L-Għid il-Kbir: Il-Qawmien tal-Mulej Ġesù mill-Mewt

Minn D. Edward Vella

Quddiem is-sitwazzjoni tad-dinja preżenti, b’aħbarijiet ġejjin mill-Ukraina, Gaza, Iran… naħseb li lkoll kemm aħna ninsabu xi ftit jew wisq imnikkta; aħna konna mdorrijin naraw dawn ix-xeni f’dokumentarji dwar ġwerer passati u qatt ma ħlomna li dan jista’ jerġa jseħħ fi żmienna. Forsi xi wħud minna ġie f’moħħna ħsieb: xi skop hemm li wieħed jiċċelebra l-Għid meta ħutna f’dawn il-pajjiżi u anke f’oħrajn mhux biss ma jistgħux jiċċelebraw l-Għid, iżda wkoll bosta tilfu ħajjithom, miljuni kellhom jaħarbu minn pajjiżhom u ħafna oħrajn jeħtiġilhom jiġġieldu għal-libertà ta’ pajjiżhom b’ħajjithom mhedda kull mument.

X’sens fih li tiċċelebra l-Għid meta hawn tant ħażen fid-dinja, x’sens fih li tiċċelebra l-Għid meta ħajjitna qegħda tinbidel mill-lejl għan-nhar għax għandna iżjed flus pero mhux iżjed ferħ, paċi, mħabba, rispett lejn xulxin u lejn in-natura, din id-dar li tana Alla? X’sens fih l-Għid meta f’ħafna pajjiżi l-aktar post perikoluż fil-ħajja sar il-ġuf tal-omm għax permezz tal-abort jinqatlu mijiet ta eluf ta’ trabi, u nistgħu nibqgħu sejrin. X’sens fih li tiċċelebra l-Għid jekk il-ħażen mhux biss jidher li jiddomina d-dinja ta’ madwarna iżda wkoll dik ta’ ġo fina?

Jaqaw din li Ġesù qam mill-mewt hija xi ħrafa tat-tfal iż-żgħar? X’effett ħalla l-qawmien ta’ Ġesù fuq id-dinja u fuqna? Għaliex il-ħażen donnu kompla dejjem jikber? Fuq xiex tibbaża ruħha l-fidi tagħna fil-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt?

San Pawl jgħidilna ‘kieku Ġesù ma qamx fierha kienet tkun il-fidi tagħna’. L-appostli ma kienux xi bċieċen għax kif naraw fl-Evanġelji kollha sabuha bi tqila ħafna biex jemmnu li Ġesù verament qam mill-mewt, wara kollox kif insibuha aħna. Allura x’ġara? Għaliex dawn inbidlu mill-lejl għan-nar? Għaliex filli jaħarbu u jħallu lil Ġesù waħdu meta l-aktar li kien bżonnhom, Pietru saħansitra ċaħad li jafu, għaliex jinqaflu ġewwa mwerwrin li ser tmisshom l-istess xorti, u ftit ġranet wara jaħorġu jippridkaw f’periklu serju għal ħajjithom? Għaliex ħadd u xejn ma qatalhom qalbhom, la tgħeddid, la vvjaġġar,  la perikli ta’ kull xorta, la l-mewt vjolenti ta’ sħabhom? Għaliex fl-aħħar kollha spiċċaw maqtula għal dak li fil-bidu kienu tant imwerwrin li jistqarru?

Għaliex iltaqgħu ma’ Ġesù mqajjem mill-mewt wara li kienu rawħ imut fuq is-salib u midfun ġo qabar. Aħna għandna dejn kbir ħafna ma dawn l-ewwel insara Lhud. Il-qawmien ta’ Ġesù bidel ħajjithom mil-lejl għan-nhar, bdew jgħixu biss għaliH, xejn aktar ma baqa jagħmel sens f’ħajjithom minbarra li jwasslu dak li raw b’għajnejhom u emmnu fih. 12-il raġel xterdu mad-dinja kollha jwasslu l-aħbar it-tajba u l-aktar importanti dik li Ġesù qam mill-mewt.

Għaliex hija daqshekk importanti li Ġesù qam mill-mewt tant li, li kieku ma kienetx din il-festa ma kienet tkun l-ebda oħra? B’liema mod din ma hijiex sempliċement ġrajja tal-passat u għalhekk midfuna fil-kotba tal-istorja bħal kull ġrajja oħra? Il-qawmien ta’ Ġesù jfisser li

  • It-tajjeb rebaħ fuq il-ħażin,
  • Id-dawl rebaħ fuq id-dlam,
  • Il-grazzja rebħet fuq id-dnub,
  • L-imħabba rebħet fuq il-mibegħda u l-gwerer,
  • Il-ħajja rebħet fuq il-mewt.

Allura la Ġesù qam, jidher kemm jidher qed jirbaħ il-ħażen fid-dinja, jidher kemm jidher li d-dnub qiegħed jaqbad fix-xibka tiegħu bnedmin dejjem aktar, fl-aħħar mill-aħħar din hija l-għajta ta’ tellief. Minħabba li Ġesù qam mill-mewt il-ħażen kollu tad-dinja, id-dnub, il-mibegħda u l-ġwerer, il-mewt u fuq kollox ix-xitan huma tellifin; mhux ser jitilfu, iżda diġa huma tellifin, għax ir-rebħa diġa saret.

Allura dan xi jfisser għalina, xi jfisser għall-dawk in-nies li lanqas jistgħu jiċċelebraw l-Għid għax pajjiżhom huwa fi gwerra? Dan ifisser li jekk int u jien nagħżlu lil Ġesù u l-Kelma tiegħu, jidher kemm jidher li l-ħażen qiegħed jirbaħ fina u madwarna, ikun kemm ikun qawwi l-mewġ tal-ħajja, ngħaddu kemm ngħaddu minn widien mudlama fl-aħħar mill-aħħar għalina hemm rebħa żgura. Dan ifisser kuraġġ, tama, paċi tal-qalb anke għal min hu fil-gwerra u fuq kollox ħajja bla tmiem li fiha inħallu warajna dak kollu li hu ikraħ f’din il-ħajja biex ningħaqdu miegħu għal dejjem fil-ferħ, paċi, u infinitament aktar minn dak kollu li tista’ tixtieq qalbna, għax inkunu miegħU għal dejjem.

Minn naha l-oħra jekk jien u int ma ngħażlux lil Ġesù b’għajnejna miftuħa, jekk inwarrbu l-Kelma tiegħu, u nagħżlu dak li trid id-dinja, jekk nibqgħu ostinati f’din it-triq, jidher kemm jidher li aħna akkwistajna ġid tad-dinja, iddevertejna u gawdejna kemm iddevertejna u gawdejna, kellna kemm kellna suċċessi f’din id-dinja fl-aħħar mill-aħħar aħna telliefa u l-ħajja tagħna jekk ma nikkonvertux ser tispiċċa f’telfien.

Ġesù t-triq imxiha kollha għalina, jonqos biss ħaġa waħda, l-għażla tiegħi u tiegħek.

L-Għid it-tajjeb lilkom ilkoll.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading