Il-Blandun tal-Għid; tifsira u simboliżmu

L-Għid il-Kbir huwa wieħed mill-aktar mumenti sinifikanti fil-kalendarju Nisrani, u l-Velja tal-Għid hija ċ-ċelebrazzjoni liturġika li tiftaħ il-festa tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-Imwiet. F’din il-velja, xemgħa partikolari – magħrufa bħala l-Blandun tal-Għid għandha post ċentrali kemm fil-liturgija kif ukoll fis-simboliżmu tagħha.

L-oriġini storika tal-Blandun tal-Għid

L-użu tax-xemgħat fil-kult Nisrani jmur lura għall-ewwel sekli tal-Knisja. Fil-bidu, dawn kellhom użu prattiku, dak li jdawwlu il-post fejn kienu jsiru l-laqgħat liturġiċi, l-aktar dawk li kienu jsiru matul il-lejl. Madankollu, maż-żmien, dawn bdew jieħdu wkoll tifsira simbolika aktar profonda.

Sa milll-ewwel sekli tal-Knisja, il-Velja tal-Għid kienet tkun iċċelebrata bil-lejl, bħala sinjal ta’ stennija fid-dlam li jfakkar fil-qawmien ta’ Kristu. F’dan il-kuntest, id-dawl tax-xemgħa beda jitqies bħala d-Dawl ta’ Kristu nnifsu; id-dawl li jiddi fid-dlam, id-dawl li jegħleb id-dlam tad-dnub u tal-mewt.

Bejn ir-raba’ u s-seba’ seklu, din ix-xemgħa tal-Għid bdiet tieħu forma aktar definita fil-liturgija, speċjalment fil-Knisja tal-Punent. Sal-lum stess għadna nilmu liċ-ċelebrant dieħel bil-Blandun merfugħ fil-għoli, waqt li jintona ghal tliet darbiet, “Id-Dawl ta’ Kristu”. U l-ġemgħa fil-knisja twieġeb, “Inroddu ħajr lil Alla”.

It-tifsira liturġika tagħha

Fil-bidu tal-Velja tal-Għid, isir rit magħruf bħala “il-Liturġija tad-Dawl”. Ix-xemgħa tal-Għid titbierek u titqabbad minn nar ġdid, li jissimbolizza l-bidu ta’ ħajja ġdida. Wara, ix-xemgħa tiddaħħal fil-knisja mudlama, u minnha jinxtegħlu xemgħat oħra li jkollhom il-fidili f’idejhom. Ħadd ma jixgħel huwa stess ix-xemgħa tiegħu, għaliex id-dawl f’ħajjitna, irid ikun dak li jiġi permezz ta’ xulxin, minn Kristu nnifsu.

Dan il-proċess juri kif id-dawl ta’ Kristu jinfirex minn persuna għal oħra, sakemm id-dlam jintemm kompletament. Il-Blandun jibqa’ jinxtegħel matul iż-żmien kollu tal-Għid, iżda jintuża wkoll f’okkażjonijiet importanti bħal ma huma magħmudijiet u funerali.

Is-simboliżmu tax-xemgħa tal-Għid

Ix-xemgħa tal-Għid fiha ħafna simboli li jirrappreżentaw il-fidi Nisranija:

  • Id-Dawl: Jirrappreżenta lil Kristu bħala “d-dawl tad-dinja”, li jegħleb id-dlam.
  • Is-Salib: Normalment ikun imnaqqax fuq ix-xemgħa, jfakkarna fis-sagrifiċċju ta’ Kristu.
  • L-Alfa u Omega: Dawn huma l-ewwel u l-aħħar ittri tal-alfabet Grieg u jfissru li Kristu huwa l-bidu u t-tmiem ta’ kollox.
  • In-Numri tas-Sena: Juru li Kristu huwa preżenti fiż-żmienijiet kollha, inkluż illum, fi żmienna u fiċ-ċirkustanzi tagħna.
  • Il-Ħames Boċċi tal-Inċens: Dawn jirrappreżentaw il-ħames feriti ta’ Kristu fuq is-salib; it-tnejn ta’ idejh, it-tnejn ta’ riġlejh u dik tal-kustat.

Tifsira spiritwali

Ix-xemgħa tal-Għid mhijiex biss oġġett liturġiku, iżda wkoll sinjal profond ta’ tama u tiġdid. Hija tfakkarna li, bħalma Kristu qam mill-mewt, hekk ukoll il-bniedem huwa msejjaħ għal ħajja ġdida mimlija dawl u grazzja.

Barra minn hekk, id-dawl li jinxtered fost il-fidili waqt il-velja juri l-komunità Nisranija bħala poplu li jġorr id-dawl ta’ Kristu fid-dinja matul iż-żminijiet kollha. Juri l-universalità tal-Knisja, preżenti f’kull post u f’kull żmien.

Konklużjoni

Il-Blandun tal-Għid huwa simbolu qawwi li jgħaqqad storja, liturġija u spiritwalità. Permezz tagħha, il-Knisja tfakkar u tiċċelebra r-rebħa tad-dawl fuq id-dlam, tal-ħajja fuq il-mewt, u tal-imħabba fuq id-dnub. Hija tfakkira ħajja tal-misteru ċentrali tal-fidi Nisranija: il-qawmien ta’ Kristu u l-wegħda ta’ ħajja eterna.


Tista’ ssegwi wkoll l-ispjega tal-kelma, “Blandun” minn dan il-filmat qasir fid-Dizzjunarju tal-Festi …

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading