Kif inhu differenti Kristu Rxoxt?

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 18 ta’ April 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tat-Tlieta fl-Ottava tal-Għid. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

F’dawn il-ġranet u f’dawn il-ġimgħat se nisimgħu diversi rakkonti tal-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet. Waħda mill-affarijiet li toloqtna hija li d-dixxipli għexu miegħu għal minn tal-anqas tliet snin u kienu jafuh sew; bħalma kienet tafu sew Marija ta’ Magdala li kienet marret fil-jum tal-Ħadd ħdejn il-qabar tfittex katavru biex tkompli r-ritwal tad-dilka bil-fwejjaħ. Kienet taf lil Ġesù, kienet taf il-fatizzi tiegħu imma l-Evanġelju jinsisti li ħarset lejh u ma għarfitux. Għarfitu meta sejħilha b’isimha: “Marjam!” (Ġw 20:16).

Fil-fatt hi tirritorna għand id-dixxipli u tgħidilhom: “Rajt lill-Mulej” (Ġw 20:18). Imma xi tfisser li tara l-Irxoxt? L-irxoxt huwa esperjenza ta’ Ġesù differenti mill-esperjenza ta’ Ġesù qabel l-irxoxt. Hija esperjenza li tibda mill-qalb, li tagħraf ’il Mulej mhux biss fiżikament imma tagħrfu bħala l-Mulej tal-Glorja.

Xi ħaġa li tolqotni f’dan ir-rakkont sabiħ tal-laqgħa ta’ Ġesù Rxoxt ma’ Marija ta’ Magdala hi li ratu minxur fuq is-salib, ratu jmut, ratu jindifen, marret tfittxu katavru, imma issa tiltaqa’ miegħu rxuxtat. Ma tagħrfux, imma tinduna min hu meta tisma’ leħnu jsejħilha b’isimha. Huwa l-leħen tal-imħabba personali. Ħafna drabi nindunaw bil-preżenza tal-Mulej f’ħajjitna, anke f’ċirkustanzi tad-dlam u ta’ tbatija, meta ma jirnexxilniex insibuh mill-ewwel imma nagħrfuh mil-leħen tal-imħabba tiegħu.

Din se tkun esperjenza li narawha tirritorna anke fid-dixxiplu l-maħbub. Lil Pietru jgħidlu: “Dan il-Mulej,” imma ma kinux għarfuh. Wieħed jistaqsi: allura l-fattizzi tiegħu nbidlu? Hija l- esperjenza tal-laqgħa ma’ Ġesù li tinbidel. Il-Mulej għadu juri lilu nnifsu lilna mhux forsi kif inpinġuh fl-arti jew inkella fl-istatwi li tant aħna devoti tagħhom, imma b’mod misterjuż: fit-tbissima ta’ xi ħadd, fis-sejħa ta’ mħabba ta’ xi persuna għażiża. Hemmhekk tirrealizza li l-Mulej qiegħed ikellmek u li huwa tassew irxoxt.

Punt ieħor li jinsisti dwaru Ġesù huwa li l-passjoni u l-irxoxt tiegħu jgħaqqduna ħaġa waħda ma’ Alla. “Għidilhom li se nitla’ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom” (Ġw 20:17). Dan huwa kliem li jfisser li seħħet il-paċi bejn Alla u l-umanità, il-bniedem reġa’ tħabbeb mal-Missier fil-mewt ħarxa ta’ ibnu u fl-irxoxt glorjuż tiegħu. “Rajt lill-Mulej” (Ġw 20:18).

Ma ninsewx li meta l-Mulej se jiġġudikana se jgħidilna: “Kont bil-għatx u sqejtuni, kont bil-ġuħ u tmajtuni” (Mt 25:35). Hu jidher fostna f’kull min għandu bżonn l-għajnuna tagħna u aħna nogħtru, u ħafna drabi nibżgħu ndendlu kusna b’mod speċjali ma’ sitwazzjonijiet diffiċli.

Nitolbuh maħfra ta’ dan in-nuqqas ta’ ħila; hemm sitwazzjonijiet verament diffiċli li wieħed qed jippreferi jitbiegħed minnhom. Nitolbuh mhux biss maħfra talli kultant niddejqu nersqu lejh imma nitolbuh il-grazzja li meta jsellmilna u jkellimna, nagħrfuh.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 2:36-41
Salm: 117 (118), 24
L-Evanġelju: Ġw 20:11-18

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: