X’għandna nagħmlu?

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 11 ta’ Diċembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Quddiesa tal-Gruppi Familji Nsara fit-3 Ħadd tal-Avvent. Konkatidral ta’ San Ġwann.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“X’għandna nagħmlu?” Din hi l-mistoqsija li n-nies staqsew lil Ġwanni l-Battista meta hu kien qed iħeġġiġhom biex iħejju t-triq għall-Mulej. Hi mistoqsija li llum nisimgħu fl-Evanġelju għal tliet darbiet minn nies differenti.

Din hi mistoqsija fundamentali. Tfisser li n-nies li kienu semgħu lil Ġwanni għarfu li l-messaġġ tiegħu ma kienx biss kliem li jmiss il-moħħ, u jħallik taħseb, u li jmiss il-qalb u jġiegħlek tħoss, imma li jħeġġeġ għall-azzjoni. Hekk hi dejjem l-Aħbar it-Tajba. Din il-mistoqsija hi l-istess waħda li nsibu fl-Atti tal-Appostli nhar Għid il-Ħamsin, meta Pietru joħroġ iħabbar li Kristu hu ħaj u n-nies li jisimgħuh jistaqsu lilu u lill-appostli: “X’għandna nagħmlu?” (Atti 2:37)

Imħabba u solidarjetà

X’kienet it-tweġiba ta’ Ġwanni l-Battista? L-ewwel iħeġġeġ lin-nies għal imħabba u solidarjetà vera: “min għandu żewġ ilbiesi jaqsam ma’ min ma għandu xejn, min għandu x’jiekol jagħmel l-istess”. Qed jgħid li jekk aħna nimxu kif jurina l-Mulej, irridu ngħixu din l-għażla billi naqsmu dak li għandna ma’ min ma għandux. Hu l-kliem li aktar tard kellhom jisimgħuh direttament minn Ġesù, u li jfakkarna li hemm hi l-ikbar espressjoni tal-ħajja Nisranija: fl-imħabba lejn l-oħrajn li turi ruħha b’mod konkret “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni…”

Nixtieqkom tinnutaw kemm din hi differenti mill-mentalità komuni fis-soċjetà li tgħidilna: kuntent int, kuntent kulħadd; jekk għandek żewġ ilbiesi, fittex li jkollok erbgħa; jekk għandek x’tiekol, fittex li jkollok aktar. Il-Mulej iridna noħorġu mill-egoiżmu tagħna u naħsbu fl-oħrajn, u hu proprju fi ħdan il-familja li nistgħu nikbru b’dawn il-valuri.

Ġustizzja u onestà

X’iwieġeb aktar Ġwanni l-Battista? Għall-mistoqsija tal-pubblikani, iweġibhom: “Tissikkaw lil ħadd biex tieħdu taxxi aktar milli jmisskom tieħdu”. Qed jgħid: imxu b’ġustizzja ma’ kulħadd. Tgħakksux lin-nies, imma imxu b’mod ġust. U din ikompli jenfasizzaha aktar meta s-suldati jistaqsuh din id-domanda, u hu jweġibhom: “Tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bil-qerq tagħkom…” Ġwanni l-Battista qed ifakkar lil dawn in-nies li għandhom ikunu onesti u retti u ma jeħdux dak li mhux tagħhom. Kif nafu, is-serq jista’ jsir bil-miftuħ, bit-theddid, imma jista’ jsir bil-magħluq, bil-qerq.  

Il-valuri titgħallimhom l-ewwel fil-familja. Huwa hemm li tifforma ruħek f’li timxi b’ġustizzja u b’onestà, u ma tiħux dak li hu tiegħek, ma tqarraqx.

Valuri attwali

Aħna wkoll, quddiem il-kelma ta’ Alla, għandna nagħmlu dejjem din il-mistoqsija: “X’għandna nagħmlu?” Nagħmluha speċjalment f’dan iż-żmien tal-Avvent, li jfakkarna f’dak li hu importanti tul il-ħajja kollha tagħna. Dan li jsemmi Ġwanni l-Battista –  il-valuri tal-imħabba, tas-solidarjetà, tal-ġustizzja, tal-onestà – huma attwali. Aħna ngħixu tassew dak li nemmnu meta ngħixu dawn il-valuri. Ngħixuhom l-ewwel fi ħdan il-familja, għax hi l-familja li trid tgħinna sa minn età żgħira biex inħaddnu l-valuri li jibnu tassew lil ħajjitna.

X’għandna nagħmlu? Hi l-mistoqsija li spiss għandna nagħmlu f’ħajjitna. X’għandna nagħmlu biex insaħħu l-valuri li jibnu l-familja, u jħarsu l-ħajja u s-saħħa fi ħdan il-familja? Żgur li għandna naħdmu bis-serjetà biex il-protezzjoni tal-ħajja tkun dejjem għal qalbna, u ngħinu lill-ulied jikbru jħobbu l-ħajja. F’soċjetà li kultant tmexxi ’l quddiem il-kultura tal-iskart, fejn ikun skartat min hu dgħajjef u vulnerabbli, aħna għandna nfittxu li nħarsu u ngħożżu l-ħajja tagħhom. Is-saħħa tas-soċjetà titkejjel mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa.

Deċiżjonijiet responsabbli

X’għandna nagħmlu? Għandna naħdmu bis-sħiħ biex id-deċiżjonijiet li nieħdu bħala soċjetà jkunu għall-ġid tat-tfal, tal-adolexxenti, taż-żgħażagħ. Ikun verament preokkupanti jekk fid-diskussjoni preżenti dwar il-leġislazzjoni tal-cannabis, ikollok l-esperti li jaħdmu fil-qalba tal-komunità li jgħidulek “attent, ara sew il-konsegwenzi ta’ dak li se tagħmel” u int ma tagħtix każ. Qed insemmi, fost l-oħrajn, mhux biss tant għaqdiet tal-Knisja li kontinwament jaħdmu qalb in-nies u li huma qrib in-nies, imma wkoll lil dawk li jirrappreżentaw lit-tobba, in-nurses, l-ispiżjara, il-psikjatri, is-social workers, edukaturi f’oqsma differenti fis-soċjetà, dawk li jħaddmu lin-nies, dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali, ġenituri, u tant nies oħra li qed jiġbdu l-attenzjoni għall-ħsara li tista’ ssir lit-tfal u lis-soċjetà tagħna, u lill-ġenerazzjonijiet futuri. Ma għandniex inwebbsu rasna u nitfgħu taħt it-tapit il-preokkupazzjonijiet ġusti ta’ tant nies.

Min għandu r-responsabbiltà – u hi responsabbiltà kbira – issa hu l-mument li jerfagħha. Nappella biex nagħrfu tassew il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħna. Niftakru li min jiżra’ r-riħ, jaħsad ir-riefnu.  Jekk min għandu responsabbiltà ma jagħtix każ il-preokkupazzjonijiet ta’ tant nies, meta jgħaddu s-snin, ħadd ma jkun jista’ jgħid li “aħna lkoll responsabbli” għall-ħsara li tkun saret. Le, m’aħniex se nkunu aħna responsabbli ta’ dan.

Niżirgħu x-xtieli

X’għandna nagħmlu? Għandna nkomplu naħdmu biex niżirgħu fil-familja x-xtieli tal-imħabba, tas-solidarjetà, tal-ġustizzja, tal-onestà. Dawn huma x-xtieli li għandna niżirgħu d-dar, u ċertament ma jkollniex għalfejn naħbuhom mit-tfal, anzi nistgħu nistiednu lit-tfal anke żgħar biex jgħożżuhom, jindukrawhom, jarawhom jikbru u jgawduhom. Iġibu biss ġid u ferħ fil-familji tagħna.

Nitolbu lill-Mulej jagħtina l-għajnuna li għandna bżonn fil-familji tagħna, kif iħeġġiġna llum San Pawl fl-Ittra lill-Filippin, meta jgħidilna: “Fit-talb kollu tagħkom, itolbu u uru lil Alla x’għandkom bżonn”.  Hu jħeġġiġna wkoll biex nirringrazzjawh, bħalma jgħid ukoll is-Salm, għax il-Mulej hu dejjem magħna u hu s-salvazzjoni tagħna. Nitolbuh biex inkomplu naħdmu bla heda għal dak li hu xieraq, dak li hu veru, dak li hu sabiħ u dak li tassew jista’ jnissel il-ferħ fil-qalb.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: