Santu Wistin ta’ Tletin Sena

Is-Sitt Ktieb tal-Istqarrijiet

F’dan il-ktieb, Wistin jitkellem dwar il-ħajja tiegħu meta mar jgħix Milan, fejn beda jersaq aktar lejn il-verità u lejn Alla. Huwa pass importanti fil-vjaġġ spiritwali u intellettwali tiegħu, fejn narawh joqrob dejjem aktar lejn il-konverżjoni, iżda fl-istess ħin jibqa’ maqbud f’kunflitti interni qawwija. Hawn Wistin jasal Milan u jibda jiltaqa’ ma’ nies u ideat li jħallu impatt profond fuqu, speċjalment fuq il-fehma tiegħu dwar il-verità, il-fidi u l-ħajja morali.

Iftaħ minn hawn is-Sitt Ktieb tal-Istqarriet ta’ Santu Wistin (pdf)

Laqgħa ma’ Ambroġju

Wieħed minn dawn il-persuni importanti kien Ambroġ innifsu, l-Isqof ta’ Milan. Wistin jammira l-mod kif Ambroġ jipprietka u jinterpreta l-Iskrittura. Il-priedki tiegħu jibdew jiftħulu għajnejh għal tifsiriet aktar profondi tal-Bibbja. Qabel, Wistin kien iħares lejn it-Testment il-Qadim b’ċertu disprezz, għax kien jidher sempliċi wisq u kultant saħansitra kontradittorju. Iżda permezz tat-tagħlim ta’ Ambroġ, jibda jifhem li f’dan il-Kotba Mqaddsa hemm dimensjoni spiritwali li tmur lil hinn mill-interpretazzjoni litterali.

Madankollu, minkejja dan il-progress intellettwali, Wistin jibqa’ maqbud f’dubji u indeċiżjonijiet. Huwa jibda jitbiegħed mill-Manikejżmu, li qabel kien jemmen fih, għax jinduna li ma jipprovdix tweġibiet sodisfaċenti għall-mistoqsijiet tiegħu dwar il-ġlieda bejn il-ħażen u l-verità. Imma jersaq ukoll lejn forma ta’ xettiċiżmu, għaliex ma jkunx ċert x’għandu jemmen. Dan juri li l-konverżjoni tiegħu għadha lura. Għalih il-proċess huwa wieħed twil u diffiċli.

Hemm ukoll il-kunflitt morali ta’ Wistin, speċjalment fir-rigward tal-ħajja sentimentali tiegħu. Huwa jirrikonoxxi li għandu xewqat li jżommuh lura milli jiddedika ruħu kompletament lejn Alla. Għalkemm jaf x’inhu tajjeb, ma jkollux il-qawwa li jagħżlu b’mod sħiħ. Din il-ġlieda li kelli fih hija waħda mit-temi ċentrali tal-Istqarrijiet tiegħu. Hemm il-kunflitt bejn il-ġisem u l-ispirtu, bejn id-drawwiet il-qodma u x-xewqa għal ħajja ġdida.

F’dan il-paġni naraw ukoll kif il-ħbieb u s-soċjetà għandhom rwol tant importanti fil-ħajja ta’ Wistin. Huwa jitkellem dwar ħbieb li għandhom ideat jixbħu lil tiegħu u li qed ifittxu l-verità flimkien miegħu. Madankollu, anke dawn ir-relazzjonijiet xi kultant iservu ta’ ostaklu, għax jagħmluha aktar diffiċli għalih biex jieħu deċiżjonijiet radikali, bħal dik li jħalli kollox u jiddedika ruħu kompletament għal ħajja reliġjuża.

Influwenza ta’ ommu Monika

Ma nistgħux inħallu barra wkoll is-sehem kbir li kellha ommu f’dan kollu. Jurina kemm dik ta’ Wistin hija esperjenza partikolarment umana u realistika. Monika tibqa’ tħeġġu jdur lejn il-Kristjaneżmu filwaqt li titlob ħafna għalih.

Aktar dwar Santu Wistin …

Aktar dwar l-Isqarrijiet ta’ Santu Wistin …

Email: … tsrp@agostinjani.org

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading