Kitba ta’ Fr Jimmy Bonnici
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah.
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu lill-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!”.
Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.
Sa dakinhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet. Ġw 20:1-9
- Riflessjoni/talba:
i. Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar.
Fl-ewwel jum
meta Alla qal “Ħa jkun id-dawl” u
“fired id-dawl mid-dlam” (Ġenesi 1, 2-3)
Marija ta’ Magdala
kif kien għadu d-dlam
tilmaħ il-qabar miftuħ:
hemm ħolqien ġdid, id-dawl għeleb lid-dlam,
u f’qalbha jiċċaqlaq xi ħaġa
li l-moħħ għadu ‘l bogħod biex jaħkem.
Irrifletti:
• Fejn hemm dawl ġdid ifeġġ f’ħajtek?
ii. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu lill-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!”.
“Qalgħu lill-Mulej mill-qabar”!
Tinftiehem bħala serqa
il-fedeltà tal-Missier.
“U ma nafux fejn qegħduh!”
U lanqas se nsiru nafu
U lanqas hemm bżonn insiru nafu.
Issa l-Mulej imexxi l-istorja
mhux inqiegħduh fejn jidhrilna aħna!
Però ibqa’ fittxu:
kull darba ħallih jieħdok lil hinn mill-qabar.
Irrifletti
• Ġesù il-Mulej tiegħek? Tħallih imexxik?
iii. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.
Għall-ewwel naraw il-fatti (v. 1: blepo – βλέπω):
jistgħu jidhru koroh jew newtrali!
Fit-tieni mument, ma’ Pietru, nibdew nirriflettu (v. 6: theoreo – θεωρέω):
hemm ċertu ordni, donnu hemm xi ħaġa aktar!
U fl-aħħar, mad-dixxiplu l-maħbub, naraw fil-fond (v. 8: horao – ὁράω):
U nemmnu! U l-perspettiva tal-ħajja tinbidel ta’ taħt fuq!
Jekk dak li għamel il-ġid, dak li qatluh, huwa ħaj, irxuxtat,
mela fuq ħajtu jagħmel sens li nfassal tiegħi.
Irrifletti
• Ieqaf ftit bil-memorja tax-xemx tielgħa? Ħalli lil Ġesù Rxoxt idawwal lil ħajtek.
- Missierna