Nagħrfu lil Kristu Rxoxt f’ħutna. Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 6 ta’ April 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-Quddiesa tat-Tlieta fl-Ottava tal-Għid. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Għalfejn qiegħda tibki?” ( Ġw 20:13). Din il-mara mwieżna u mħarrka, imqanqla mill-imħabba, tmur biex tidlek il-katavru tal-maħbub Ġesù biż-żjut imfewħa b’sinjal tal-qima u ta’ preżervazzjoni, u ssib qabar vojt.

Tibqa’ tippretedi li ssib katavru. “Jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħedtu, u jiena nġibu lura” (Ġw 20:15). Ix-xewqa tagħha hi li terġa’ ġġib il-katavru ta’ Ġesù fil-qabar. Għaliha l-qabar vojt iġegħelha tibki. L-anġli u Ġesù jistaqsuha għaliex qiegħda tibki quddiem il-qabar vojt. Hi qiegħda tfittex ’il Ġesù.

Imma ’l Ġesù ma nsibuhx fl-oqbra. Ejjew nifhmu ftit kemm nagħmlu oqbra għalina nfusna fil-ħajja u għal Ġesù. L-oqbra tat-tradizzjonaliżmu sfrenat. Il-qabar ta’ min jaħseb li aħna biss għandna raġun u ħaddieħor dejjem fl-iżball. Il-qabar li lil Ġesù npoġġuh qisu ġo kaxxa jew ġo gaġġa. Aħna hekk irridu nagħmlu? Ġesù jseħilna b’isimna, jarafna u jafna. Jgħidilna żżommunix – dik ‘la tnissnix’ tista’ tkun ukoll iżżommnix – iżżommuniex, morru “għand ħuti u għidulhom li se nitla’ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom” (Ġw 20:17).

Din il-kelma ta’ Ġesù tibda tispjegalna l-frott ta’ dawn il-jiem qaddisa tal-Għid li qegħdin niċċelebraw. Alla huwa Missier Ġesù għax Ġesù huwa “Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru” (Kredu). Imma Ġesù jsejjaħlu wkoll ‘Missierna’. Illum f’dan l-Evanġelju tal-irxoxt nibdew insejħu lil Alla Missierna kif għallimna hu. “Meta titolbu għidu hekk: ‘Missierna li inti fis-smewwiet’” (Mt 6:9). “Alla tiegħi” għax jien ħaġa waħda miegħu “u Alla tagħna” (Ġw 20:17). Aħna m’aħniex allat imma kif jgħidu l-Missirijiet tal-Knisja, bil-misteru tal-Għid Alla sar bniedem, “obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib u Alla għollieh” (Fil 2:8). Fil-misteru tat-tlugħ tiegħu, anke l-umanità tagħna hija merfugħa ’l fuq.

Marija ta’ Magdala ssir l-ambaxxatriċi tal-qawmien. Din il-mara hi magħżula minn Ġesù biex tkun hi l-ewwel persuna li tagħti l-aħbar: “Marret għand id-dixxipli […] ‘rajt lill-Mulej’ u qaltilhom x’qalilha” (Ġw 20:18).

F’dawn il-jiem se nkomplu naqraw dak li jgħidilna l-Evanġelju fuq dan il-mument straordinarju tad-dixxipli li jiskopru l-qabar vojt imbagħad jiltaqgħu ma’ Ġesù. F’diversi Evanġelji ninnutaw li għalkemm Ġesù jidher għall-għajnejn tal-ġisem u l-vuċi tiegħu jisimgħuha mill-widnejn tal-ġisem, ma jagħrfuhx immedjatament. Donnu l-fattizzi tiegħu huma straordinarji jew inbidlu. X’kien ġara’? Kif nagħrfuh lill-Irxoxt? Għaliex Marija ta’ Magdala tħares lejh u taħseb li hu l-ġardinar? Tagħrfu biss meta sejħilha b’isimha.

Fl-Evanġelji ta’ dawn il-ġranet ninnutaw li din il-ħaġa ssir ripetutament. Għaliex l-Irxoxt għandu l-wiċċ ta’ kull wieħed u waħda minna, tal-umanità kollha. Dak li qal: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni” (Mt 25:35), dak li jgħid lil Pawlu, lil Sawl: “Għaliex qiegħed tippersegwitani?” (Atti 9:4) ifisser li bil-misteru tal-qawmien, il-Mulej jieħu sura ta’ kull wieħed u waħda minna. Aħna ma nistgħux inpoġġu ’l Ġesù fil-qabar tal-istatwi tal-kartapesta, fil-qabar tat-tradizzjonijiet. Irridu niltaqgħu miegħu ħaj fl-aħwa, fostna. “Fejn tnejn jew tlieta jinġemgħu u jinġabru f’ismi, hemm jiena nkun f’nofskom” (Mt 18:20). Il-preżenza ta’ Ġesù Rxoxt hija preżenza ġdida li ġġedded.

Nitolbuh lill-Mulej din il-grazzja li aħna nagħrfuh f’xulxin u fil-misteru tal-qsim tal-ħobż (Lq 24:35). Imma kull meta niltaqgħu miegħu se jsejħilna b’isimna u hemmhekk nagħrfu li jħobbna u li ta ħajtu għalina.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 2, 36-41
Salm: 32 (33), 4-5.18-19.20 u 22
Evanġelju: Ġw 20, 11-18

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply