Mulej, int taf kollox

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 28 ta’ Ġunju 2021: Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Quddiesa tal-Vġili tas-Solennità ta’ San Pietru u San Pawl. Katidral ta’ San Pawl, Imdina.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jistaqsi lil Xmun Pietru: “‘Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?’ ‘Iva, Mulej’” (Ġw 21:15). L-insistenza ta’ Ġesù fuq l-imħabba ta’ Pietru, li jġiegħel lil Pietru jindem u jirrealizza li l-imħabba tiegħu tistrieħ fuq il-ħarsa ta’ Ġesù. “Pietru ħass għafsa ta’ qalb għax staqsieh għat-tielet darba ‘Tħobbni?’ u qallu: ‘Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok’” (Ġw 21:17).

“Inti taf kollox”. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna nkunu nistrieħu fil-Mulej li jaf kollox. Il-bnedmin ma jkunux jafu kollox iżda mingħalihom li jafu kollox; fuq dak, u fuq l-ieħor. Anke fuqna nfusna, mingħalina nafu kollox; iżda hu l-Mulej li jaf kollox.

“Inti taf li nħobbok”. L-imħabba ta’ Pietru mhijiex imħabba mingħajr tixlif jew mingħajr dlamijiet. Kien jaf biżżejjed x’inhu jgħid meta jirrispondi “li int taf kollox, inti taf li nħobbok” (Ġw 21:17). Inħobbok bid-dgħufija tiegħi, inħobbok bi dnubieti, inħobbok minkejja n-nuqqasijiet tiegħi. “Inti taf kollox”. Ġesù li jaf kollox jafda l-ħrief tiegħu, in-nagħaġ tiegħu lil Pietru. Hija fiduċja li ma tistax issejħilha għamja għax Ġesù jaf kollox. Hija fiduċja fl-imħabba ta’ Pietru. Aħna u niċċelebraw din il-festa li tgħaqqad lill-Appostlu Pietru u lill-Appostlu Missierna fit-tgħanniqa tal-martirju, nirrealizzaw li l-martirju tagħhom kien ix-xhieda estrema tal-imħabba tagħhom.

“Meta tixjieħ, int tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tkunx trid!” (Ġw 21:18). L-aħħar vjaġġ ta’ Pietru kien lejn l-għolja tal-Vatikan fejn Neruni kellu ċirku żgħir, stadium żgħir li kien juża għad-divertiment. Uħud mill-Insara użahom bħala torċi meta kienu jiksuhom bil-qatran u jagħtuhom in-nar. Lil Pietru ddeċieda li jagħtih il-mewta l-iżjed kiefra tal-iskjavi; il-mewta tas-salib. Nafuha l-istorja li Pietru ma riedx jissallab bħall-Imgħallem, u sallbuh rasu ’l isfel u saqajh ’il fuq.

Mattia Preti tagħna inkwatru straordinarju tat-tislima ta’ dawn iż-żewġ appostli huma u sejrin lejn il-martirju. Huwa inkwatru immaġinattiv, għalkemm hemm ktieb antikissimu, apokrafu, li jitkellem dwar il-martirju tagħhom it-tnejn u li jlaqqagħhom mhux ’il bogħod mill-Kolossew fil-Ħabs ta’ Mamertino. Imma t-tislima tagħhom li hemm ukoll ripprodotta fil-kotba li użajna għall-għasar, hemm it-tislima ta’ min għaraf jiltaqa’ ma’ Ġesù u mal-ħarsa tiegħu.

L-aħħar kelma ta’ Ġesù lil Pietru hija kelma fondamentali li b’xi mod terġa’ twasslu għall-ewwel kelma. L-ewwel kelma u l-aħħar kelma jiltaqgħu: “Ejja warajja” (Ġw 21:19). Nitolbu bl-interċessjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl u l-Appostlu Pietru biex aħna wkoll, li Ġesù jaf kemm inħobbuh minkejja n-nuqqasijiet u dnubiet tagħna, ikollna wkoll il-kuraġġ u l-umiltà li nimxu warajh.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 3:1-10
Salm: 19:1-5
Qari II: Gal 1:11-20
Evanġelju: Ġw 21:15-19

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply