L-Angelus huwa talba tradizzjonali importanti fil-ħajja tal-Knisja Kattolika, li tfakkar il-misteru tal-Inkarnazzjoni, meta l-Iben ta’ Alla sar bniedem fil-ġuf tal-Verġni Marija. Din it-talba għandha għeruq profondi fl-istorja Nisranija u tintalab tipikament tliet darbiet kuljum: filgħodu, f’nofsinhar, u filgħaxija. Il-ħoss tal-qniepen tal-knejjes spiss iħabbar il-ħin tal-Angelus, u jistieden lill-insara biex jieqfu għal mument ta’ talb u riflessjoni.
L-Istruttura tat-Talba tal-Angelus

L-Angelus huwa mibni fuq tliet versetti qosra meħuda mill-Evanġelju skont San Luqa, li jitkellmu dwar it-tħabbira tal-Arkanġlu Gabriel lil Marija, l-aċċettazzjoni tagħha, u l-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla. Wara kull versett tingħad it-talba Sliem għalik Marija (Ave Maria). Fl-aħħar, l-Angelus jintemm billi nitolbu lill-Mulej ixerred fuqna il-grazzja tiegħu, biex permezz tal-passjoni u s-salib ta’ Kristu, naslu għall-glorja tal-qawmien mill-imwiet.
Hija talba li tgħinna biex matul il-jum, niftakru fil-preżenza ta’ Alla u fil-misteru kbir tal-fidwa.
Il-Bidla matul iż-Żmien tal-Għid
Matul iż-żmien tal-Għid, li jibda minn Ħadd il-Għid u jibqa’ sejjer sa Għid il-Ħamsin (Pentekoste), il-Knisja tibdel it-talba tal-Angelus ma’ dik tar-Regina Coeli – Reġina tas-Sema. Il-bidla ssir għaliex iż-żmien tal-Għid huwa żmien ta’ ferħ u ċelebrazzjoni tal-Qawmien ta’ Kristu mill-Imwiet.

X’inhi r-Regina Coeli?
Ir-Regina Coeli hija talba li tfaħħar lil Marija bħala Omm il-Mulej li issa qam mill-mewt. Fiha, minflok il-kliem meditattiv u ħiemed tal-Angelus, din it-talba għandha ton aktar ferrieħi u ċelebrattiv. Fiha, għal aktar minn darba hemm għajta tal-alleluja, karatteristika ta’ żmien il-Għid.
Il-kliem tagħha jħeġġeġ lill-insara biex jifirħu ma’ Marija għax Kristu tassew qam, kif kien wiegħed.
Sinifikat Spiritwali tal-Bidla
Il-bidla mill-Angelus għar-Regina Coeli turi kif il-liturġija tal-Knisja timxi mal-istaġuni liturġiċi tal-fidi. Matul iż-żminijiet ordinarji, dak tal-Avvent, u partikolarment ukoll dawk tal-Milied u tar-Randan, l-enfasi tkun fuq l-Inkarnazzjoni. Iżda matul iż-żmien tal-Għid, l-enfasi tinbidel għall-Qawmien u r-Rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt.
Din it-tradizzjoni tgħinna ngħixu aktar profondament il-misteri tal-fidi tagħna matul is-sena liturġika kollha.
Il-Papa u t-Talba tal-Angelus / Regina Coeli
Tradizzjoni sabiħa fil-ħajja tal-Knisja Kattolika hija dik fejn il-Papa, kull nhar ta’ Ħadd f’nofsinhar jinġabar mal-komunità minn Pjazza ta’ San Pietru fil-Vatikan biex jitlob l-Angelus jew ir-Regina Coeli, skont iż-żmien liturġiku. Permezz tax-xandira dirett fuq it-televiżjoni u mezzi diġitali oħra, din it-talba tgħaqqad lill-Kattoliċi minn madwar id-dinja kollha, flimkien mal-mexxej spiritwali tagħhna, f’mument wieħed ta’ talb. F’dak il-ħin, il-Papa jwassal ukoll riflessjoni qasira u messaġġ spiritwali relatat mal-Evanġelju tal-ġurnata u l-ġrajjiet attwali, u jagħti l-barka tiegħu lil kulħadd.

Konklużjoni
L-Angelus u r-Regina Coeli huma żewġ talbiet sempliċi iżda sinifikanti ħafna fil-ħajja Nisranija. Filwaqt li l-Angelus ifakkarna fil-bidu tal-fidwa permezz tal-Inkarnazzjoni, ir-Regina Coeli tiċċelebra t-twettiq tal-fida fil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet. Flimkien, dawn it-talbiet joffru ritmu spiritwali li jakkumpanja lill-insara matul is-sena liturġika kollha.
Dwar ir-Regina Caeli, tista’ tara wkoll … https://www.laikos.org/regina_coeli.htm