It-test veru tal-imħabba safja hi l-maħfra lil xulxin

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 16 ta’ Awwissu 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tat-Tlieta tal-għoxrin ġimgħa ta’ matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Naħseb biex nifhmu l-kliem ta’ Ġesù li mhuwiex faċli anke għal widnejna, irridu naħsbu ftit fuq l-aħħar vers li jikkonkludi din is-silta mill-kapitlu 19 ta’ San Mattew: “Ħafna li huma tal-ewwel jiġu l-aħħar u tal-aħħar jiġu l-ewwel” (Mt 19:30).

Ġesù qed jitkellem fuq dinja rasha ’l isfel u sieqha ’l fuq, kollox ta’ taħt fuq. Qed jgħidilna li l-valuri tagħna ta’ kif inkejlu n-nies, iċ-ċirkustanzi huma totalment differenti minn dawk ta’ Alla fil-mentalità ta’ żmien Ġesù imma anke fil-mentalità ta’ żmienna. Is-sinjur, l-għani jew min għandu l-poter hu meqjus b’ċertu venerazzjoni, b’ċertu biża’, b’ċertu qima. Ġesù ma jimpressjonawhx dawn il-kategoriji tagħna anzi jgħid li min jafda żżejjed jew totalment fuq l-għana tiegħu se jkollu xkiel kbir biex jidħol fis-saltna tas-smewwet.

Anke Pietru stess jitolbu xi ħaġa lura: “Aħna ħallejna kollox, issa x’se jmissna? X’se nieħdu?” (Mt 19:27). Imma Ġesù ma jiċħadx li hemm ħlas kbir li timxi warajh, li tħalli kollox għalih, ma jgħidx: ‘isma’ jiddisjaċini, m’għandi xejn xi nwegħedkom ta’. Imma rridu ninnutaw li dak li jwiegħed hu fid-dinja l-ġdida mhux marbut mal-kategorji ta’ din id-dinja. U dak li forsi għalina mhux importanti, quddiem Alla li jħares lejn il-qalb, hu ħafna, ħafna iżjed għażiż u importanti.

San Stiefnu tal-Ungerija kien re imma kellu l-qalb safja ta’ bniedem li ħabb il-kelma ta’ Ġesù u ħadem biex il-poplu tiegħu jiltaqa’ ma’ Ġesù u fehem ukoll li jekk irid jagħmel hekk irid jieħu ħsieb il-missjoni tal-Knisja. Hu ma kienx isqof, ma kienx ragħaj tal-merħla ta’ Ġesù imma kien qaddej tal-Evanġelju billi l-ħakma tiegħu, is-setgħa tiegħu użaha anke biex f’pajjiżu jinxtered l-Evanġelju, tinxtered l-Aħbar it-Tajba. Aħna allura għandna re, xi ħadd li kellu l-poter u l-għana, li qiegħed fis-saltna tas-smewwiet għax għaraf li l-kelma ta’ Ġesù għandha qawwa u għerf.

Illum bl-interċessjoni ta’ San Stiefnu tal-Ungerija nitolbu li kull wieħed u waħda minna, hu x’inhu l-istatus tagħna fis-soċjetà, inħarsu lejna nfusna, lejn ħajjitna, lejn id-destin tagħna kif iħares lejhom Ġesù. X’jiswa li jkollok l-għana u qalbek vojta? X’jiswa li jkollok l-għana u m’intix kuntent, m’għandekx il-paċi f’qalbek? Għaliex il-kuntentizza vera, il-paċi f’qalbna ma tiġix mill-għana imma minn kemm aħna ngħixu fi mħabba safja għal kull wieħed u waħda minna u t-test veru tal-imħabba safja hi l-maħfra, hi l-maħfra ta’ xulxin.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: