Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Live-in tal-Kappillani ta’ Malta u Għawdex

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fil-Live-in tal-Kappillani ta’ Malta u Għawdex
Seminarju tal-Arċisqof, ir-Rabat, Malta
It-Tlieta 12 ta’ Jannar 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-KAPPILLANI: PREŻENZA LI TOFFRI TAMA LIL MIN MA GĦANDUX

Omelija tal-Isqof Mario Grech waqt Quddiesa flimkien mal-Arċisqof Charles J. Scicluna u l-kappillani taż-żewġ djoċesijiet miġbura għal Live-in ta’ tlett ijiem fis-Seminarju tal-Virtù, ir-Rabat, Malta, 12 ta’ Jannar 2016.

Meta nirrifletti dwar l-Ewwel Qari tal-Quddiesa tal-lum (1 Sam 1:9-20), niftakar kemm hawn persuni jisimhom “Anna” – kemm għandna “Anniet” madwarna! Għax bħal Anna, omm Samwel, għandna diversi persuni li minħabba l-istorja ta’ ħajjithom “qalbhom kollha mrar”, “qalbhom muġugħa”, “jibku ħafna” u “jitkellmu mill-kotra tal-hemm u n-niket tagħhom”. Peress li jkunu għaddew minn xi esperjenza kerha, ikunu jixtiequ “iwelldu” ħajja ġdida, imma ħafna drabi ma jirnexxilhomx għax dak li jkunu ġarrbu jkun tant serju li jagħmilha impossibbli li jibdew jiktbu paġna ġdida fl-istorja personali, familjari jew soċjali tagħhom. Bħal donnu l-“ġuf” tagħhom jinxef u jintebaq u jkunu tilfu kull tama li jinawguraw fażi ġdida.

Forsi anki l-istess soċjetà tagħna xi kultant tagħmel bħal Anna – għax hija soċjetà li tixtieq twelled il-ġdid imma mhux dejjem jirnexxilha, u għalhekk taħbat taqta’ qalbha.

Jien nemmen li bħal Anna dawn il-persuni spiss jiġu fit-tempju tal-Mulej. Ma humiex ser jieħdu l-ewwel siġġijiet; pjuttost ipoġġu wara xi kolonna jew joqogħdu moħbija fin-navi tal-knisja. Oħrajn jiġu xħin il-knisja tkun battala u għalhekk bir-riskju li lanqas il-Kappillan ma jintebaħ bihom. Forsi oħrajn ma jixirfux fil-knisja, imma jressqu l-karba tagħhom lil Alla mill-bogħod… anki minn barra l-knisja. Huwa fatt li madwarna hemm persuni li huma “reliġjużi” imma jirnexxilhom jaħbu dan l-aspett tal-ħajja tagħhom.

Anna ma kinitx waħda li titlob b’vuċi għolja u anqas kienet waħda li tagħmel ix-xenati, imma kienet “titkellem f’qalbha; xufftejha biss kienu jitħarrku u leħinha ma jinstemax”. Insib interessanti li Għeli, li kien is-saċerdot fit-Tempju, kellu dik il-kapaċità li jħares lejn fommha u jaqralha qalbha! Huwa importanti ħafna li aħna r-ragħajja jkollna din il-ħila li naqraw il-qlub tan-nies tagħna biex hekk nintebħu x’jeħtieġu anki meta huma stess ma jsibux il-kuraġġ li jesprimu magħna dak li jkunu jsorru f’qalbhom. Kappillan tajjeb huwa dak li jaf jisma’ lil persuna qabel ma din tiftaħ fommha. Huwa dak li jaf “iħoss” ma’ min qed ibati. Din l-arti li r-ragħaj jintuwixxi x’qiegħed itaqqal il-qalb tal-bniedem, tisboq il-ħiliet l-oħra kollha! Imma biex inkunu nistgħu noffru dan il-qadi pastorali kwalifikat, neħtieġu doża qawwija ta’ sabar, mogħdrija, miżerikordja u mħabba.

Ma għandux jissorprendina li Għeli għamel ġudizzju żbaljat dwar Anna tant li ġġudikaha bħala mara sakranazza u ħażina! Faċli jiġri hekk lilna wkoll, li bil-moraliżmi tagħna naqtgħu s-sentenzi fuq il-ħajja tan-nies u hekk, flok ngħinuhom, inkomplu ngħaddsuhom taħt l-ilma! Ma ngħaġġlux infajru l-kundanni. Il-ġudizzju nħalluh f’idejn Alla; xogħolna huwa li ninfaxxaw il-feriti u nixxuttaw id-dmugħ. Anna kellha l-kuraġġ li lil Għeli turih hi min hi: “Le, sidi, jien mara b’qalbha muġugħa, u ma xrobt la nbid u lanqas xorb ieħor li jsakkar, imma qiegħda niftaħ qalbi quddiem il-Mulej”. Imma mhux kulħadd għandu fih din il-qawwa, u għalhekk hemm min jista’ jibqa’ taħtha – hemm min mingħajr ebda ħtija jsib ruħu mkeċċi mit-tempju!

Meta ntebaħ bis-sinċerità ta’ Anna, Għeli jħaffef jagħtiha kelma assiguranti: “Mur bis-sliem, Alla ta’ Israel sama’ t-talba tiegħek u jagħtik kulma tlabtu”. Konvint li Alla għani fil-ħniena ma jaħmilx din il-miżerja ta’ Anna, Għeli jagħmel il-qalb lil din il-mara u jaċċertaha li Alla ma jafx jibqa’ indifferenti quddiem it-tbatija tagħha. Għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir – ma hemm ebda għoqda li ma tistax tinħall! Imfarrġa b’dan il-kliem, il-bixra ta’ Anna nbidlet – “wiċċha ma baqax bħal qabel” – u l-ġuf tagħha ta l-frott.

Din hija l-missjoni tagħna bħala Knisja f’pajjiżna: bħas-saċerdot Għeli, aħna mibgħuta biex nagħmlu l-qalb lill-“Anniet” tal-lum. Il-preżenza tagħna fil-komunitajiet ekkleżjali tagħna nixtequha tkun preżenza li toffri tama lil min ma għandux – preżenza ta’ missjunarji tal-miżerikordja ta’ Alla, attenti biex qabel ma l-bniedem jersaq lejn it-tempju, aħna nersqu lejh u noffrulu l-barka ta’ Alla – għax għal Alla ma hemm ebda marda li ma titfejjaqx, ma hemm ebda “ġuf” mejjet li ma jistax iwarrad. Dan u dan biss huwa l-messaġġ fdat lilna bħala “kappillani” biex ngħadduh lil dawk li niltaqgħu magħhom fit-toroq tagħna.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading