Il-ktieb tat-tlett nisa

Print Friendly, PDF & Email

Aktar kmieni din is-sena l-Mulej tani l-grazzja nippubblika ktieb li, iżjed ma nħares lejh, iżjed inħoss li għandi nsejjaħlu dak li qalbi tgħidli li għandi nsejjaħlu kif jixraqlu: Il-ktieb tat-tlett nisa! Anki jekk il-ktieb l-isem proprju tiegħu hu: Imbierek Alla fil-qaddisin kollha tiegħu, madankollu dan il-ktieb jurini kemm tassew kien imbierek u mfaħħar fil-ħajja ta’ dawn it-tlett nisa.

Forsi jkun hawn min jgħidli: Imma Patri l-għaliex ma żidtx l-aġġettiv “qaddisin” wara nisa? U mela l-mara vera m’hijiex qaddisa? Il-mara ta’ dinjità u li ġġib l-istess dinjità tagħha u ta’ dawk li magħhom tgħix u taħdem, mhijiex il-mara qaddisa? Fi ftit kliem: teżiżti l-mara mingħajr il-qdusija tal-Mulej fiha? Mill-ħajjiet ta’ Santa Liena, Santa Venera u Santa Katarina ta’ Lixandra, ngħid, b’idi fuq qalbi: LE ma teżiżtix!

Il-qoxra tal-ktieb lili tkellimni bil-bosta. Hemm Alla l-Missier b’idejH miftuħa fuq dawn it-tlett qaddisin nisa. Il-Missier, qed jiftaħ idejh, biex iberiekom waħda waħda. Għax, ilkoll kemm huma, jistħoqqilhom il-barka tiegħu. U le! X’jien ngħid? Il-Mulej ma jħobbx bil-gozz imma b’mod individwali. Għalhekk, għal kull waħda, u fuq kull waħda, il-Missier seta’ jgħid dak li qal fuq Ibnu stess: Din binti l-għażiża li fiha nsib l-għaxqa tiegħi. Isimgħu lilha (ara Mark 9:7).

Iwa! Isimgħu lilha! Isimgħuha fl-attitudnijiet tagħha! Isimgħuha x’qalet u anki x’ma qalitx! Isimgħuha kif ġabet ruħha! Isimgħuha f’dak kollu li kienet għall-Mulej u għall-proxxmu tagħha! Isimgħuha kif għexet ħajjitha! Fuq kollox, isimgħuha kif għexet il-verġinità tagħha! Dan il-punt jimpressjona ħafna f’dan il-ktieb. Dan l-għaliex dawn it-tlett nisa, bil-mod tagħhom, għexu l-verġinità tagħhom b’mod mill-aktar għaqli!

U, meta nitħaddtu fuq il-verġinità, ejjew ma nkomplux indaħħlu rasna fir-ramel aktar billi nkissru lil xulxin bl-addoċċ sempliċiment l-għaliex nitħaddtu fuq verġinità li qed taħli l-enerġija tagħha fil-ġlieda tagħha kontra d-dnub. Jekk din hi biss il-verġinità jiena l-ewwel wieħed li naħrab minnha u niċħadha! Il-verġinità vera hi ferm isbaħ, veritiera u fertili aktar minn hekk! L-għaref xwejjaħ Paisios tal-Muntanja Athos jgħallem hekk: L-għan hu li wieħed jogħla spiritwalment u mhux sempliċiment li jaħrab id-dnub.

Fil-kuntest tas-sena ddedikata lil San Ġużepp ma nistax ma nsemmix dak li jikteb Papa Franġisku stess meta jitħaddet fuq il-verġinità tal-Ħarries tal-Feddej fl-Ittra Appostolika tiegħu fl-okkażjoni tal-150 anniversarju mid-Dikjarazzjoni ta’ San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja universali, Patris Corde, meta jgħid:

“Il-ferħ ta’ Ġużeppi mhuwiex fil-loġika tas-sagrifiċċju tiegħu nnifsu, imma tal-għotja tiegħu nnifsu. F’dan il-bniedem qatt ma nħossu li hemm frustrazzjoni, imma biss fiduċja. Is-skiet persistenti tiegħu ma jikkontemplax tgergir imma dejjem ġesti konkreti ta’ fiduċja. Id-dinja għandha bżonn ta’ missirijiet, u ma tridx sidien, jiġifieri ma tridx lil min irid juża l-pussess tiegħu fuq l-ieħor biex jimla l-vojt tiegħu nnifsu; ma tridx lil dawk li jifxlu l-awtorità ma’ awtoritarjaniżmu, is-servizz ma’ serviliżmu, il-konfront ma’ oppressjoni, il-karità ma’ assistenzjaliżmu, il-qawwa mal-qerda. Kull vokazzjoni vera titwieled mill-għotja tagħna nfusna, li hi l-maturazzjoni tas-sempliċi sagrifiċċju. Anki fis-saċerdozju u fil-ħajja kkonsagrata hi mitluba din l-għamla ta’ maturità. Hemm fejn vokazzjoni, fiż-żwieġ, fiċ-ċelibat jew verġinali, ma tilħaqx il-maturazzjoni tal-għotja tagħna nfusna, imma tieqaf biss mal-loġika tas-sagrifiċċju, allura flok issir sinjal tal-ġmiel u tal-ferħ tal-imħabba, tirriskja li tesprimi nuqqas ta’ kuntentizza, dwejjaq u frustrazzjoni” (nru.27).

Interessanti li l-verġinità, skont Papa Franġisku, m’għandhiex x’taqsam ma’ sagrifiċċju. M’hijiex le kastig! Għall-kuntrarju! Id-don mill-aktar sabiħ tal-verġinità hu don li jfisser għotja ferħana tal-persuna lil ħaddieħor! Fil-fatt, meta wieħed jifli ftit il-ħajja ta’ Santa Liena, Santa Venera u Santa Katarina jara ħajja mogħtija bil-ferħ għall-oħrajn! U, l-għotja tagħhom ma kinitix waħda frustrata iżda mimlija fiduċja fil-Mulej! Dawn it-tlett nisa ngħataw lill-Mulej fis-skiet l-għaliex l-azzjonijiet tagħhom tkellmu waħedhom. Ma kellhom l-ebda bżonn ta’ xi kumment biex isaħħaħhom! Il-verġinità tagħhom mhux talli ma kinitx vojta talli kienet mimlija tilja mħabba għal dawk li kienu jinħtieġu x-xhieda tagħhom. It-tlieta li huma ġibu ruħhom b’awtorità imma mhux b’awtoritarjaniżmu. It-tlieta servew mingħajr ma kienu servili. It-tlieta ikkonfrontaw imma ma opprimew lil ħadd. It-tlieta urew karità imma qatt ma kienu assistenzjalisti. Għax kienu mimlija bil-qawwa tal-Mulej, l-Ispirtu s-Santu, ma qerdu lil ħadd. Anzi! It-tlieta li huma spiċċaw meqruda. Tnejn minnhom b’mewta ħarxa u l-oħra bl-inkwiet tal-ħajja familjari.

It-tlieta li huma għexu b’mod mill-aktar qawwi s-sejħa tagħhom ta’ Nsara għaliex ingħataw. Ma weħlux mal-loġika tas-sagrifiċċju iżda ħallew lilhom infushom jiġu mgħallma mill-Ispirtu s-Santu u mill-Knisja ta’ żminhom biex jingħataw mingħajr limiti quddiem il-ħtiġijiet ta’ ħuthom fil-bżonn. Aktar mill-kelma tagħhom it-tlieta li huma għallmu bl-eżempju. U hawnhekk ma nistgħux ma nsemmux dak li kien qal il-kbir Papa San Pawlu VI fl-eżortazzjoni tiegħu dwar it-tħabbir tal-vanġelu fid-dinja tallum, evangelii Nunziandi: Il-bniedem modern jisma’ aktar bil-qalb lix-xhieda milli lill-għalliema, u jekk jisma’ lill-għalliema dan l-għaliex huma xhieda (nru.41).

U ta’ min huma tabilħaqq xhieda dawn it-tlett nisa qaddisin, jiġifieri Santa Liena, Santa Venera u Santa Katarina? Ta’ Kristu li jagħti lilu nnifsu. Ta’ Kristu li ma waqafx le, anzi, lanqas qatt ma kienet tidħollu f’moħħu li ħajtu għalina kienet xi tqanżiħa tas-sagrifiċċju. Ta’ dak Kristu li, ħajtu, kienet kollha kemm hi mgħaddsa fil-maturazzjoni tal-imħabba tiegħu li tingħata mingħajr limiti għall-proxxmu batut. Ta’ dak Kristu li, għax għex b’dan il-mod, ħajtu kienet kollha ġmiel u ferħ tal-imħabba.

Trid li ħajtek tiġi mdawla mill-Ispirtu s-Santu, kif ħadem fil-ħajja ta’ dawn it-tlett nisa ta’ veru? Trid li tiġi mnaddaf u mnaddfa minn nuqqas ta’ kuntentizza, dwejjaq u frustrazzjoni? Nissuġġerilek il-ktieb: Imbierek Alla fil-qaddisin kollha tiegħu. Jekk interessat u interessata ibgħatli email fuq: frmarioa@gmail.com

Patri Mario Attard OFM Cap