L-Arċisqof mill-Kappella tal-Madonna tal-Providenza


Il-Ħadd, 4 ta’ Ottubru 2020: Quddiesa tas-27 Ħadd tas-Sena mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kappella tal-Madonna tal-Providenza, is-Siġġiewi …

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Kien hemm wieħed sid ta’ għalqa u ħawwilha bid-dwieli” (Mt 21:33). Id-dielja fl-għanja tal-profeta hija l-proġett ta’ mħabba li Alla għandu għall-poplu tiegħu. Fil-fatt fil-kitba tal-profeta Iżaija li smajna fl-Ewwel Qari llum, wieħed jinnota kemm-il darba l-Mulej jissejjaħ ‘il-maħbub’ u l-għanja tad-dielja hija l-għanja tal-imħabba tiegħu. “Ħa ngħanni lill-Maħbub tiegħi l-għanja ta’ mħabbtu għall-għalqa tad-dwieli tiegħu. Il-maħbub tiegħi kellu għalqa tad-dwieli fuq għolja għammiela” (Iż 5:1).

L-għażla ta’ din il-profezija sabiħa ta’ Iżaija tagħtina dawl qawwi fuq it-tixbiha, il-parabbola li Ġesù juża biex jitkellem, jidħol fid-djalogu mal-poplu ta’ Alla u jipperswadih li r-responsabbiltà tiegħu hija li jkun sieħeb f’dan il-proġett ta’ mħabba ta’ Alla. Alla li huwa l-maħbub, Alla li l-għanja tiegħu hija għanja ta’ mħabba, iħawwel dielja u “jqabbilha lil xi bdiewa” (Mt 21:33). Dan huwa dettall ċkejken imma importanti ħafna li jintroduċi Ġesù fil-parabbola tiegħu.

Aħna ġejna magħżula, kull wieħed u waħda minna, biex inkunu sieħba fl-għalqa tad-dwieli, fl-għanja tal-imħabba, fil-proġett tal-imħabba ta’ Alla.

Min huma dawn il-bdiewa li għandhom id-dielja responsabbiltà tagħhom, għandhom id-dritt jieħdu mill-frott tagħha imma jridu jaghtu sehem għax dik hija qbiela wkoll, lis-sid. Huwa l-poplu Lhudi ġustament, Ġesù qed ikellem lill-poplu Lhudi ta’ żmienu imma huwa aħna wkoll. Aħna ġejna magħżula, kull wieħed u waħda minna, biex inkunu sieħba fl-għalqa tad-dwieli, fl-għanja tal-imħabba, fil-proġett tal-imħabba ta’ Alla.

Issa t-traġedja li jsemmi Ġesù hija li dawn il-gabillotti, dawn il-bdiewa li lilhom kienet imqabbla d-dielja, ma kinux kuntenti li jieħdu l-parti tagħhom tal-frott. Wara kollox aħna meta nħobbu jkollna paċi, ferħ, l-imħabba tħallsek hi, hija l-ħlas tagħha nfisha. Imma l-atteġġjament tagħhom għal dan il-proġett huwa li jkunu huma s-sidien. Anzi li jifhmu li l-imħabba mhux li tagħti imma li tieħu dejjem. U jekk naghmlu hekk, l-imħabba tagħna, l-imħabbiet tagħna, is-sehem li għandna fil-proġett tal-imħabba ta’ Alla, javvelena ruħu.

Fil-fatt dik kienet il-fissazzjoni kważi kontinwa ta’ dawn il-bdiewa li jsemmi Ġesù. Dawn iltaqgħu man-nies li bagħat is-sid biex jieħu s-sehem tiegħu, qatluhom, ħaġġruhom, sawtuhom imbagħad bagħat lil ibnu. Hawnhekk wieħed jifhem mal-ewwel li Ġesù qed jitkellem fuqu nnifsu. Hu l-lben ta’ Sid il-għalqa, l-Iben ta’ Alla. “Min ibni jisħtu” (Mt 21:37) qal is-sid iżda kif raw lil ibnu, il-bdiewa bdew jgħidu bejniethom “ara l-werriet, ejjew noqtluh biex il-wirt tiegħu nieħduh aħna” (Mt 21:38). Ma fehmux li biex tiret trid tkun iben jew bint, mhux xi ħadd li jrid jaħtaf dak li mhux tiegħu. “Qabduh lil dan l-iben, xeħtuh ’il barra mill-għalqa u qatluh” (Mt 21:39). Ġesù joħorġuh minn Ġerusalemm u jagħtuh mewta l-iżjed ħarxa, l-iżjed krudila, l-iżjed umiljanti.

U Ġesù jisfida lill-kontemporanji tiegħu, lin-nies ta’ żmienu. Din il-parabbola jgħidha l-iżjed lill-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu, lil-leaders – jisfidahom billi l-ġudizzju jagħmluh huma. “Issa sid il-għalqa x’jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa meta jiġi?” (Mt 21:40). Ġesù ma jagħtix il-kundanna, lanqas il-ġudizzju. Iħalli f’idejn min qed jiddjaloga miegħu biex il-ġudizzju jagħmlu hu. “Jeqridhom bla ħniena ta’ ħżiena li huma” (Mt 21:41). Qed jitfgħu l-ġebla fuq saqajhom, qed jikkundannaw lilhom infushom.

Ġesù ma jżid xejn mal-ġudizzju tagħhom, għamluh huma. Imma jisfidahom ikompli, waqt li forsi jqanqal il-qalb tagħhom biex jifhmu kemm kienu żbaljati. Jekk intom m’intomx se tkunu sieħba ta’ fedeltà u ta’ ħniena fil-proġett tal-imħabba ta’ Alla u tagħrfu lill-Iben mhux toqtluh, allura dak li intom warrabtu, il-fqar ta’ din id-dinja, il-maħqurin ta’ din id-dinja se jsiru l-ġebla tax-xewka.

Meta nħobbu jkollna paċi, ferħ, l-imħabba tħallsek hi, hija l-ħlas tagħha nfisha.

U jekk aħna mmorru lura lejn l-għanja tad-dielja fil-profeta Iżaija, nifhmu li anke Iżaija l-profeta meta jħares lejn l-għeneb qares li d-dielja tat minflok l-għeneb tajjeb u bnin, jitkellem dwar il-frott tal-ħażen, jgħid: “Jiena fittixt is-sewwa imma jiena sibt it-tixrid tad-demm. Stennejt il-ġustizzja u araw smajt l-għajjat tal-maħqura” (ara Iż 5:7).

Aħna se niġu ġġudikati kif nittrattaw lil xulxin, jekk aħniex kapaċi – u dan hu l-ġudiżżju tagħna – nissieħbu fil-pjan tal-imħabba ta’ Alla mhux bħala sidien li jridu jipposedu u jaħtfu u allura lesti wkoll joqtlu u jaħqru biex jagħmlu hekk, imma kemm aħna lesti nkunu kooperaturi ma’ dan il-proġett, kemm aħna lesti nħennu għal xulxin, naħfru lil xulxin. L-imħabba mhux pussess imma għotja. U jiena nipposedi fl-imħabba inkwantu noffri u nagħti lili nnifsi.

Ejjew nitolbu lil sid id-dielja, lill-maħbub li għanja tiegħu hija għanja ta’ mħabba, li meta aħna nissieħbu f’dan il-proġett tiegħu, l-għanja tagħna ma tkunx l-għajta tal-moħqrija tal-vittmi tagħna imma l-għanja ħelwa tal-paċi, tal-maħfra, ta’ solidarjetà.Reusable Block

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 5, 1-7
Salm: 79 (80), 9.12.13-14.15-16.19-20
Qari II: Fil 4, 6-9
Evanġelju: Mt 21, 33-43

Sors: www.knisja.mt

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.