L-inkwiet u t-tama tal-ġenituri għal uliedhom

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 1 ta’ Frar 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tat-Tlieta tar-raba’ ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan ir-rakkont mill-Evanġelju ta’ San Mark m’għandux bżonn ħafna kummenti. Naraw ’l Ġesù li għat-talba ħerqana ta’ missier, jitlaq kollox u jmur ma’ Ġajru biex ifejjaqlu lit-tifla li sadattant tmut. U Ġesù jagħmel l-ewwel miraklu li jqajjem lil xi ħadd mill-mewt. Waqt il-vjaġġ ikun hemm mara li kienet ilha tbati mit-tnixxija tad-demm għal 12-il sena u tfiq malli messet il-mantar ta’ Ġesù.

Xi ħaġa li nixtieq naqsam magħkom illum hi l-fatt li Ġesù qed jirrispondi għall-għajta ta’ missier li jgħidlu: “Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar. Ejja qiegħed idejk fuqha ħalli tfiq u tgħix binti” (Mk 5:23). Il-missier li jagħmel kollox għat-tifla tiegħu. Xi ħaġa li tolqotni hi li meta Ġesù jkellem lil mara li messitlu l-mantar u li fieqet mit-tnixxija tad-demm, jgħidilha wkoll ‘binti’ (Mk 5:34). Għal Ġesù dik il-mara hi bintu.

Il-qalb tiegħu hi l-qalb ukoll tħabbat bi mħabba għal kull wieħed u waħda minna. Biex nifhmu min hu Ġesù, għax il-Qalb ta’ Ġesù hi l-persuna ta’ Ġesù, nifhmu s-sentimenti ta’ Ġajru għat-tifla tiegħu u meta Ġesù jħares lejn dik il-mara tirtogħod għax min jaf x’se jgħidilha, jgħidilha ‘binti’.

Fl-ewwel qari llum insibu lil David, li jibki l-mewt ta’ ibnu, li għalkemm kien irvella kontra missieru u ried joqtlu, imma jibqa’ xorta ibnu. X’misteru kbir li l-missier meta jisma’ l-aħbar u jifhem li ibnu, veru li ried joqtlu lil missieru, imma miet ibnu, jibki, ma jrid jara ’l ħadd: “Absalom, ibni, ibni” (2 Sam 19:1).

Illum waqt li nirringrazzjaw lil Alla li għal kull wieħed u waħda minna għandu qalb ta’ missier li jħobb, li jagħder u li jifhem; nippruvaw anke għal xulxin ikollna din il-qalb mimlija mħabba u mogħdrija

Hekk illum il-Kelma t’Alla tlaqqagħna mal-ulied imma tlaqqagħna wkoll mal-qalb tal-missier, il-missier Ġajru ta’ dik it-tifla, Ġesù li lil mara jgħidilha ‘binti’, u l-qalb tal-missier għal kull wieħed u waħda minna, u David li jibki lil ibnu.

Illum nitolbu ħafna għall-ġenituri. Min jaf kemm jinkwetaw għal uliedhom, min jaf kemm ikollhom tamiet għal uliedhom. Aħna kultant ninkwetawhom lill-ġenituri tagħna, imma nitolbu ħafna għall-ġenituri. Hu privileġġ li ġġib fid-dinja kreatura imma, kif ngħidu, kulħadd isib kappell jiġih u ħafna drabi l-ġenituri meta jħarsu lejn uliedhom jgħidu mhux biss sibt kappell jiġini imma ħloqtu jien ma’ marti u bl-għajnuna tal-Mulej. Veru jkunu sabu kappell jiġihom. Ħafna drabi aħna nixbhu lill-ġenituri tagħna. ll-preġji tal-ġenituri jkunu fina u xi difett ukoll.

Allura llum waqt li nirringrazzjaw lil Alla li għal kull wieħed u waħda minna għandu qalb ta’ missier li jħobb, li jagħder u li jifhem; nippruvaw anke għal xulxin ikollna din il-qalb mimlija mħabba u mogħdrija.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa matul il-ġimgħaEdit

Qari tal-quddiesa
Qari I: 2 Sam 18:9-10,14b,21a,24-25a,30; 19: 3
Salm: 85 (86):1-2,3-4,5-6
L-Evanġelju: Mk 5:21-43

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: