Qari tas-Sibt tat-Tielet Ġimgħa tar-Randan

Print Friendly, PDF & Email

It-Tielet Ġimgħa tar-Randan – Is-Sibt

Qari I

Għaliex jiena tieba rrid, mhux sagrifiċċju.

Ħos 6, 1-6

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ħosegħa

“Imxi, ħa nerġgħu lura għand il-Mulej,

għax huwa tertaqna, imma se jdewwina,

hu sawwat, imma se jinfaxxalna l-ġrieħi.

Wara jumejn jerġa’ jagħtina l-ħajja,

imbagħad fit-tielet jum jerġa’ jqajjimna,

sabiex quddiemu ngħixu.

Nagħrfu l-Mulej, u nfittxu nagħrfuh iżjed,

daqs kemm hu żgur is-sebħ, hekk il-ħruġ tiegħu;

hu jiġi bħalma tiġi x-xita fuqna,

bħax-xita mwaħħra illi ssaqqi l-art”.

U x’naqbad nagħmel jien bik, Efrajm?

X’se naqbad nagħmel bik, Ġuda?

It-tieba tagħkom qisha s-sħab tal-għodwa,

tixbah lin-nida li tinxtorob kmieni.

Għalhekk inġarthom jiena bil-profeti,

u bi kliem fommi qtilthom,

u l-ħaqq tiegħi joħroġ qisu dawl.

Għaliex jiena tieba rrid, mhux sagrifiċċju;

li tagħrfu ’l Alla rrid, u mhux vittmi maħruqa.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 50 (51), 3-4.18-19.20-21ab

R/. (Ħos 6,6): Jiena tieba rrid, mhux sagrifiċċju

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;

naddafni mid-dnub tiegħi. R/.

Għax lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju;

noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx.

Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma;

qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla. R/.

Agħmel il-ġid lil Sijon fi tjubitek;

erġa’ ibni l-ħitan ta’ Ġerusalemm.

Imbagħad tilqa’ bil-qalb vittmi xierqa,

sagrifiċċji ta’ vittmi maħruqa u mitmuma. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Salm 94 (95), 8ab

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Illum la twebbsux qalbkom,

iżda isimgħu leħen il-Mulej.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Evanġelju

Il-pubblikan, u mhux il-fariżew, niżel id-dar iġġustifikat.

Lq 18, 9-14

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola: “Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu. Il-Fariżew, wieqaf, talab hekk f’qalbu: “O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan. Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kulma ndaħħal”. Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: “O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!”.

Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu