Bilanċ bejn il-fiduċja f’Alla u li nagħmlu dak li hemm bżonn

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 15 ta’ Frar 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tat-Tlieta tas-sitt ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Min jaf x’jgħidilna Ġesù lilna meta nogħtru fil-fidi tagħna fih. Inkunu f’sitwazzjoni diffiċli u ngħidu: ‘Alla ttarax, ma jismax,’ jew naħsbu li se nsolvu kollox weħidna.

Id-dixxipli nsew il-ħobż bħalma jiġrilu kulħadd. Ma kellhomx x’jieklu u nsew li magħhom kien hemm il-Mulej li jieħu ħsieb hu. Imma l-Mulej mhux tal-maġija għax imbagħad kultant it-tentazzjoni l-oħra hi: u jagħmel il-Mulej. Marid? Itlob, m’hemmx għalfejn tmur għand it-tobba. Kultant ikun hemm xi erbat iħmir jgħidulna hekk u jkollna t-tentazzjoni nagħmlu pellegrinaġġ biex infiqu. Jekk il-Mulej tak it-tobba, ma tmurx għandhom? Allura ħafna drabi rridu nagħmlu bilanċ bejn il-fiduċja f’Alla imma wkoll li nagħmlu dak li hemm bżonn.

Il-ħmira tal-Fariżej qishom huma se jieħdu l-premju minn Alla għax bravi. Il-ħmira, li wara kollox m’għandekx bżonn lil Alla. Jekk inti bravu m’għandekx bżonn lil Alla jħenn għalik.

Ġesù jitkellem fuq xi ħaġa iżjed profonda. Jieħu dan l-ispunt li qed jinkwetaw għax m’għandhomx ħobż u jkellimhom fuq il-ħmira. Il-ħmira hi xi ħaġa żgħira. Ġesù stess jagħti t-tixbiha tas-saltna fuq il-ħmira (ara Mt 13:33), imma did-darba ma jitkellimx fuq ħmira tajba, jitkellem fuq ħmira negattiva u jsemmi l-ħmira tal-Fariżej u l-ħmira ta’ Erodi. Xi jfissru dawn?

Il-ħmira tal-Fariżej hi dik li inti tmur quddiem Alla tagħmel il-kontijiet. Ara kemm għamilt tajjeb! Ġesù jsemmiha din fil-parabbola tal-Fariżej u l-Pubblikan (Lq 18:9-14). Il-Fariżej imur quddiem u jibda jgħidlu: jiena nsum erba’ darbiet fil-ġimgħa, nagħti l-karità… Jagħmillu l-kontijiet lil Alla. Jgħidlu: issa allura jistħoqqli li fil-prize day nieħu l-ewwel. Il-ħmira tal-Fariżej qishom huma se jieħdu l-premju minn Alla għax bravi. Il-ħmira, li wara kollox m’għandekx bżonn lil Alla. Jekk inti bravu m’għandekx bżonn lil Alla jħenn għalik.

Il-ħmira ta’ Erodi hi dik li m’għandux bżonn lil Alla għax propju bil-poter li għandu, bl-arroganza li għandu, jgħaddi. Dawn huma ħmira perikoluża anke fostna. Li naħsbu li se mmorru l-ġenna bil-qawwa tagħna qisna m’għandniex bżonnha l-ħniena t’Alla jew li propju m’għandniex bżonn immorru l-ġenna. Ingawdi hawn, nagħmel li rrid, nittratta ’l kulħadd ta’ knis, x’jimpurtani? Il-ħmira ta’ Erodi li strieħ fuq il-poter u l-arroganza tiegħu.

Imma lil min irid ikun ma’ Ġesù bil-ħmira tajba li tkabbar l-għaġna tas-saltna, il-Mulej ifakkru li se jieħu ħsieb hu. Toqgħodx tinkwieta, jiena miegħek! Kemm hu ta’ faraġ dan il-kliem ta’ Ġesù u kemm għandna bżonnha dik il-mistoqsija li jagħmlilna: “U għadkom ma fhimtux?” (Mk 8:21).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Ġak 1:12-18
Salm: 93 (94):12-13a,14-15,18-19
L-Evanġelju: Mk 8:14-21

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: