Ktieb li jirrikonoxxi ħidmet Patri Turu Vella

Print Friendly, PDF & Email

Klabb Kotba Maltin għadha kif ippubblikat il-ktieb Arthur G. Vella – F’kollox inħobb u naqdi dwar il-Ġiżwita Arthur Vella S.J. (1930-2018), magħruf ma’ ħafna bħala ‘Turu’. Il-ktieb jiġbor 30 testimonjanza ta’ persuni li kienu jafuh mill-qrib u li Turu għamel differenza f’ħajjithom.  

Iżda l-għadd ta’ persuni li Turu għamel differenza f’ħajjithom hu ħafna akbar minn hekk. Matul ħajtu akkumpanja numru kbir ħafna ta’ saċerdoti, reliġjużi, koppji u lajċi, u għenhom f’deċiżjonijiet importanti u fil-mixjiet spiritwali tagħhom. Xhieda ta’ dan kien in-numru kbir ta’ nies li mlew il-Bażilika tal-Mosta għall-funeral tiegħu.

Madankollu, kif hemm fin-nota fil-bidu tal-ktieb, dan il-ktieb mhux tifkira ta’ mewtu imma ċelebrazzjoni ta’ ħajtu. Fil-fatt ta kontribut kbir lill-Kumpanija ta’ Ġesù u lill-Knisja f’Malta fid-diversi karigi li okkupa, speċjalment il-kontribut tiegħu favur il-ġustizzja soċjali. Kien ukoll strumentali fir-riforma amministrattiva tal-proprjetà tal-Knisja f’Malta.

Arthur G. Vella – F’kollox inħobb u naqdi jiġbor fih il-kariżma, mhux biss tal-ispiritwalità Injazjana, iżda wkoll l-ispiritwalità ta’ Turu. Ħjiel ta’ dan insibuh fir-riflessjoni meditattiva tiegħu dwar l-Anima Christi, waħda minn tliet kitbiet ta’ Fr Vella li hemm f’dan il-ktieb.

Dan il-ktieb għandu jinkiseb u jinqara minn kull min kien parti minn dik il-folla kbira li l-Mulej ħalla fihom l-impatt tiegħu permezz ta’ Turu.

Il-ktieb ġie editjat minn Fr Joe Borg, Leonard Callus, Carmel Conti, Anna Vella u Antoine Vella. Hu ppubblikat minn Klabb Kotba Maltin u jista’ jinkiseb direttament minn Klabb Kotba Maltin f’Santa Venera, minn ħwienet tal-kotba ewlenin jew online.

Il-ktieb jinxtara €25 (qoxra ratba) jew €35 (qoxra iebsa). Id-dħul kollu mill-bejgħ se jmur għall-Fondazzjoni Dar Hosea, li hi dar għal nisa maqbuda fil-prostituzzjoni, u li Turu kien kofundatur u direttur spiritwali tagħha. Fl-aħħar paġna tal-ktieb jidhru d-dettalji ta’ kif wieħed jista’ jagħmel donazzjoni b’risq din id-dar.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: