju: Ġw 3, 14-17

Sors: www.knisja.mt