Erbat ijiem tal-ġenn ma’ Father Thomas Byles fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

Print Friendly, PDF & Email

Ħafna jafu xi tfakkar id-data tal-15 t’April 1912. L-aktar bejn dak li seħħ mill-14 t’April fil-11.40 pm sas-2.20 am tal-jum ta’ wara, sewwa sew fin-naħa tat-Tramuntana tal-baħar Atlantiku. F’dawn is-sigħat tal-biża l-vapur lussuż u tal-għeġubijiet ta’ dak iż-żmien, RMS Titanic, malajr sab ruħu f’qiegħ dan il-baħar immens u fond li ma ngħidlekx. Miegħu ġibed l-isfel mhux anqas minn 1,500 passiġġier.

Din l-istorja kulħadd jaf biha minħabba li nħarġet fil-beraħ bis-saħħa tal-magħruf direttur ċinematografiku Kanadiż ta’ talent, James Cameron. Meta wieħed jara dan il-film epiku ma jistax ma jammirax it-talent mill-aqwa li, b’għaqal kbir, seħħlu wasslilna fatt storiku fuq l-iscreens taċ-ċinema. Madankollu rrid ngħid li l-istorja kienet wisq inkullata mal-istorja ta’ mħabba bejn Jack u Rose. Kif serqu x-xena! Anki jekk, u biex inkunu għedna kollox, xi dettalji storiċi bħal, ngħidu aħna, il-kaptan Edward Smith, lil Cameron ma qabżulux. U allaħares qatt jekk kienu jaqbżulu għax inkella l-film kien jispiċċa mgħarraq fl-oċejan profond tal-kritika ċinematografika! Ħasra hux li l-kaptan Smith, wara karriera navali mimlija suċċessi li kien kiseb, kellu jispiċċa mgħarraq fl-aħħar u fuq l-iprem vapur li qatt kellu t-tmun tiegħu f’idejh bħala kaptan! X’umiljazzjoni!

Filwaqt li nitolbu minn qalbna għalih biex jistrieħ fir-raqda tas-sliem ma nistgħux ma nsemmux eroj kbir li qajla jissemma! Qed nirreferi għal Father Thomas Byles, il-magħruf qassis Ingliż ta’ 42 sena, li ta ħajtu bħal Kristu biex isalva lil ħaddieħor. L-istorja tgħidilna li hekk kif kien qed jitlob il-brevjar fuq il-gverta u ntebaħ li kienet seħħet xi ħaġa serja fuq il-vapur addijo t-talb tal-brevjar u rħielha ġirja waħda biex isalva lin-nisa u lit-tfal billi jwassalhom lejn id-dgħajjes tas-salvataġġ. Barra minhekk, Father Thomas, waqt li ċaħad għal darbtejn it-talbiet li għamillu baħri ħa jsalva ġildu, għażel li jibqa’ mal-passiġġieri abbord, jagħtihom l-assoluzzjoni, jitlob ir-Rużarju u talb ieħor magħhom sakemm niżel jakkumpanjhom f’qiegħ l-Atlantiku. Xi ssejjaħlu eżempju ta’ dan il-kalibru jekk mhux wieħed ta’ qdusija erojka?

Kien għalhekk li d-djoċeżi ta’ Brentwood nidiet l-ewwel passi għall-beatifikazzjoni tiegħu. Għal dan il-għan, bil-ħidma ta’ Father Graham Smith, il-kappillan tal-parroċċa ta’ Ongar iddedikata lil Santa Liena, fejn Father Thomas Byles qatta’ l-isbaħ tmin snin minn ħajtu bħala kappillan, kitbet din it-talba tant sabiħa bħala tħejjija għall-beatifikazzjoni tiegħu.

O Alla, Missierna, prottetur ta’ dawk li huma fil-għawġ, int sejjaħt lill-qassis tiegħek, Father Thomas Byles, biex jagħti d-dgħajjes tas-salvataġġ spiritwali għall-erwieħ fil-bżonn tal-kura pastorali tiegħu. Permezz tal-eżempju ta’ ħajtu u l-virtujiet tiegħu, għinna nimxu wara Ibnek, Ġesù Kristu, aktar mill-qrib, billi nwettqu l-kmandament tiegħu tas-sagrifiċċju tagħna nfusna, tal-karità u tal-bini tal-ġisem tiegħu li hi l-Knisja. Ħalli t-tnebbieħa tal-qaddej tiegħek tħeġġiġna għal aktar fiduċja fil-ħniena u l-imħabba tiegħek għalina. Aħna umilment nitolbu li Int tigglorifika lill-qaddej tiegħek Father Thomas Byles fuq l-art skont il-pjan tar-rieda qaddisa tiegħek. Permezz tal-interċessjoni tiegħu, agħtini l-grazzja li qed nippreżenta quddiemek (hawnhekk semmi l-grazzja). Dan nitlobhulek permezz ta’ Kristu, il-Mulej tagħna. Amen. Missierna, Sliema u Glorja.

Kienet din it-talba tassew ħelwa u li tmiss il-qalb li tant farġittna bejn il-Ħamis 15 t’April sal-Ħadd 18 t’April 2021 fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Bit-trolley mgħotti b’liżar abjad, bir-ritratt ta’ Father Thomas Byles fuqu, u bix-xema ħelwa tixgħel quddiemu, il-Mulej tani l-grazzja li ndur kull rokna tal-isptar nitlob mal-pazjenti, il-familjari u l-istaff bl-interċessjoni ta’ Father Thomas Byles.

F’dawn il-laqgħat ta’ talb qosra u mxerrda ma’ kull direzzjoni taċ-Ċentru tal-Onkoloġija l-Mulej imliena bl-imħabba, bil-ferħ, bil-ġenerożità u bl-entużjażmu, li kienu l-fulkru tal-ħajja ta’ dan il-qassis qaddis Ingliż. Il-format tal-laqgħat tat-talb kien wieħed sempliċi ħafna. Hekk kif wasal it-trolley jew l-altar on wheels, inkella ċ-Church on wheels, ingħatat merħba lil kulħadd. Saret introduzzjoni ħafifa fuq min kien Father Thomas Byles. Intradd is-Salib, tlabna flimkien it-talba lill-Mulej bit-talb ta’ Father Thomas Byles u ngħatat il-barka fl-aħħar. Kien sewwa u xieraq li nagħlqu l-laqgħa tat-talb billi nkantaw dik il-famuża għanja li, skont il-film ta’ James Cameron, l-orkestra daqqet hekk kif it-Titanic niżel fl-Atlantiku: Nearer My God, to Thee. Bl-ilsien Malti Ġbartna flimkien Mulej.

Kemm rajt għajnejn jixgħelu u jdemmgħu meta kantajna dan l-innu sabiħ! Il-melodija tiegħu tidħollok fil-mudullun! Aħseb u ara mela meta dik il-melodija tas-sema tiżżewwaq minn kliem li jnaqqaxlek qalbek! X’qawwa fiha l-mużika u l-lirika ħbieb! Kemm jużahom tabilħaqq l-Ispirtu s-Santu!

Din l-esperjenza għallmittni ħaġa mportanti ħafna: kemm isir ġid meta nħallu lill-Ispirtu s-Santu jieħu kontroll hu tal-ħidma pastorali tagħna! Kemm hu veru li meta l-Kappillan jintelaq għat-treġija sorprendenti tal-Ispirtu s-Santu, il-ġid isir bil-gzuz! Ma ninsewx li Hu l-aqwa kaptan tat-Titanic, li hi l-ħidma pastorali! Għax l-Ispirtu s-Santu jaf jevita s-silġa, l-iceberg tal-biża mit-tibdil, u jieħu l-vapur lejn ibħra li qatt ma kien xammhom qabel! Kos hux kemm b’affarijiet żgħar u ħelwin, li ġejjin direttament mill-Ispirtu tal-ħlewwa tal-ħlewwiet, il-Mulej kapaċi jikkomponi l-isbaħ biċċa sinfonija ta’ faraġ u fejqan spiritwali u psikoloġiku!

Kull grazzja maqlugħa bl-interċessjoni ta’ dan il-qassis qalbieni li kien abbord l-RMS Titanic tista’ tintbagħat lil  Father Graham Smith fl-indirizz, 87 High St., Ongar, Essex, CM5 9 DX England. Inkella fuq l-indirizz elettroniku: fr.gjdsmith@gmail.com

San Thomas Byles itlob għalina!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: