Ħolqien ġdid fi Kristu

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 16 ta’ April 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Vġili tal-Għid. Knisja Parrokkjali Lunzjata, Balzan.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Bħal-lum 95 sena ilu twieled il-Papa Emeritu Benedittu XVI. Dak inhar kien ukoll Sibt il-Għid. Imwieled f’Sibt il-Għid, Papa Benedittu XVI huwa wieħed minn dawk li jfisser b’mod hekk sabiħ il-ġrajja tal-Qawmien ta’ Kristu, l-ikbar ġrajja għalina. Nixtieq li nieħu żewġ espressjonijiet li hu jgħid, li fihom tifsira kbira ħafna u li lilna jistgħu jkunu wkoll ta’ għajnuna għall-ħajja tagħna. Isejjaħ il-ġrajja tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu  “splużjoni ta’ dawl” u “splużjoni ta’ mħabba”.

L-ikbar ġrajja

Ħa naraw ftit għaliex, qabel xejn ,hija ġrajja daqshekk kbira, hija l-ikbar ġrajja tal-umanità. Meta lil Ġesù sallbuh u meta miet fuq is-salib, dawk li kienu madwaru hemmhekk, anke l-aktar nies qrib tiegħu taħt is-salib, kienu jħarsu lejh u jaraw kollox qed jispiċċa. Dawk li emmnu fih, għalihom kienet tama li ntfiet fix-xejn; u dawk li ħadmu ħafna biex jeqirduh kienet għalihom ir-rebħa kbira, li Ġesù spiċċa fix-xejn. Għalhekk, meta difnuh, għalihom kienu difnu kollox – dak kollu li għamel, dak kollu li għallem midfun miegħu.

Għalhekk, meta Ġesù Kristu qam mill-mewt, din kienet l-akbar rebħa, li qatt ma mmaġinaw dawk li kienu kontrieh, u qatt ma setgħu jifhmu dawk li kienu viċin tiegħu – kif Ġesù kellu jqum għal ħajja ġdida u jirbaħ il-mewt. Aħna nafu kemm dawk qrib tiegħu kienu nies li jibżgħu, u nafu għalhekk il-bidla li seħħet fihom permezz tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu u l-ispirtu li tahom, biex huma nbidlu minn lejl għal nhar u saru huma li jħabbru l-qawmien ta’ Kristu.

X’ifisser għalhekk il-qawmien? Ifisser li Kristu hu ħaj. Ifisser li dak kollu li qal fuqu nnifsu –  meta qal ħafna affarijiet fuqu nnifsu – huma veri, mhuwiex stħajjil ta’ xi ħadd li qed jimmaġina li hu xi ħaġa kbira. Ifisser li dak kollu li għallem huwa veru. Ifisser għalhekk ir-rebħa ta’ dak li Ġesù hu għalina lkoll u għall-umanità.

Splużjoni ta’ dawl

Għaliex Papa Benedittu jsejjaħ il-qawmien ta’ Kristu “Splużjoni ta’ dawl”? Hu jorbotha mal-fatt li l-qawmien ta’ Ġesù Kristu jfisser ħolqien ġdid. Jekk aħna mmorru lura għall-ewwel qari ta’ din il-Vġili, mill-Ktieb tal-Ġenesi, fl-ewwel versi hemm li fl-ewwel jum tal-ħolqien Alla qal “ikun id-dawl”. Alla ħalaq id-dawl biex aħna nistgħu ngħixu, biex nistgħu nagħrfu lil xulxin, biex jista’ jkollna relazzjoni tajba ma’ xulxin. Biex nistgħu ngawdu l-ħolqien kollu, Alla ħalaq id-dawl.

Hu għalhekk li l-Mulej jissejjaħ “id-dawl u s-salvazzjoni”. U Ġesù qal fuqu nnifsu: “Jien id-dawl tad-dinja. Min jimxi warajja ma jimxix fid-dlam iżda jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw 8:12).

Għalhekk il-festa tal-lum hi l-festa ta’ dan id-dawl li hu Ġesù Kristu, id-dawl tal-ħolqien ġdid. F’din il-Vġili, naraw dan speċjalment fil-blandun, li aħna xegħelna fil-bidu, u li ġibna hawnhekk u għedna: “Id-dawl ta’ Kristu”.  Aħna xegħelna x-xemgħat minn dan il-blandun biex nieħdu sehem minn dan id-dawl. Hekk ifisser Ġesù Kristu li qam mill-mewt. Huwa d-dawl tal-umanità, huwa d-dawl tad-dinja. Bil-preżenza tiegħu, bil-kelma tiegħu, hu d-dawl għalina fil-ħajja tagħna.

Għalhekk il-festa tal-lum hi, kif isejħilha Papa Benedittu XVI, “splużjoni ta’ dawl” għax turina proprju dan id-dawl li nxtegħel biex qatt ma jintefa, dan id-dawl li juri t-triq lilna qalb id-dlamijiet. Nafu kemm dlamijiet kultant ikollna fil-ħajja tagħna, nafu kemm dlamijiet qed ngħixu bħalissa fl-Istorja. Kristu Rxoxt hu d-dawl li lilna jurina t-triq. Nafu li meta nimxu mal-kelma tiegħu, hi l-kelma rebbieħa, il-kelma li turina d-dawl.

Splużjoni ta’ mħabba

Isejħilha wkoll “splużjoni ta’ mħabba”. Dan għaliex fil-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù aħna rajna l-konċentrazzjoni tal-mibegħda minn tant nies li wasslet biex qerdet lil Ġesù fuq is-salib. Kienet din il-mibegħda li nbniet maż-żmien li wasslet għall-qerda ta’ Ġesù. Għalhekk, meta Ġesù qam mill-mewt, hu rebaħ il-mibegħda. Hu wera kif l-imħabba bla tarf ta’ Alla tirbaħ il-mibegħda.

Għalhekk hi “splużjoni ta’ mħabba”. Dak kollu li għamel Ġesù f’ħajtu wera kif din l-imħabba hi dik li timla l-qalb tagħna.  Kienet din l-imħabba li mexxiet lid-dixxipli tiegħu biex jixterdu mat-trufijiet tal-art u jħabbru dan il-messaġġ hekk qawwi u sabiħ: Kristu huwa ħaj, Kristu rebaħ il-mewt, u għalhekk l-imħabba tirbaħ fuq il-mibegħda, il-ħajja tirbaħ fuq il-mewt.

Għalhekk illum hi daqshekk festa kbira għalina. Meta naqraw din il-ġrajja nafu li m’aħniex qed naqraw leġġenda jew storja li tagħtina tagħlima, imma qed naqraw dak li seħħ tassew. U għax seħħ tassew għalina hu l-akbar sinjal ta’ tama. Għax seħħ tassew, lilna jimlielna ħajjitna b’din l-imħabba kbira ta’ Alla u jgħinna biex nimxu ‘l quddiem fil-ħajja tagħna.

Ngħixu l-qawmien illum

Il-qawmien ta’ Ġesù hu għalina garanzija ta’ fejn irridu naslu, li aħna lkoll imsejħin biex naslu, wara l-mixja ta’ ħajjitna, biex nissieħbu ma’ Ġesù fil-glorja; kif semma San Pawl, nissieħbu miegħu fil-qawmien tiegħu. Imma mhuwiex biss li nissieħbu miegħu fl-aħħar tal-ħajja tagħna, imma l-qawmien ta’ Ġesù hu wkoll li nissieħbu miegħu issa.

Kull darba li nqumu għal ħajja ġdida, mid-dnub għall-grazzja, mill-mibegħda għall-imħabba, aħna qed ngħixu l-qawmien ta’ Kristu. U kull darba li ngħinu lill-oħrajn biex iqumu għal ħajja ġdida, dak li aħna nagħmlu bl-għajnuna tagħna, bil-kelma tagħna, bl-attitudni tagħna, kull meta ngħinuhom iqumu għal ħajja ġdida, qed ngħixu l-qawmien ta’ Kristu.

Għalhekk illum nirringrazzjawh lill-Mulej. Nitolbuh biex jimlielna dejjem qalbna b’din il-paċi u l-ferħ ta’ Kristu Rxoxt, u biex jgħinna ħalli ngħixu l-qawmien tiegħu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Speċjalment billi nissieħbu ma’ Kristu li huwa d-dawl, ħa nkunu wkoll dawl għall-oħrajn, u nissieħbu ma’ Kristu li hu l-imħabba fil-milja tagħha, ħa nkunu mal-oħrajn ukoll strumenti tal-imħabba tiegħu.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: