Iridna nistennewh b’għajnejna miftuħa

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 28 ta’ Novembru 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-1 Ħadd tal-Avvent (Sena Ċ). Kappella ta’ Marija Addolorata fiċ-Ċimiterju ta’ Ħad-Dingli.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din is-sena ħafna mill-Ħdud, nhar ta’ Ħadd se naqraw mill-Evanġelju ta’ San Luqa. Għandna tliet snin li fihom il-Knisja taqralna siltiet mill-Evanġelju ta’ San Mattew, imbagħad l-Evanġelju ta’ San Mark, li għamilna s-sena li għaddiet, u dis-sena bdejna s-sena ddedikata lil San Luqa.

Din is-silta li għadu kif qara l-arċipriet, hi meħuda mill-kapitlu 21 ta’ Luqa, qegħdin lejn l-aħħar tal-Evanġelju. Għaliex? Għax fl-ewwel parti tal-Avvent aħna nfakkru l-miġja ta’ Ġesù li qegħdin nistennew, mhux infakkru dak li ġara, dak nagħmluh fil-Milied. L-ewwel biċċa tal-Avvent hi l-istennija tagħna għall-miġja fl-aħħar taż-żminijiet u l-Evanġelju jitkellem dwar it-tmiem ta’ din id-dinja.

Issa kull tmiem hu mument ta’ tbatija. Hawnhekk qegħdin fil-kappella taċ-ċimiterju għażiż tal-parroċċa ta’ Ħad-Dingli ddedikat lil Marija Addolorata. Jekk tinnutaw il-kwadru li hemm titular ta’ din il-kappella, hemm Sidtna Marija Addolorata quddiem il-ġisem mejjet ta’ Binha Ġesù. Għaliex il-mewt, it-tmiem ta’ kull ħaġa, hi trawma; hu mument ta’ tbatija mhux biss għall-individwu, għall-maħbubin tiegħu jew tagħha, imma anke għall-umanità meta jasal it-tmiem ta’ kollox.

Ġesù jispjega dan il-mument diffiċli ta’ trawma: “b’sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus qalbhom ittaqtaq ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ” (Lq 21:25). Aħna fil-Mediterran nafu xi ftit xi jfisser il-mewġ qalil u ‘l-baħar meta żaqqu ratba imma rasu iebsa’ u jkiddek. “In-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru xi jkun ġej fuq id-dinja għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu” (Lq 21:26). Hi xena ta’ tbatija, ta’ trawma. Qisu wġigħ tal-ħlas tad-dinja li qed tintemm biex titwieled dinja ġdida. U dil-ħaġa nagħmlu l-esperjenza tagħha fil-proċess tal-mewt, anke fl-esperjenza tal-mewt tal-għeżież tagħna.

X’inhu l-messaġġ ta’ Ġesù f’dawn iċ-ċirkustanzi ta’ tbatija? “Meta jibda jseħħ dan kollu” jgħidilna, “qawwu qalbkom u erfgħu raskom għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib” (Lq 21:28). Mela n-Nisrani li jgħix bil-fidi f’Ġesù ma jistax jaħrab mit-tbatija u l-biża’, mis-sofferenza u l-uġigħ. Imma l-istedina ta’ Ġesù hi biex inqawwu qalbna. Li terfa’ rasek tfisser li b’sens ta’ stennija, ta’ tama għax ġej xi ħadd li jħobbok, li jgħannqek miegħu. Inti tistenna u allura jkollok dil-persważjoni fik li l-fidwa tiegħek, tagħna, hi fil-qrib.

Il-mewt, it-tmiem ta’ kull ħaġa, hi trawma; hu mument ta’ tbatija mhux biss għall-individwu, għall-maħbubin tiegħu jew tagħha, imma anke għall-umanità meta jasal it-tmiem ta’ kollox

Ġesù imma wkoll jikkonkludi l-Evanġelju li smajna llum billi jagħtina ftit ħjiel dwar kif għandna ngħixu din l-istennija. Hu ma jagħtix ħafna dettalji imma ħin minnhom jgħidilna: “Isma’, r-realtà taħarbux minnha, affrontawha”, jiġifieri anke jekk trid xi ħaġa li tgħollik fil-ħajja, sib xi ħaġa li tgħollik permezz tal-affarijiet sbieħ fil-ħajja billi tgawdiha fis-sbuħija tagħha.

Allura jgħidilna: “Oqogħdu attenti mill-ikel u xorb żejjed” imma jgħid ukoll “is-sokor l-esaġerazzjoni f’kull ħaġa” (ara Lq 21:34) mhux biss fl-alkoħol imma jista’ jkun anke fid-droga, l-użu ħażin tas-sustanzi li nistgħu nsibuhom fin-natura, imma jekk ma nagħrfux nagħżlu minnhom, jeqirduna. Ġesù qed jgħidilna li inti dawn l-affarijiet, li fil-ħajja tużahom biex taħrab mir-realtà, ma jgħoddux għalik inti u tistenna l-miġja tiegħi. Imma inti trid tagħmel il-kuraġġ l-ewwel nett għax ma tafx il-jum u s-siegħa. Imma jgħidilna wkoll “Ishru u itolbu biex tifilħu tieqfu quddiem Bin il-bniedem” (Lq 21:36). Is-sahra, il-viġilanza hi possibbli jekk m’iniex devjat f’affarijiet li nużahom biex naħrab mir-realtà. Ġesù jagħmlilna dak li bl-Ingliż jgħidulu ‘reality check’. U hekk iridna: kapaċi li nistennewh b’għajnejna miftuħa.

Kemm hu sabiħ is-Salm Responsorjali li qrajna u tlabna llum, dak ir-responsorju, is-Salm 24: “Lejk jien nerfa’ ruħi, Mulej” (S 24:1). Din hi l-istedina li jagħmlilna s-saċerdot qabel nibdew l-Ewkaristija: Nerfgħu qlubna ’l fuq. U dan hu l-atteġġjament ta’ min qed jistenna ’l Ġesù mhux bħala tirann jew bħala xi ħadd kattiv li se jfittex x-xagħra fl-għaġina, imma fil-ġustizzja u l-verità tiegħu jafek, jagħdrek, iħobbok u jħenn għalik.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa
Qari I: Ġer 33:14-16
Salm: 24(25):4bċ-5ab,8-9,10,14
Qari II: 1 Tess 3:12–4:2
Evanġelju: Lq 21:25-28,34-36

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: