Lezzjoni II: Santa Margarita Marija Alacoque


16 ta’ Ottubru – SANTA MARGARITA MARIJA ALACOQUE, VERĠNI   

TIFKIRA

Santa Margerita Marija Alacoque twieldet f’Verosvres fir-reġjun tal-Burgundija, Franza, fl-1647. Daħlet soru tal-Viżitazzjoni f’Paray-le-Monial, u għexet fit-triq tal-perfezzjoni; kellha rivelazzjonijiet mistiċi, l-aktar dwar id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù u bil-għajnuna tal-konfessur tagħha San Claudio de la Colombiere tħabtet ħafna biex ixxerridha fil-Knisja. Mietet fis-17 ta’ Ottubru 1690. Ġiet ikkanonizzata mill-Papa Bendittu XV fis-sena 1920.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mill-Ittri ta’ Santa Margarita Marija Alacoque, verġni

(Vie et Oeuvres, 2 )

Nagħarfu l-imħabba ta’ Kristu li tisboq kull għerf.

Jien naħseb li l-Mulej għandu xewqa kbira li jingħata ġieħ speċjali lill-Qalb Imqaddsa tiegħu, għax irid jara jiġġedded il-frott tal-fidwa fir-ruħ ta’ kull wieħed minna. Il-Qalb Imqaddsa hija għajn dejjem tfawwar li ma tfittixx ħlief li timla il-qalb ta’ kull min jagħraf ix-xejn tiegħu, ħa jkun dejjem lest jagħmel bil-qalb ir-rieda ta’ Alla tul ħajtu kollha

Minn din il-Qalb Imqaddsa bla heda jfawru tliet nixxigħat: l-ewwel waħda hi n-nixxiegħa ta’ ħniena għall-midinbin li twasslilhom l-ispirtu tas-sobgħa u tal-penitenza; it-tieni waħda hi n-nixxiegħa tal-imħabba għall-għajnuna ta’ kull min hu fil-ħtieġa, u l-aktar għal dawk li qegħdin ifittxu l-perfezzjoni, ħalli jkunu jistgħu jirbħu t-tfixkil kollu li miegħu jiltaqgħu; it-tielet hi n-nixxiegħa li minnha jfuru l-imħabba u d-dawl għal ħbiebu li laħqu l-perfezzjoni, li hu jrid jgħaqqad miegħu ħa jagħtihom jissieħbu fl-għerf u l-preċetti tiegħu; biex huma lkoll, kull wieħed kif jaf hu, jingħataw b’ruħhom u ġisimhom ħa jġibu dejjem aktar ‘l quddiem il-glorja tiegħu.

Din il-Qalb Imqaddsa hi baħar bla qiegħ ta’ kull ġid, li fih il-fqar jistgħu jitfgħu l-ħtiġiet kollha tagħhom; hi baħar bla qiegħ ta’ kull hena li fih għandna nitfgħu id-dwejjaq kollha tagħna; hi baħar ta’ umiltà li jgħarraq il-bluhat kollha tagħna; baħar ta’ ħniena għall-imsejknin, baħar ta’ mħabba li fih nitfgħu ll-faqar kollu tagħna.

Jeħtieġ mela tintrabtu mal-Qalb ta’ Sidna Ġesù Kristu fil-bidu tal-konverżjoni tagħkom, biex titħejjew sewwa għaliha, u fit-tmiem tagħa biex tpattu għal ħtijietkom. Tħossu li m’intomx mixjin ‘il quddiem fit-talb? Ikun biżżejjed għalikom li toffru t-talb li s-Salvatur joffri għalina fis-sagrament tal-artal, u toffru l-ħeġġa tiegħu ħa tpatti għall-bruda tagħkom; u kull darba li tagħmlu xi ħaġa itolbu hekk: ‘’Alla tiegħi, dan nagħmel jew dan inġarrab fil-Qalb ta’ Ibnek, skont il-fehma qaddisa tiegħu li jien noffrilek ħa npatti għal kulma hu ħażin jew nieqes fl-għemil kollu tiegħi’’. Hekk għamlu fiċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja. U kemm-il-darba ġġarrbu xi kastig jew tiġi fuqkom xi ħaġa li tnikkithom jew toffendikom, hekk għidu lilkom infuskom: ‘’Ilqa’ dak li qed tibgħatlek il-Qalb divina ta’ Ġesù,biex jgħaqqdek miegħu’’.

U fuq kollox ħarsu s-sliem f’qalbkom, li hu teżor aqwa minn kull teżor ieħor. Biex tħarsu dan is-sliem m’hemmx ħaġa aħjar milli tiċċaħħad mir-rieda tiegħek, u flokha tqiegħed ir-rieda tal-Qalb divina ta’ Ġesù, biex hi tagħmel għalina dak kollu li jiswa għall-glorja tiegħu u aħna bil-ferħ noqgħodu għalih u nafdaw fih għal kollox.

RESPONSORJU                                                           MT 11:25-26; Salm72(73) :26b

1 Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, talli inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min hu għaref u lil min jifhem, u għarrafthom lil min hu ċkejken. * Iva, Missier, għax hekk għoġob lir-rieda tiegħek.

2 Alla l-qawwa ta’ qalbi u sehmi għal dejjem. * Iva, Missier, għax hekk għoġob lir-rieda tiegħek.

Talba

Imliena, Mulej, b’dik il-qawwa spiritwali li inti tajt b’idejk miftuħa lil Santa Margarita Marija Alacoque, biex iseħħilna nagħarfu l-imħabba ta’ Kristu, li tisboq kull għerf u nimtlew bil-milja kollha ta’ Alla. B’Ibnek.