Qari tat-Tnejn tal-Erbgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – It-Tnejn

Qari I

Jekk hemm firda bejnietkom, mhux l-ikla tal-Mulej li intom tieklu.

1 Kor 11, 17-26.33

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, f’li sa ngħidilkom ma nfaħħarkomx! Għax intom tiltaqgħu mhux għall-ġid imma għad-deni. Qabel xejn, kull meta tiltaqgħu fil-knisja smajt li hemm firda bejnietkom, u xi ħaġa nemmen. Għandu jkun hemm firdiet, biex jidhru fostkom il-ġusti. Meta tiltaqgħu f’post wieħed mhux l-ikla tal-Mulej li intom tieklu. Għax kull wieħed minnkom iġib, jaqbad u jiekol l-ikel tiegħu; wieħed bil-ġuħ u l-ieħor fis-sakra. Ma għandkomx djar fejn tieklu u tixorbu? Jew tridu twaqqgħu fl-għajb il-Knisja ta’ Alla u ġġiegħlu jistħu lil dawk li ma għandhomx? X’ngħidilkom? Infaħħarkom? F’dan ma nfaħħarkomx!

Jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż u wara li radd il-ħajr qasmu u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi”. Hekk ukoll għamel bil-kalċi wara li kiel u qal: “Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’demmi; agħmlu dan kull meta tixorbu, b’tifkira tiegħi”. Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi. Għalhekk mela, ħuti, meta tiltaqgħu biex tieklu, stennew lil xulxin.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 39 (40), 7-8a.8b-9.10.17

R/. (1 Kor11, 26b): Inxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi

Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti;

imma widnejja inti ftaħtli;

ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.

Imbagħad jien għedt: “Hawn jien, ġej. R/.

Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi

li nagħmel ir-rieda tiegħek.

Alla tiegħi, dan jogħġobni;

il-liġi tiegħek ġewwa qalbi”. R/.

Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa kbira;

xufftejja ma żammejthomx magħluqa.

Mulej, dan inti tafu. R/.

Jithennew u jifirħu bik dawk kollha li jfittxuk;

jgħidu dejjem: “Kbir il-Mulej!”

dawk li jħobbu s-salvazzjoni tiegħek. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 3, 16

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni,

biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Anqas f’Iżrael ma sibt fidi bħal din.

Lq 7, 1-10

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù, meta spiċċa jgħid lin-nies kulma kellu jgħidilhom, daħal Kafarnahum. U jkun hemm ċenturjun li kellu qaddej għażiż ħafna għalih, li kien marid u wasal fl-aħħar. Iċ-ċenturjun sama’ b’Ġesù u bagħatlu xi wħud mix-xjuħ tal-Lhud biex jitolbuh jiġi jfejjaqlu l-qaddej. Dawk marru quddiem Ġesù u bdew jitolbuh b’ħerqa kbira u jgħidulu: “Jixraqlu li tagħmillu dan, għax hu jgħożż il-ġens tagħna, u kien hu li bnielna s-sinagoga”. Ġesù mar magħhom, u ma kienx ’il bogħod wisq mid-dar meta ċ-ċenturjun bagħat jgħidlu ma’ xi ħbieb: “Sinjur, toqgħodx tinqala’, għax jien ma jistħoqqlix li int tidħol taħt is-saqaf tiegħi; għalhekk ħassejt li anqas kien jistħoqqli niġi nsibek jiena stess. Imma int ordna b’kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq. Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta’ ħaddieħor, u jiena stess għandi suldati taħt il-kmand tiegħi; lil wieħed ngħidlu: “Mur!”, u jmur; lil ieħor ngħidlu: “Ejja!”, u jiġi; u lill-qaddej ngħidlu: “Agħmel dan!”, u jagħmlu”. Ġesù baqa’ mistagħġeb bih meta sama’ dan; dar lejn in-nies li kienu miexja warajh u qalilhom: “Ngħidilkom li anqas f’Iżrael ma sibt fidi bħal din!”. Meta mbagħad dawk li kienu mibgħuta reġgħu lura d-dar, sabu l-qaddej qawwi u sħiħ.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading