Il-Mulej jinsisti li d-dawl li jpoġġi fil-Knisja ma jinħebiex

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 27 ta’ Jannar 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-Ħamis tat-tielet ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Meta nkunu ttentati nagħmlu xi ħaġa fis-sigriet tajjeb naħsbu f’dal-kliem ta’ Ġesù: “M’hemm xejn moħbi jekk mhux biex jingħaraf, m’hemm xejn mistur jekk mhux biex jinġieb għad-dawl (Mk 4:22). Imma Ġesù ovvjament mhux qed jitkellem fuq il-fenomenu, illum ħafna iżjed komuni ta’ xi ħaġa li mingħalik qed tgħidha bejn tnejn u inti tkun imxandra madwar id-dinja, fid-dinja tas-social media, imma qed jitkellem ukoll fuq id-dawl li jagħti lil kull min jaċċettah bħala s-sid u l-gwida ta’ qalbu.

Dan hu dawl li ma jistax jinħeba, jgħid Ġesù, u aħna nindunaw anke bil-ħarsa tal-għajnejn, il-mod kif inkellmu ’l xulxin. Meta aħna nkunu ltqajna ma’ Ġesù u mal-ħniena tiegħu, id-dawl li jpoġġi fil-qalb tagħna ma jinħebiex. Jiġu mumenti ta’ dlam, tiġi xi kultant xi sħaba griża ċomb li donnu tostor id-dawl anke minn għajnejna imma l-Mulej qed jinsisti li d-dawl li jpoġġi fil-Knisja ma jinħebiex. Ħafna drabi d-dnubiet tagħna, il-mod kif inġibu ruħna jdallam id-dawl ta’ Ġesù għax hu qalilna: “Jiena hu d-dawl tad-dinja” (Ġw 8:12). Qalilhom intom ukoll id-dawl tad-dinja. “M’hemm xejn mistur jekk mhux biex jinġieb għad-dawl”. Id-dawl li hu dan il-musbieħ li jixgħel u jagħti tama lill-umanità.

L-għerf vera hu l-għerf li jiġi mill-umiltà, li naqsmu l-esperjenza tal-ħajja, id-don tal-Kelma t’Alla b’umiltà kbira. Allura min għandu dan it-tip ta’ għerf jingħatalu imma min jaħseb li hu xi ħaġa u li jifhem, jitteħidlu saħansitra dak li għandu

Imbagħad Ġesù jitkellem mhux biss fuq id-dawl li għandu x’jaqsam mad-don tal-għajnejn – li tara, imma anke s-smigħ. Innutaw Ġesù kemm jirreferi għas-sensi tagħna: il-ħars, id-dawl. Imma issa jitkellem ukoll fuq is-smigħ. L-ewwel nett jgħid: “Min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’” (Mk 4:23). Aħna bil-Malti noqorbu ħafna lejn il-mentalità li biha kien jitkellem Ġesù, l-Aramajk, għax aħna anke li tisma’ minn xi ħadd tfisser li tobdih. Min jaf kemm ommijietna qalulna: ‘isma’ minni’. Mhix kwistjoni li tismagħni, imma li tobdini. U allura min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’. Għal Ġesù mhix biss kwistjoni li tisma’ prietka, imma li tagħmel li qed jgħid.

Imbagħad jagħtina kriterju li tajjeb niftakruh meta nittrattaw lil xulxin. Inti kif tittratta lil ħaddieħor, se jittrattaw lilek. Il-kejl li se tuża se tirċevih lura. U allura: “Oqogħodu attenti,” jgħid, “x’tisimgħu! Bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom, u jingħatalkom iżjed ukoll” (Mk 4:24). Kultant id-doża tkun iżjed qawwija.

Imbagħad jgħid xi ħaġa li mhux faċli nifhmuha. Xi tfisser din? “Min għandu, jingħatalu; min  m’għandux jitteħidlu saħansitra dak li għandu” (Mk 4:25). Hawn min jgħid li hi stedina ħelwa lil min qed jisimgħu, li mingħalih għandu l-għerf kollu, li għandu allura mhux biss id-dritt li jisma’, imma li jsemma’ leħnu. Mentri l-għerf vera hu l-għerf li jiġi mill-umiltà, li naqsmu l-esperjenza tal-ħajja, id-don tal-Kelma t’Alla b’umiltà kbira. Allura min għandu dan it-tip ta’ għerf jingħatalu imma min jaħseb li hu xi ħaġa u li jifhem, jitteħidlu saħansitra dak li għandu.

Ta’ min nifhmu l-Mulej x’qed jipprova jgħidilna. Iżjed ma nistrieħu b’umiltà fuq l-għerf tiegħu iżjed ikollna għerf, imma jekk naħsbu li għandna u mingħalina sirna l-aqwa professuri tad-dinja u m’għandniex bżonnu, anke l-ftit li jkollna jgħib. Bil-Malti ngħidu: isir kollu suf.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 2 Sam 7:18-19,24-29
Salm: 131 (132):1-2,3-5,11,12,13-14
L-Evanġelju: Mark 4:21-25

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: