Ordinazzjoni Djakonali f’Għawdex

Print Friendly, PDF & Email

Nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Ġunju 2023, fis-6.30pm, fil-Knisja Katidrali ta’ Għawdex, il-Belt Victoria, l-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex, se jmexxi l-Ordinazzjoni Djakonali ta’ MATTHEW BORG (mill-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Marija, ix-Xagħra) u FRANKLIN MICALLEF (mill-Parroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir, Ta’ Kerċem).

Bi tħejjija għall-Ordinazzjoni, se tinżamm Velja ta’ Talb nhar il-Ħamis 22 ta’ Ġunju, fit- 8.00pm, fil-Bażilika ta’ Marija Bambina, ix-Xagħra. Wara, mill-10.00pm sas-7.00am tal- għada, ikompli Lejl ta’ Adorazzjoni b’talb għall-ordinandi fil-Kappella tas-Seminarju Maġġuri, il-Belt Victoria.

Kemm l-Ordinazzjoni u kemm il-Velja se jkunu mxandra fuq il-mezzi soċjali tad-Djoċesi ta’ Għawdex: www.youtube.com/dioceseofgozo u www.facebook.com/gozodiocese. L- Ordinazzjoni tkun imxandra wkoll fuq Radju Marija 102.3FM u fuq Newsbook.com.mt.

Matthew Borg

Matthew Borg, iben Eucharist Borg u Michelina mwielda Attard, twieled nhar il-15 ta’ Frar 1998. Trabba u għex fil-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Marija, ix-Xagħra. Irċieva l-ewwel edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Primarja Patri Mattew Sultana u wara fl-Iskola Sekondarja Ninu Cremona fil-Belt Victoria. Kompla bl-istudji tiegħu fuq livell postsekondarju fl-Istitut għall-Istudji Avvanzati Sir Michelangelo Refalo, il-Belt Victoria.

F’Mejju 2016 ressaq it-talba tiegħu biex jibda l-formazzjoni tiegħu fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, u f’Ottubru ta’ dik is-sena beda s-Sena Propedewtika. F’Mejju 2017 reġa’ ressaq talba oħra biex jibda l-kors ta’ formazzjoni għas-saċerdozju fl-istess Seminarju, li bdieh f’Settembru ta’ dik is-sena. Matul l-ewwel sena ta’ formazzjoni għamel esperjenza pastorali fil-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, il-Munxar, waqt li fit-tieni u fit-tielet sena għamel esperjenza pastorali fil-Paroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir, Ta’ Kerċem.

Bejn Settembru 2020 u Awissu 2021 għex l-esperjenza tas-Sena Intermedjarja li minħabba l-pandemija tal-Covid-19 saret f’Malta. Huwa għamel esperjenza pastorali fil-Parroċċa ta’ Sant’Anna, Wied il-Għajn, filwaqt li għamel esperjenza ta’ xogħol fil-Fabbrika Gutenberg Press.

F’Settembru 2021 kompla l-formazzjoni tiegħu fis-Seminarju u għamel esperjenza pastorali ta’ sentejn fil-Parroċċa tal Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, kif ukoll fiċ-Ċentru Oasi. Irċieva l-ministeru tal-Lettorat minn idejn l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma nhar il-Ħadd 23 ta’ Jannar 2022 fis-Santwarju parrokkjali tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Fontana. F’Settembru 2022 beda esperjenza pastorali oħra mal-gruppi tal-adolexxenti u ż-żagħżagħ tal-Paroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp, il-Qala. Ġie istitwit bħala Akkoltu mill-istess Isqof nhar il-Ħadd 18 ta’ Diċembru 2022 fis-Santwarju parrokkjali tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir, Ta’ Kerċem. Nhar il-Ħadd 30 ta’ April 2023 ġie ammess bħala kandidat għall-Ordni Sagri fil-Knisja arċipretali tal-Madonna ta’ Loreto, Għajnsielem.

Franklin Micallef

Franklin Micallef, iben Anthony George u Micheline mwielda Vella, twieled nhar it-22 ta’ Lulju 1998. Trabba u għex fil-Parroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir, f’Ta’ Kerċem. Irċieva l-ewwel edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Primarja Peter Paul Grech u wara fis-Seminarju Minuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria. Kompla bl-istudji tiegħu fuq livell postsekondarju fl-Istitut għall-Istudji Avvanzati Sir Michelangelo Refalo, il-Belt Victoria.

F’Mejju 2016 ressaq it-talba tiegħu biex jibda l-formazzjoni tiegħu fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, u f’Ottubru ta’ dik is-sena beda s-Sena Propedewtika. F’Mejju 2017 reġa’ ressaq talba oħra biex jibda l-kors ta’ formazzjoni għas-saċerdozju fl-istess Seminarju, li bdieh f’Settembru ta’ dik is-sena. Matul l-ewwel sena ta’ formazzjoni għamel esperjenza pastorali fil-Parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Fontana, waqt li fit-tieni u fit-tielet sena għamel esperjenza pastorali fil-Parroċċa ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija.

Bejn Settembru 2020 u Lulju 2021 għex l-esperjenza tas-Sena Intermedjarja li minħabba l-pandemija tal-Covid-19 saret f’Malta. Huwa kien jgħix l-Imsida fejn għamel kors ta’ Diploma ‘in Design Foundation Studies’ fl-Università ta’ Malta u kien attiv fiċ-Chaplaincy tal-istess Università.

F’Settembru 2021 kompla l-formazzjoni tiegħu fis-Seminarju u għamel esperjenza pastorali ta’ sentejn fil-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Marija, ix-Xagħra. Irċieva l-ministeru tal-Lettorat minn idejn l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma nhar il-Ħadd 23 ta’ Jannar 2022 fis-Santwarju parrokkjali tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Fontana. F’Settembru 2022 beda esperjenza pastorali oħra mal-grupp tal-abbatini tal-Parroċċa ta’ Santa Margerita, Ta’ Sannat. Ġie istitwit bħala Akkoltu mill-istess Isqof nhar il-Ħadd 18 ta’ Diċembru 2022 fis-Santwarju parrokkjali tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir, Ta’ Kerċem. Nhar il-Ħadd 30 ta’ April 2023 ġie ammess bħala kandidat għall-Ordni Sagri fil-Knisja arċipretali tal-Madonna ta’ Loreto, Għajnsielem.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading