Diskors tal-Qsim tal-Awguri tas-Sena l-Ġdida tal-Isqof Mario Grech

Print Friendly, PDF & Email

Diskors tal-Qsim tal-Awguri tas-Sena l-Ġdida mal-Presbiterju Djoċesan
Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria
Is-Sibt 16 ta’ Jannar 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

MINISTRI TAL-MIŻERIKORDJA

Għalkemm ma nistgħux ma nirrikonoxxux il-qabża kbira li saret fit-titjib tal-ħajja ta’ madwarna, l-esperjenza ta’ kuljum tixhdilna li minkejja kollox, il-bniedem jibqa’ jħabbat wiċċu ma’ għadd enormi ta’ limitazzjonijiet. Minkejja kollox, insibu ruħna mrażżnin għaliex aħna bnedmin limitati. Fi kliem Heidegger, il-bniedem huwa essere per la morte. Din ir-riħa tal-mewt sikwit taħbat tagħlqilna mnifsejna, kemm meta ngħaddu minn waqtiet ta’ dgħufija personali (mard, tbatija fiżika, psikika jew spiritwali), kemm meta naraw il-konsenturi fir-relazzjonijiet interpersonali u fil-komunitajiet tagħna, bħal fil-każ taż-żwiġijiet, fil-familji, fuq l-għant tax-xogħol, fil-parroċċi, inkluż ukoll il-presbiterju djoċesan. Propju għax kont konxju minn din il-ġerħa soċjali u ekkleżjali li tnixxi d-demm, fil-ftuħ ta’ dan il-Ġublew Straordinarju minn qalbi ħarġet tnehida biex matul din is-Sena naħdmu fuqna nfusna sabiex insewwu dawn ir-relazzjonijiet. Għax meta x-xibka tar-relazzjonijiet ġenwini titqatta’, tikber it-tentazzjoni li l-bniedem jieħu permess li jagħmel dak li jiġi għal idejh biex mingħalih jagħmel tajjeb għal-limitazzjonijiet tiegħu – u allura joktru l-inġustizzja, il-korruzzjoni, is-serq, il-vjolenza, u l-bqija.

Dan u aktar ilaqqagħna mal-esperjenza tat-tbatija. Meta l-morsa tat-tbatija tagħfas sewwa, b’mod naturali l-bniedem jibda jistaqsi għaliex Alla jippermetti dan kollu – il-bniedem jaħbat jinfixel kif jista’ jiġġustifika l-preżenza tal-ħażen ma’ Alla li huwa Mħabba. Il-kittieb Franċiż Stendhal jgħid li l-unika skuża għal Alla quddiem il-fenomenu tat-tbatija hija li Alla ma jeżistix! U Romano Guardini jgħid li fil-Ġudizzju Universali jipprova ma jħallix lil Alla jagħmillu l-mistoqsijiet, imma hu stess jagħmel il-mistoqsija lil Alla dwar għaliex it-tbatija fid-dinja. Meta l-bniedem jasal biex jagħmel dawn id-domandi jkun verament mess il-qiegħ tal-limitazzjonijiet tiegħu, aktar u aktar jekk fiċ-ċkunija tiegħu jfettillu jniżżel is-separju u hekk jaqta’ l-komunikazzjoni ma’ Alla.

Meta niżnu din il-mistoqsija tqila tal-bniedem nintebħu li indirettament il-bniedem qed ifittex il-miżerikordja u t-tenerezza ta’ Alla. It-tweġiba li jagħti Alla mhix xi teorija jew għamla ta’ filosofija, imma hija l-persuna ta’ Ġesù Kristu. F’Ġesù l-ħniena ta’ Alla ħadet is-sura ta’ solidarjetà, għax Ġesù jerfa’ fuq spallejh is-salib ta’ kull bniedem li qed ibati; imma meta nqisu li Ġesù ma baqax taħt is-salib, imma għadda mill-mewt għall-Qawmien u hekk rebaħ l-għelm ta’ kull limitazzjoni umana, huwa jsir tweġiba kollha tama għal dawk kollha li huma mxekkla minn kull xorta ta’ limitazzjoni. Quddiem il-bniedem li, magħkus bit-tbatija, jixxennaq għall-miżerikordja ta’ Alla, Kristu huwa l-wiċċ tal-miżerikordja tal-Missier.

Nixtieq ħafna li dan il-Ġublew tal-Ħniena jkun mument ta’ opportunità pastorali biex filwaqt li nikkonfermaw lil dawk li huma sħaħ fil-fidi, inwieżnu lil dawk li propju għax qed jgħixu fil-periferija eżistenzjali u spiritwali, kważi tilfu jew abbandunaw il-fidi tagħhom. Kif jikteb il-Papa Franġisku, “kemm sitwazzjonijiet ta’ inċertezza u tbatija għandna fid-dinja tal-lum! Kemm ġrieħi miftuħa fil-ġisem ta’ ħafna li m’għadx għandhom iżjed leħen għax il-karba tagħhom hija mxejna u mitfija minħabba fl-indifferenzi tal-għonja. F’dan il-Ġublew… il-Knisja qed tkun imsejħa tfejjaq dawn il-ġrieħi, iddewwihom biż-żejt tal-faraġ, tinfaxxahom bil-ħniena u tfejjaqhom bis-solidarjetà u l-attenzjoni li jeħtieġu” (MV, 15).

Huma diversi l-inizjattivi pastorali li nistgħu nieħdu biex niltaqgħu mal-bniedem fgat fil-limitazzjonijiet tiegħu; imma nixtieq li bħala presbiterju djoċesan napprezzaw aktar is- sagrament tal-Qrar – kemm għaliex fih innifsu huwa bħal “menqgħa ta’ miżerikordja” fejn, bil-qawwa tal-ministeru saċerdotali, aħna biss nistgħu ngħinu lill-paralitiċi ta’ żmienna jieħdu r-ruħ; kif ukoll għaliex il-konfessjonarju huwa alla portata ta’ kull presbiteru. Ir-raba’ sagrament huwa l-okkażjoni fejn kull bniedem, konxju mil-limitazzjoni tiegħu, imtaqqal bil-konsegwenzi tal-għażliet żbaljati li jkun wettaq, ferut bid-dnub tiegħu, jinġibed lejn Alla li dejjem lest li jgħannqu miegħu u jaħfirlu.

Propju għaliex meta jiddeċiedi li jersaq fil-konfessjonarju biex “ibattal l-ixkora”, il-bniedem ikun mifni bil-misteru tal-ħażen u wisq probabbli jkun għadda minn taqbida interjuri biex jiftaħ qalbu mas-saċerdot, aħna rridu noqogħdu ħafna attenti li ma nnaffru u ma nkeċċu lil ħadd. Aħna s-saċerdoti m’aħniex “propjetarji tas-sagrament” imma qaddejja fidili tal-maħfra ta’ Alla. Aħna msejħin biex fil-konfessjonarju “inkunu sinjal konkret tal-kontinwità ta’ mħabba divina li taħfer u tifdi”. Kittieb Taljan, Sandro Veronesi, jirrakkonta kif dakinhar tal-Ġublew taż-Żgħażagħ kien fic-Circo Massimo fejn kien hemm organizzat il-Qrar. F’dik iċ-ċirkustanza dan jgħid li ġietu x-xewqa li jmur iqerr… kien ilu tletin sena ma jmur il-knisja… minn dakinhar tal-Griżma tal-Isqof! Wara li qagħad itella’ u jniżżel, fl-aħħar iddeċieda li jersaq. Qabeż iċ-ċint u beda miexi lejn wieħed mill-konfessuri. Ġie fuqu wieħed li kien responsabbli mill-ordni u żammu għax ma kellux “biljett” (pass). “Cosi sfumò il mio rientro nel cattolicesimo” (La Repubblica, Settembru 2009). Nittama li ma hawnx ħafna Veronesi! Ftit ilu qalbi ngħafset meta kappillan qalli li marret persuna għandu tibki għax marret għand saċerdot u minħabba r-riġidità tiegħu, ċaħħdilha l-assoluzzjoni! Nirrakkomandalkom biex hemmhekk fejn hemm il-qalb niedma li hija bil-għatx għat-tgħanniqa ta’ Alla Ħanin, ma tirrifjutaw il-maħfra lil ħadd. Fejn tidħol il-ħniena, melius abundare quam deficere.

Huwa l-Papa nnifsu li fil-Bolla tal-Indizzjoni tas-Sena Mqaddsa jindika li huwa urġenti li nerġgħu nagħtu prijorità lil dan is-sagrament. “Tant persuni qed jerġgħu jersqu lejn is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u fosthom għadd ta’ żgħażagħ, li f’din l-esperjenza qed isibu mill-ġdid il-mixja li treġġagħhom lura għand il-Mulej, biex jgħixu mument qawwi ta’ talb u jiskopru mill-ġdid is-sens ta’ ħajjithom. Ħa nqiegħdu b’konvinzjoni mill-ġdid fiċ-ċentru lis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni biex jagħtina li mmissu b’idejna l-kobor tal-ħniena. Dan ikun għal kull penitent għajn ta’ sliem ġewwieni veru” (MV, 17). Huwa indikattiv ħafna li fuq xewqa tal-Papa nnifsu ftit ġimgħat oħra f’San Pietru ser ikun hemm l-espożizzjoni ta’ żewġ konfessuri kbar, San Piju tal-Pjagi u San Leopoldu Mandic, bħala Patruni ta’ din is-Sena Ġubilari. Lil Patri Leopoldu sejħulu “ikona tal-miżerikordja divina”, filwaqt li Patri Piju kien jgħid li “jekk il-konfessuri jqarru kif suppost iqarru, l-Insara jkunu kif suppost għandhom ikunu”.

Faċli nifhmu għaliex il-Papa qed jgħidilna biex “inqiegħdu b’konvinzjoni mill-ġdid fiċ-ċentru lis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni”. Din hija stedina għall-Insara li għal diversi motivi ttraskuraw dan is-sagrament; imma huwa wkoll appell għalina s-saċerdoti li stajna konna aħna wkoll li begħedna l-penitenti minn dan is-sagrament – kif darba rrimarka l-Papa Benedittu XVI, ħafna nies ma jfittxux il-konfessjonarju għax, meta fittxewh, ma sabux min jismagħhom (Ġunju 2009)! Jekk aħna ma għandniex ħin biex noqogħdu fil-konfessjonarju; jekk lanqas ninvestu biex ikollna post xieraq għal dan is-sagrament fil-knejjes tagħna, jew mank paċenzja biex inqarru fil-konfessjonarju jew kamra tal-Qrar; jekk ma nikkurawx dawk is-sinjali liturġiċi li jgħinu biex titfisser il-grazzja li tingħata (mank stola ma nilbsu – u dan qed ngħidu meta jkollna ċans nilbsu stola u xorta ma nilbsuhiex); jekk inqarru bl-għaġla, b’mod mekkaniku u abitudinarju; jekk inkunu formali, legalisti u impersonali; jekk għamilna mill-Qrar interrogatorju ġudizzjarju u “sala tat-tortura” (EG, 44); jekk irriduċejna l-Qrar għal sessjoni ta’ counselling psikoloġiku u battalnieh mis-sagralità tiegħu; jekk użajna l-Qrar għal motivi barranin għas-sagrament, forsi wkoll b’xamma ta’ simonija; jekk inqdejna bil-Qrar bħala mezz ta’ poter temporanju u aktar – dawn huwa kollha fatturi li jherru l-fiduċja tal-penitent mhux biss fis-saċerdot imma wkoll fis-sagrament fih innifsu.

Imma huwa fatt ukoll li għal dawn l-aħħar ħames mitt sena, jiġifieri minn Trentu ’l hawn, il-Knisja baqgħet tiċċelebra dan is-sagrament bl-istess mod. Fil-fatt, it-teologu Giovanni Del Missier jgħid illi kieku kellu jiġi fostna llum Kattoliku li kien jgħix fis-seklu sbatax, dan kien isib diffikultà biex jagħraf u jiċċelebra s-sitt sagramenti l-oħra, inkluż l-Ewkaristija, imma mhux is-Sagrament tal-Penitenza. Aktar minn ħamsin sena ilu (1963), il-Konċilju Vatikan II kien diġà fisser il-bżonn li “ir-rit u l-formula tal-Penitenza għandhom jiġu riveduti biex jesprimu b’mod aktar ċar in-natura u l-effett tas-sagrament” (Sacrosanctum Concilium, 72). Dan ifisser li dakinhar il-Padri tal-Konċilju diġà għarfu li l-prassi tar-raba’ sagrament ma kinitx qed twieġeb għall-esiġenzi tal-poplu ta’ Alla. Interessanti li t-talba kienet biex issir reviżjoni mhux ta’ xi aspett aċċidentali imma tal-essenza tas-sagrament.

Huwa minnu li fl-Ordo Pænitentiæ tal-1974 kien hemm proposti tliet forom ta’ kif nistgħu niċċelebraw dan is-sagrament, imma prattikament aħna s-saċerdoti għażilna li nibqgħu bl-ewwel forma a skapitu tat-tnejn l-oħra li baqgħu ittra mejta. Il-liturġista Rinaldo Falsini josserva li min jinjora l-viżjoni triplika tas-sagrament, ikun qed jarmi għana awtentiku tal-fidi u tal-ħajja spiritwali u jibqa’ barrani għat-tiġdid kbir li ġab il-Konċilju. Nappella biex tal-inqas nibdew nużaw it-tieni forma jew rit (dik li nsejħulha ċ-ċelebrazzjoni penitenzjali), jiġifieri fejn ikun hemm: (1) liturġija tal-Kelma, (2) omelija, (3) eżami ta’ kuxjenza u stqarrija ġenerali f’forma litanika, (4) il-Missierna, (5) qrara individwali u assoluzzjoni individwali, (6) konklużjoni. Importanti nirrikonoxxu li l-aspett komunitarju ta’ din iċ-ċelebrazzjoni penitenzjali mhux xi ħaġa estetika jew ċerimonjali, imma huwa maħsub biex nerġgħu niksbu lura dak li kien jeżisti fil-bidu u tlifnieh: li l-ġemgħa ekkleżjali hija l-ambjent fejn il-midneb jista’ jikseb il-maħfra divina permezz tal-medjazzjoni mhux biss tas-saċerdot ordnat imma wkoll permezz tas-saċerdozju komuni eżerċitat mill-ġemgħa bil-karità, ix-xhieda u t-talb (ara LG, 11). Bil-privatizzazjoni tal-Qrar awrikulari tlifna kemm id-dimensjoni soċjali u ekkleżjali tad-dnub u kemm id-dimensjoni komunitarja tas-Sagrament tal-Penitenza.

Għandna bżonn negħlbu l-mentalità ta’ “inqerr biex nitqarben”, għax dan is-sagrament huwa esperjenza aktar qawwija minn sempliċi “passaport” biex tirċievi l-Ewkaristija. Insib interessanti l-proposta li kien għamel Martini fis-snin tmenin fejn ifisser li ċ-ċelebrazzjoni tal-Penitenza għandu jkollha tliet waqtiet: confessio laudis, confessio peccati et confessio fidei. B’dan is-suġġeriment Martini jfisser li hu biss meta jiġi konxju mill-barkiet li jkun irċieva mingħand Alla (confessio laudis) li l-penitent jista’ jkejjel il-limitazzjoni tiegħu li minħabba fiha jkun irrifjuta r-relazzjoni tiegħu ma’ Alla, għajn ta’ kull ġid (confessio peccati). Huwa ma jkunx jista’ jinqala’ minn din is-sitwazzjoni tal-limitu (id-dnub) jekk ma jagħmilx att ta’ fiduċja f’Alla (confessio fidei). Huwa biss meta jiġi wiċċ imb wiċċ mal-miżerikordja ta’ Alla, li jħobb lill-bniedem li ma jħobbux, li l-midneb jaf jiġi f’tiegħu u jintebaħ bil-vojt u l-kruha tal-assenza ta’ Alla li hu stess ikun keċċa minn ħajtu. Għalhekk xi teologi – u l-Papa huwa ta’ din il-linja – biex jaffermaw li l-grazzja tasal għand il-midneb qabel ma dan jistqarr ħtijietu, jixtiequ jaraw inverżjoni tat-tappi tas-sagrament tal-Qrar bl-istess mod kif seħħ fil-passaġġ bejn l-ewwel u t-tieni millennju: kif fil-Penitenza kanonika li kellha tliet tappi (stqarrija, penitenza u rikonċiljazzjoni) għaddejna għall-forma awrikulari (stqarrija–rikonċiljazzjoni–penitenza), issa t-tappi għandhom ikunu rikonċiljazzjoni, stqarrija u penitenza. F’din il-linja nifhem kliem il-Papa Franġisku: “Il-fidwa li joffrilna Alla hi frott tal-ħniena tiegħu. M’hemmx azzjoni li nistgħu nagħmlu bħala bnedmin, tajba kemm hi tajba, li tista’ taqlgħalna don hekk għoli. Alla, bi grazzja tiegħu biss, jiġbidna lejh biex jorbotna miegħu. Il-Knisja hi mibgħuta minn Ġesù Kristu bħala sagrament ta’ salvazzjoni li joffrilna Alla” (EG, 112). Jien konvint li din il-viżjoni tista’ tħawwad lil xi wħud – ma nagħtihomx tort; it-tort huwa tagħna għax huwa dmir tagħna li niffurmawhom, u ċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament tal-Qrar, meta ssir bil-kalma u f’ambjent dekoruż, tista’ tkun ukoll opportunità ta’ formazzjoni. Nemmen li r-riforma fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament tal-Qrar taf ġġib magħha riforma fil-persuni u fil-komunità ekkleżjali.

Din il-formazzjoni tal-kuxjenzi hija urġenti partikularment f’din l-epoka ta’ tranżizzjoni li għandha effett ukoll fir-rigward taċ-ċelebrazzjoni effettiva tar-raba’ sagrament. L-ewwel nett, għalkemm qed iseħħ il-passaġġ mill-epoka ta’ Knisja post-Tridentina, għadha fluwida ħafna r-riforma tal-Knisja tal-Konċilju Vatikan II; imbagħad, fuq livell soċjali, hemm il-passaġġ minn dik li kienet il-“Kristjanità” għal soċjetà lajka. Peress li llum intilfet l-unità bejn il-polis, il-familja, it-teoloġija u l-liturġija, u b’konsegwenza żviluppa ethos pubbliku miftum mill-ethos Kristjan, ninnutaw li kulma jmur qed dejjem isir kumplikat il-kollokju bejn il-konfessur u l-penitent. Anki minħabba nuqqas ta’ formazzjoni Nisranija, mhux rari li f’dan il-kuntest l-istess penitent juża kejl etiku lajk, u b’riżultat ta’ dan, il-komunikazzjoni fil-Qrar issir diffiċli. Għalhekk, jekk irridu li dan is-sagrament jagħti l-frott mixtieq, huwa dmir tagħna l-presbiteri li ngħinu fil-bini tal-“komunità Nisranija” li l-pern tagħha ma huwiex xi kontenut moralistiku imma l-persuna ta’ Ġesù Kristu (ara PO, 6). Anki din hija tranżizzjoni etika-duttrinali importanti li għenitna naraw f’dawl ġdid l-etika sesswali u l-pastorali mad-divorzjati li reġgħu żżewġu, biex insemmi żewġ eżempji.

Barra minn hekk, il-konfessur mhux qiegħed hemm biex jiddefendi l-liġi morali astratta; imma huwa fdat minn Kristu u l-Knisja biex f’isem Alla jagħti tmellisa ħelwa lill-midneb niedem u jgħinu jaqbad it-triq tal-konverżjoni u jidħol, anki gradwalment, fil-ħajja ta’ Kristu. Il-konfessur ma jistax jinsa kif il-penitent qiegħed jagħraf u jesperimenta l-verità morali fil-ħajja tiegħu; l-għan tiegħu bħala konfessur huwa l-ġid preżenti u futur tal-penitent. Għalhekk, f’ċerti ċirkustanzi, il-konfessur jista’ jassolvi anki jekk is-sitwazzjoni tal-penitent ex parte obiecti tkun tidher inkompatibbli mal-verità morali.

F’dan il-kuntest, il-konfessur, aktar mix-xjenza morali (scientia moralis), għandu bżonn jikseb l-ars confessandi mżewġa mal-ars medica u l-ars consulendi. Aktar milli hu “mħallef”, il-konfessur huwa tabib, fis-sens li għandu jkollu dik il-kapaċità li jdewwaq il-miżerikordja ta’ Alla billi jinfaxxa l-feriti interjuri tal-penitent u jkennu ma’ Kristu li hu biss jista’ jgħinu jikber fl-imħabba. Fil-fatt, fil-Prænotanda tal-Ordo Pænitentiæ jingħad li “il-konfessur għandu jilqa’ lill-penitent b’atteġġjament ta’ missier (paterno munere fungere) biex hekk juri lill-midneb il-qalb tal-Missier u jkun jixbah lil Kristu ragħaj”. Mons. Girotti, Reġġent tal-Penitenzerija Appostolika, jikkummenta li għall-Kurat ta’ Ars l-aktar ħaġa importanti fil-Qrar kienet il-laqgħa personali ma’ Ġesù Feddej u permezz tiegħu mal-Missier kollu ħniena. Fil-Katekiżmu nsibu li l-konfessur jaqdi l-ministeru tiegħu “tas-Samaritan it-tajjeb li jdewwi l-ġerħat, tal-Missier li jistenna l-iben il-ħali jerġa’ lura ħa jilqgħu fi ħdanu, l-imħallef ġust li ma jħarisx lejn wiċċ in-nies u jagħmel il-ħaqq skont il-ġustizzja u l-ħniena. F’kelma waħda, is-saċerdot hu sinjal u strument tal-imħabba kollha ħniena ta’ Alla għall-midneb” (KKK, 1465). Il-Papa Franġisku ma jehdiex ifakkarna li bħala konfessuri aħna ministri tal-miżerikordja: “Il-qalb tal-konfessur hija qalb li taf tħoss, mhux għax sentimentali jew sempliċi emotiva, imma minħabba l-ġewwieni tal-miżerikordja tal-Mulej… Dak is-saċerdot li ma għandux għal qalbu dan il-ministeru tal-Qrar, kemm bħala ħin li jgħaddi jqarar u kemm bħala spiritwalità, huwa bħal ragħaj li ma jafx jieħu ħsieb in-nagħaġ li ntilfu; huwa bħal missier li jinsa lit-tifel li jkun intiliflu u ma jafx jistennieh ġej lura. Imma l-ħniena hija l-qalba tal-Vanġelu. Alla jħobbna u dejjem jibqa’ jħobb lill-midneb, u b’din l-imħabba jiġbdu lejh u jistiednu għall-konverżjoni. Hemm bżonn noqogħdu attenti minn żewġ estremi: ir-rigoriżmu u l-lassismu… Il-Qrar mhux tribunal ta’ kundanna, imma esperjenza ta’ maħfra u miżerikordja”. Bi kliem dirett lilna s-saċerdoti l-Papa jgħidilna: “Fil-konfessjonarju jersaq iż-żgħir (il-midneb). Meta jurik il-miżerja tiegħu, tgħajjatx miegħu, tikkastigahx. Jekk inti bla dnub, itfagħlu l-ewwel ġebla; jekk le, aħseb fi dnubietek. Ftakar li inti tista’ tkun flok dak il-midneb, anzi tista’ tinżel fil-baxx aktar minnu. Ftakar li f’dak il-waqt int għandek teżor f’idejk: il-miżerikordja ta’ Alla – tegħjewx taħfru kif kien jaħfer Ġesù” (Omelija fil-Katidral ta’ Havana, Kuba, 20 ta’ Settembru 2015).

Biex aħna l-konfessuri ma nittradux il-ministeru tagħna, tajjeb niftakru f’dak il-patrimonju kollu għerf magħruf bħala praxis confessarii. Insemmi biss ftit minn dawn ir-regoli tad-deheb: is-sagrament qiegħed għall-penitent; is-sagrament huwa meħtieġ biss meta hemm dnub gravi; id-dnub huwa gravi biss meta huwa tali kemm oġġettivament u kemm suġġettivament; hemm differenza bejn id-dnub formali u dnub materjali; fejn hemm injoranza invinċibbli, żball bla ħtija jew kuxjenza suġġettivament difendibbli dwar il-gravità oġġettiva ta’ xi att jew sitwazzjoni, ma hemmx kundizzjoni ta’ ħtija suġġettiva gravi.

Imma l-aqwa tħejjija biex inkunu konfessuri tajbin nagħmluha jekk aħna nkunu minn dawk li jittallbu l-miżerikordja billi ninżlu għarkupptejna quddiem il-konfessur u nitolbu maħfra ta’ dnubietna. Xi drabi bħal nissuspetta li aħna nafu nkunu iebsin mal-penitent għax kapaċi nqarrqu bina nfusna u ma nammettux li aħna nonqsu bħal kulħadd. Jekk aħna stess inqerru b’mod leġġer, bl-għaġġla, infantili u abitudinarju, kif nistgħu noffru servizz aħjar bħala konfessuri? Meta jien ma nġarrabx personalment il-faraġ u t-tenerezza ta’ Alla meta nqerr, ikun ferm diffiċli għalija nifhem x’inhu mistenni minni biex bħala konfessur nakkumpanja lill-penitent jagħmel din l-esperjenza! Jekk is-saċerdot tilef is-sens ta’ dnub għalih innifsu, kif jista’ japprezza d-dmugħ tal-penitent niedem? Piscis primum a capite fœtet. Fih x’wieħed jomgħod il-kliem ta’ San Ġwanni Pawlu II meta kitbilna: “Importanti li aħna s-saċerdoti niskopru s-sagrament tal-Qrar bħala għodda fundamentali tal-qdusija tagħna. Meta aħna navviċinaw lil ħuna fis-saċerdozju u nitolbuh l-assoluzzjoni li aħna stess nagħtu lill-Insara, jgħinna ngħixu dik il-verità kbira u ta’ konsolazzjoni li qabel ma aħna ministri, aħna membri tal-istess poplu, poplu ta’ persuni mifdija. Huwa sabiħ li nistqarru d-dnubiet tagħna u nħossu nieżel fuqna l-balzmu tal-miżerikordja li jagħtina s-saħħa biex inqumu u nimxu. Huwa biss dak li jagħmel l-esperjenza tat-tgħanniqa tal-Missier… li jkun jista’ bħala konfessur jittrasmetti lill-oħrajn l-istess sħana” (Ittra nhar Ħamis ix-Xirka, 2001). Għadhom jgħoddu l-pariri siewja li tana l-istess Papa fil-Pastores dabo vobis: “Il-ħajja spiritwali u pastorali tas-saċerdoti… tiddependi ħafna milli jersqu, spiss u bil-għaqal kollu, għas-Sagrament tal-Penitenza. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, il-misteru tas-sagramenti l-oħra, il-ħeġġa pastorali, ir-relazzjoni mal-fidili, ix-xirka mal-aħwa, il-koperazzjooni mal-Isqof, il-ħajja tat-talb, fi ftit kliem il-ħajja kollha tas-saċerdot tikseb żgur ħsara jekk hu jonqos, jew minħabba t-traskuraġni jew minħabba xi raġuni oħra, li jersaq għas-Sagrament tal-Penitenza b’mod regolari, imqanqal mill-fidi vera u minn devozzjoni xierqa. Saċerdot li ma jqerrx dnubietu jew iqerrhom ħażin, iġarrab ħsara fil-fatt li hu saċerdot, u fil-fatt li hu msejjaħ biex jaqdi l-ministeru ta’ saċerdot, u b’dan tintebaħ ukoll il-komunità li tagħha huwa ministru” (26). Tal-istess fehma huwa l-Papa Franġisku: “L-isqof u s-saċerdot li ma jqerrux b’mod regolari, maż-żmien jitilfu l-għaqda tagħhom ma’ Kristu u jsiru tant medjokri li ma jagħmlux ġid lill-Knisja” (24 ta’ Marzu 2014).

Aktar ma nemmnu fil-Qrar aħna għall-mixja spiritwali tagħna, aktar ma nieħdu ħsieb li jkollna konfessur u li nagħtu l-ħin biex nagħmlu u ngħixu fil-fond l-atti kollha tal-penitent, aktar ma aħna stess inġarrbu ta’ spiss l-esperjenza tal-confessio laudis, confessio peccati u confessio fidei, aktar ser inkunu ministri awtentiċi tal-Miżerikordja divina. Kif ifakkarna d-Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tal-Presbiteri, li aħna s-saċerdoti nqerru hija l-“ewwel kundizzjoni biex nagħmlu rivalutazzjoni pastorali ta’ dan is-sagrament: fil-Qrar frekwenti l-presbiteru jitgħallem jifhem lill-oħrajn, u – fuq l-eżempju tal-qaddisin – jiġi mbuttat biex jerġa’ jqiegħed dan is-sagrament fiċ-ċentru tat-tħassib pastorali tiegħu” (72). Ħuti, neżortakom: ħudu bis-serjetà, għożżu s-sagrament tal-Qrar fil-ħajja spiritwali tagħkom! Ħallu lil Alla jgħannaqkom miegħu! Hekk tistgħu twasslu t-tgħanniqa tiegħu lill-bnedmin.

Kif josserva l-Papa Franġisku fil-Misericordiæ Vultus, “konfessuri ma nsirux f’daqqa” (17). Barra l-ħtieġa tal-formazzjoni teoloġika (nirrakkomanda b’mod partikulari l-parteċipazzjoni tagħkom fil-“każ morali”), hemm ukoll il-formazzjoni ta’ ħajja axxetika. Naqsam magħkom rakkomandazzjoni interessanti li sibt fil-Benedizionale Slavo (Trebnik) lill-konfessuri: “Min jirċievi l-kunfidenzi tal-oħrajn, għandu jkun mudell tal-virtujiet kollha, temperanti, umli, twajjeb, u jkun bniedem ta’ talb biex ikun jista’ jagħti kelma ta’ għerf u jikkoreġi lil dawk li javviċinawh. Hu stess għandu jsum l-Erbgħa u l-Ġimgħa s-sena kollha… biex dak li jipprattika jkun jista’ jordnah lill-oħrajn… Inkella min hu dak l-iblah li ser jisimgħu meta jarah imħarbat u fis-sakra, imbagħad jgħallem lill-oħrajn biex ma jixorbux u jgħixu l-ħajja ta’ virtù! San Nikodemu l-Aghiorita jikteb hekk lill-konfessur: ‘Għandek bżonn tfejjaq u tirbaħ il-passjonijiet tiegħek, għax jekk tipprova tfejjaq lil ħaddieħor qabel ma tkun fiqt inti, tisimgħu jgħidlek: “Tabib, fejjaq lilek innifsek!”. Jekk trid iddawwal u tgħin lill-oħrajn isiru perfetti, inti stess trid tkun imdawwal u perfett’. U San Melezju l-Konfessur jgħid: ‘Kif iljun ma jista’ qatt jirgħa ħaruf, hekk ukoll dawk li huma maħkuma mill-passjonijiet ma jistgħux jmexxu l-erwieħ’”.

Dan kollu ħassejt li għandi naqsmu magħkom biex f’dinja fejn hawn ħafna tbatija, aħna nitħeġġu u bħala ministri tal-miżerikordja nkomplu nfarrġu lil ħutna, partikularment billi nagħmlu ħilitna ħalli nwettqu riforma fil-prassi penitenzjali attwali. Jien konvint li Alla li wera ħniena magħna meta sejħilna għall-ministeru, ser jibqa’ jieqaf magħna biex aħna nkunu kanali li minnhom il-ħniena tiegħu tasal għand il-bniedem.

Bħala punti prattiċi nixtieq li:
1. is-saċerdoti volontarjament joffru sigħat ta’ Qrar;
2. tal-inqas fil-knejjes parrokkjali jkun hemm “santwarju tal-Qrar”;
3. il-Qrar isir biss f’post dinjituż fejn tiġi mħarsa s-sagralità u l-kunfidenzjalità;
4. fil-knejjes kollha din is-sena jkun hemm orarju tal-Qrar;
5. darba fil-ġimgħa l-knejjes parrokkjali jibqgħu miftuħa sa tard u jipprovdu servizz ta’ Qrar;
6. norganizzaw ċelebrazzjoni penitenzjali komunitarja;
7. flimkien mat-tliet knejjes ġubilari, ser nagħmel il-knisja ta’ San Ġakbu knisja penitenzjali;
8. tlabt lis-Santa Sede biex il-Papa jaħtar lil Patri Marcello Ghirlando OFM bħala “missjunarju tal-ħniena” – huwa jkollu l-awtorità li jaħfer anki d-dnubiet riservati għas-Sede Appostolika u jkun “predikatur konvinċenti tal-ħniena”.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading