Qari I
Nifraħ fuq li nifraħ fil-Mulej.
Is 61, 1-2a.10-11
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
L-ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi,
għax il-Mulej ikkonsagrani,
biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
bagħatni ndewwi l-qalb miksura;
biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs;
biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej.
Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej,
taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi.
Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni,
bil-mantar tal-ġustizzja għattieni,
bħal għarus imżejjen b’kuruna,
bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.
Bħalma l-art tnibbet,
bħalma l-ġnien inibbet il-miżrugħ fih,
hekk il-Mulej inibbet il-ġustizzja u l-foħrija,
quddiem kollha kemm huma l-ġnus.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Lq 1,46-48.49-50.53-54
R/. (Is 61, 10b): Taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi
Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.
Iva, minn issa ’l quddiem
kull nisel isejjaħli hienja. R/.
Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien
fuq dawk li jibżgħu minnu. R/.
Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,
għax ftakar fil-ħniena tiegħu. R/.
Qari II
Sħaħ bla mittiefsa, sa ma jiġi Sidna Ġesù Kristu.
1 Tess 5, 16-24
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin
Ħuti, ifirħu dejjem, itolbu bla heda, iżżu ħajr lil Alla f’kollox. Dan hu li jrid Alla mingħandkom fi Kristu Ġesù. Ixxekklux l-Ispirtu, tmaqdrux il-profezija. Ippruvaw kollox: it-tajjeb żommuh, u, fuq kollox, warrbu kull xorta ta’ ħażen.
U Alla tas-sliem iqaddiskom f’kollox, u jżommkom sħaħ bla mittiefsa fl-ispirtu, fir-ruħ u fil-ġisem, sa ma jiġi Sidna Ġesù Kristu. Fidil hu Alla li sejħilkom, u huwa jagħmel dan.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Is 61, 1
Hallelujah. R/. Hallelujah
L-Ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi:
biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.
R/. Hallelujah
Evanġelju
F’nofskom hemm dak li intom ma tafuhx.
Ġw 1, 6-8.19-28
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl.
Ix-xhieda ta’ Ġwanni kienet din, meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh: “Int min int?”. Hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija”. Huma reġgħu staqsewh: “Mela min int? Elija?” “M’iniex”, qalilhom. “Int il-Profeta?” “Le”, weġibhom. Imbagħad qalulu: “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tg ħid li int?” U hu wieġeb kif qal il-profeta Isaija: “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Wittu t-triq tal-Mulej”.
Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. Huma staqsewh: “Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?” “Jiena ngħammed bl-ilma”, weġibhom Ġwanni, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jien anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu”.
Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu