Nawguralkom qalb għarfa li tagħraf il-bżonn uman

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 25 ta’ Novembru 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-Quddiesa għall-gradwati l-ġodda tal-MCAST. Konkatidral ta’ San Ġwann, Valletta.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Xtaqt l-ewwel nett nifirħilkom li wasaltu għal dan il-jum li fih mhux biss ittemmu l-istudju tagħkom imma tirċievu wkoll rikonoxximent mistħoqq tax-xogħol kollu li għamiltu f’sitwazzjoni li nistgħu ngħidulha mhux faċli, is-sitwazzjoni tal-pandemja li kienet teħtieġ ukoll ħafna tagħlim bid-distanza, b’mod virtwali u sforz mhux żgħir minn kull wieħed u waħda minnkom u mhux l-inqas mill-istaff, mill-professuri u mill-għalliema tagħkom.

Il-Kelma ta’ Alla llum titkellem dwar il-ferħ. Hu tajjeb li titkellem fuq il-ferħ għax illum, wara tant sforzi, wara tant tbatija, għandkom biex u għaliex tifirħu. U magħkom jifirħu l-ġenituri, il-qraba u l-ħbieb. Nifirħu aħna wkoll. Imma l-ferħ, kif jgħid Ġesù stess, jew ikun ta’ vera jew jekk ikun falz iħallina fejn konna.

Il-ferħ ta’ vera jiġi mill-imħabba. Ġesù, meta jitkellem fuq il-ferħ qed jitkellem ftit sigħat qabel jiġi arrestat, umiljat, akkużat, ikkundannat u maqtul. U jitkellem fuq il-ferħ, xi ħaġa paradossali, xi ħaġa misterjuża għalina. Imma rridu nifhmu li kemm-il darba jsemmi wkoll l-imħabba. Ħin minnhom fl-istess Evanġelju ta’ San Ġwann, li minnu smajna l-qari llum, jgħid: “M’hemmx imħabba ikbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għall-ħbiebu” (Ġw 15:13). U ħin minnhom ukoll jgħidilna: “Ma nsejħilkomx qaddejja, insejħilkom ħbieb” (Ġw 15:15).

Intom ilkoll se tkomplu l-istudji tagħkom jew tibdew karriera ta’ xogħol fis-soċjetà, is-suġġeriment tiegħi hu li dejjem ikollkom fil-ħajja u fil-qalb tagħkom doża qawwija ta’ mħabba għalikom infuskom, għall-proxxmu u għall-pajjiż.

Tinsewx tiżvilupppaw fil-qalb tagħkom dik l-intelliġenza emottiva, li permezz tagħha bniedem, meta jiltaqa’ ma’ persuna oħra, jagħraf il-bżonnijiet, jagħraf ikun qrib, juża għożża, imħabba u mogħdrija

Nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom hawnhekk. Nifhem li hi għażla libera tagħkom li waqt li tifirħu, taħsbu wkoll fil-Mulej, is-sid tal-ħajja li qed isejħilkom u jagħtikom l-għajnuna kollha biex ħajjitkom issib il-milja tagħha fil-qadi tal-proxxmu u fis-servizz fl-imħabba. Inħajjarkom tkomplu tapprofondixxu dak kollu li akkwistajtu: tagħlim, esperjenza, ħiliet, ħbiberiji, kuntatti għax dan kollu jagħmel il-ħajja verament ħajja għanja.

U intom li mhux biss tħaddmu x-xjenza imma tħaddmu wkoll tant ħiliet oħra, tinsewx tiżvilupppaw fil-qalb tagħkom dik l-intelliġenza emottiva (emotional intelligence), li permezz tagħha bniedem, meta jiltaqa’ ma’ persuna oħra, jagħraf il-bżonnijiet, jagħraf ikun qrib, juża għożża, imħabba u mogħdrija. Intom fil-ħajja professjonali li se taqbdu ’l quddiem, se tkunu għas-servizz ta’ diversi nies li ġejjin minn sfondi differenti, b’ħiliet differenti, kulħadd bl-istorja tiegħu, kif ngħidu kulħadd bil-bagalja tiegħu (baggage). U għandkom bżonn ikollkom dik il-qalb għarfa li tagħraf il-bżonn uman, mhux biss professjonali, li intom tistgħu tirrispondu għalih b’sens kbir ta’ għotja.

Tgħidli: ‘ma niddejjaqx ikolli wkoll il-flus fil-ħajja’. Nawguralek jien, għax ‘bla flus la tgħannaq u lanqas tbus’. Imma l-flus mhux kollox, din tafuha wkoll intom. Veru ‘bil-flus tagħmel triq fil-baħar’ imma biex tasal għall-qalb tal-bniedem mhux dak il-lingwaġġ li jirnexxi. Imma hi l-ħarsa ta’ mogħdrija, il-ħarsa intelliġenti ta’ min jifhem, jagħder, u fuq kollox iħobb.

Dan nawguralkom biex is-sodisfazzjon li qed tħossu llum intom u l-qraba tagħkom, jinbidel matul ħajjitkom kollha fis-sodisfazzjon tal-ferħ li għamiltu d-dmir tagħkom b’mod professjonali u li d-dinja ħallejtuha aħjar milli sibnieha.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa
Qari I: Filippini 4:4-9
Salm: 23
Evanġelju: Ġw 15:9-17

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: