Il-kelma bla għemil tkun vojta

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 4 ta’ Jannar 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tat-Tlieta ta’ wara l-Epifanija. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

F’dan l-Evanġelju, fis-silta mill-kapitlu 6 ta’ San Mark, turina ftit, qisha x-ray tal-qalb ta’ Ġesù. Jitħassar il-folla li jara quddiemu, din il-kotra, “għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj” (Mk 6:34). Hu jagħti ħajtu, il-ħin tiegħu u l-imħabba tiegħu billi jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.

L-ewwel risposta ta’ Ġesù hu t-tagħlim. Aħna għandna dover qawwi li nwasslu t-tagħlim ta’ Ġesù lil kull min lest li jisimgħu. Il-Mulej jirgħa l-poplu tiegħu l-ewwel nett bit-tagħlim. It-tagħlim li jgħin il-libertà tagħna tagħżel it-tajjeb, jorjenta, iwassal, jiggwida l-libertà ta’ kull wieħed u waħda minna biex nagħżlu t-tajjeb. Mhux tagħlim li jġagħlek tagħmel xi ħaġa bilfors; imma tagħlim li jdawwal il-qalb u l-moħħ, biex inti tagħmel għażliet tajba.

Imma din is-silta tal-Evanġelju turina wkoll li Ġesù jieħu ħsieb anke tal-aspett materjali, ta’ min lest li jisimgħu. Il-Mulej jipprovdi dejjem, imma lilna l-Insara, il-familja tiegħu, tana kmand: “Agħtuhom intom x’jieklu?” (Mk 6:37) Hu lest ikattar, billi jmiss il-qalb ta’ tant nies ġenerużi; imma aħna rridu nifhmu u nilqgħu dan il-kmand li jagħtina. Meta ngħidulu: “Ibgħathom, ħa jmorru fl-irziezet u fl-irħula tal-qrib jixtru xi ħaġa x’jieklu” (Mk 6:36). U jgħidilna: “Agħtuhom intom x’jieklu” (Mk 6:37). Mhux biżżejjed għalina li ngħidu lil xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna: ‘Nitlob għalik, toqgħodx tinkwieta’; imma aħna x’qegħdin nagħmlu konkretament?

Meta l-Papa Franġisku talabni nkun isqof ta’ din id-djoċesi għażiża, fit-talb bdew jiġuni dawn iż-żewġ kelmiet: il-Kelma u l-Qadi. L-Aħbar it-Tajba, l-Evanġelju u d-Djakonija, il-qadi. Għax inti tista’ taqdi, imma tgħid: ‘Jiena biex iċapċpuli ħa nagħmel il-karità’. Din xi ħaġa vojta, għall-frugħa, tiġi u tgħaddi. Il-kelma mingħajr għemil tkun vojta wkoll.

Mhux biżżejjed għalina li ngħidu lil xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna: ‘Nitlob għalik, toqgħodx tinkwieta’; imma aħna x’qegħdin nagħmlu konkretament?

F’dik il-kelma “Agħtuhom intom x’jieklu” (Mk 6:37) hemm wisq x’tixtarr. Anke għax l-ikel mhux hu biss, irid ikun konkret. Kemm ħadt pjaċir ninnota li Caritas Malta fil-Milied qassmet madwar 800 ikla lil min kien waħdu, lil min talab l-għajnuna. Ma stajniex nagħmluha hawnhekk il-Kurja, l-Ikla tal-Milied, u tqassam dan l-ikel; biex ikun anke ġest ta’ solidarjetà konkreta. Bħalma jsir kuljum. Kuljum jitqassmu madwar 120 ikla matul is-sena. Imma fl-okkażjoni speċjali, in-numru jikber; u tant servizzi oħra, li tagħti l-Knisja f’Malta biex tobdi din il-kelma ta’ Ġesù. Imma mingħajr it-tagħlim, ma nkunux qed nobdu l-kelma ta’ Ġesù, għax hu meta ra n-nies, li “qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj” (Mk 6:34), x’għamel? Għallem.

Għalhekk nitolbu li aħna bħala knisja f’din il-mixja sinodali, li jixtieq il-Papa, nerġgħu niskopru dawn iż-żewġ kelmiet li niftakar li kienu jidwu fil-qalb kontinwament: il-Kelma u l-Qadi; l-Evanġelizzazjoni u d-Djakonija.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Ġw 4:7-10
Salm: 71 (72):2.3-4ab.7-8
L-Evanġelju: Mk 6:34-44

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: