Minn Patri Juan de Bono ocd
Spiss il-bniedem jispiċċa aljenat b’dak li tkun qiegħdha toffrilu l-ħajja fil-mixja tagħha. Din l-aljenazjoni hija għodda prezzjuża li jħaddem id-demonju, u spiss twassal biex tnessi lil min ikun aljenat li se jasal jum li fih huwa se jkollu jħalli kollox warajh u jagħti kont ta’ għemilu lill-istess Esseri li tah il-ħajja.
Imma fil-fatt inkunu żbaljati jekk ngħid li nħallu kollox warajna, għax matul il-ħajja, Alla stess u l-ħajja nnifisha toffrilna, biljuni ta’ opportunitajiet biex inwettqu opri tajbin ħalli jpattu għad-djugħfijiet tal-ħajja ta’ kulljum.
‘Life is now’
‘Missier il-gideb’, ‘il-qarrieq’ iwassalna biex naħsbu li ‘life is now’, u apparti li jgħidilna li minn mar qatt ma ġie lura, iġġagħalna ukoll naħsbu li ġaladarba magħna ma nistgħu nieħdu xejn, ta’ min ‘igawdi, jiddeverti u dak li jħoss li wieħed għandu jagħmel jagħmlu, għax għada min rah?’ ‘ħajja waħda għandna, ingawduha to the full u mbagħad naraw’.
Naħżnu teżori fejn il-‘kamla u s-sadid ma jeżistux’
San Ġorġ Preca kien jitkellem spiss dwar ‘l-ingann’. Kulħadd jaf li magħna ma nistgħu nieħu xejn, b’danakollu l-bniedem jibqa’ jaħżen bħalma jagħmlu n-nemel u n-naħal, daqslikieku se ngħixu ħames mitt sena, u jaħseb ukoll, u jilludi ruħu allura, li għax l-bniedem jakkumula l-ġid, il-ħajja tiegħu tkun sejra titwal imqar b’xiber wieħed biss.
Is-sabiħa hi li filwaqt li wieħed jipprova jipperswadi lilu nnifsu li għad fadal ħafna biex il-mixja tal-ħajja tasal lejn it-tmiem tagħha, x’aktarx li xi ħadd mill-istess uliedu jista’ diġa qiegħed igħoddlu jiemu, u f’qalbu ġa qiegħed jara kemm mill-patrimonju li tant il-persuna tkun batiet biex bniet, tkun se tasal eventwalment għandu. Kemm hu adatt għalhekk il-proverbju li jgħid li ‘frott il-bieżel igawdih l-għażżien’.
Nieħdu magħna l-opri tajba li nkunu wettaqna b’intenzjoni retta
Magħna nistgħu nieħdu l-opri tajbin li nkunu wettaqna f’ħajjitna b’intenzjoni retta. Ġesu’ ċar u tond jgħidilna, li fil-jum tal-ġudizzju huwa se jiffissa ħarstu lejna u jgħidilna ‘idħlu fis-Saltna tal-Missier, għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont għeri u libbistuni, kont il-ħabs u ġejtu żżuruni, kont marid u ġejtu tarawni, kont barrani u lqajtuni’ (ara Mt 25, 31-46).
Dawk huma l-ħwejjjeġ li nistgħu nieħdu magħna. Għalhekk San Ġorġ Preca jenfaziżża li għandna nistudjaw sewwa l-intenzjoni moħbija fis-subkonxju tagħna meta nwettqu l-azjonijiet tagħna.
“Mhux il-virtu’” jikteb “iżda l-kawża tal-virtu’ li għandha ħlas quddiem Alla. L-injoranti jaħsbu li hu biżżejjed li l-opra tkun tajba, jagħmilha kif jagħmilha” (Il-Pulptu ta’ Patri Franku, Pulptu Nru 10). “Kull intenzjoni li fiha ma jidholx Alla, jew xi ħaġa li tappartjeni lilu, bħalma huma l-attributi tiegħU, l-intenzjoni mhi retta xejn” (L-intenzjoni retta, ir-4 Taqsima).
L-opri kollha tajba li nkunu wettaqna f’ħajjitna b’intenzjoni retta se jiġu ppremjati minn Alla bil-mitt darba. Tista’ tkun opra mill-aktar ċkejkna bħal sempliċement li ċedejt lil sewwieq ta’ karozza biex joħroġ minn triq laterali. Jekk dik l-azjoni tkun wettaqtha għax f’dak is-sewwieq rajt lil Kristu, dik l-istess azzjoni se tinbidillek f’ċavetta li se taqbel mas-serratura tal-bieb tas-Sema, u kif tidħol ssib lil-Missier li b’ħarsa ħanina jgħidlek: ‘rajtni ma’ nistax noħroġ minn side street, u int waqaft biex inkun nista’ noħroġ, idħol fis-Saltna tiegħi, imħejjija għalik u għal min bħalek kien iħoss għal min hu svantaġjat’.
Irridu nħallsu kollox
Hekk kif persuna tmur f’supermarket, l-ewwel ħaġa li tagħmel huwa li tieħu trolley, li l-istabiliment jara li jkun kbir kemm jista’ jkun, biex b’hekk int u għaddej minn qalb l-ixkafef ikollok spazju biżżejjed fejn titfa’ kemm tiflaħ affarijiet. Il-fatt hu imma li qabel toħroġ trid tħallas għal kull oġġett li tkun tfajt fit-trolley.
U l-istess meta nidhru quddiem Alla, aħna se jkollna nħallsu għal dawk il-mumenti kollha fejn poġġejna lilna nfusna qabel l-oħrajn, u fejn ma urejniex ħniena mal-proxxmu, f’kelma waħda għal meta l-jien ħa over fuq l-aħna, għal meta il-jien ħa over fuq l-int.
Għal din ir-raġuni, l-Appostli lil Ġesu’ qalulu: “’Mgħallem jekk huwa hekk, mela min jista’ jsalva?’” (ara Mt 19, 25; Mk 10,26; Lk 18,26). Le, li wieħed isalva mhux impossibli, ukoll jekk dawn huma r-regoli, opri tajbin magħmula b-intenzjoni retta jxaqilbu l-kejl favur il-bniedem.
Aħna qabel ma nersqu lejn il-cash register nistgħu dejjem jew nirritornaw dak li nkunu ħadna minn fuq l-ixkafef, biex il-kont ma jitlax ħafna, imma nistgħu ukoll nippreżentaw il-voucher li l-magna tal-flixken tkun tagħtna għal kull flixkun vojt li nkunu ddepożitajna fiha.
‘Vouchers’ li se jsalvawna
Tgħiduli, imma kemm flixken trid tiġbor biex toħroġ b’xirja kbira bla ma tħallas? Il-ħajja toffrilna mijiet ta’ opportunitajiet kulljum biex nagħmlu għemejjel tajba, u ibqa’ żgur li għal kull flixkun li se tiddepożita fil-magna (opra tajba magħmula b’intenzjoni retta) Alla se jħallsek bil-mitt darba. Alla se jagħtik mhux 10 ċentesmi (daqs kemm ikun sewa lilek meta xtrajt il-flixkun) imma Eur 10 (mitt darba aktar). Dawn l-Ewro għalhekk li tkun akkumulajt matul ħajtek se jpattu sew għan-nuqaasijiet li tkun wettaqt, u li bqajt sal-aħħar ma ndimntx minnhom. Kull opportunita’ għalhekk li tiltaqa’ magħha matul il-ġurnata fejn li tqiegħed l-interessi tal-oħrajn qabel tiegħek, jagħmillek is-salvazjoni tiegħek aktar viċina.
Min wera ħniena, tintwera lejh ħniena, imma min fil-ħajja ma jkunx ħenn għal proxxmu għax jara fihom biss oġġett li tużah, tagħsru u meta tkun lest minnu tarmih, ma jista qatt isib ħniena quddiem Alla, sakemm f’xi stadju tal-ħajja dik l-istess persuna ma tindimx minn dan in-nuqqas ta’ empatija lejn iċ-ċkejkna tas-soċjeta, lejn dawk li l-Papa Franġisku jsejjaħ l-‘iskart tas-soċjeta’, li bħal Lażżru jitkarbu l-frak li jaqa’ minn fuq l-imwejjed ta’ minn hu mejjet bix-xabgħa.
Ix-xewqa li jaraw mil-viċin ir-relitt tat-Titanic.
Dawn l-aħħar jiem bosta tkellmu dwar dawk il-ħames esploraturi li niżlu fil-qiegħ tal-Oċejan biex jaraw mil-viċin minn tieqa apposta, l-fdal ta’ forsi l-aktar relitt marittimu magħruf fl-istorja marittima reċenti.
Ix-xewqa li tara u li tinħall f’Alla
Santa Eliżabetta tat-Trinita’ ukoll kellha xewqa bħal ta’ dawn l-esploraturi, jiġifieri dik li tinżel sal-qiegħ mhux tal-oċejan, imma tagħha nnifisha biex hemm tara mil-viċin mhux relitt imġarraf u msaddad, imma t-Tliet Persuni tat-Trinita’. Hija xtaqet li tintilef f’Alla, li ssir ħaġa waħda miegħU.
F’Poeżija li tikteb sitt ġimgħat qabel ma mietet, hija turi li skopriet kif din ix-xewqa nterjuri li kienet ilha tiekolha minn ġewwa setgħet issir rejalta’. Rat li l-mewt huwa l-mument fejn dak li sar parti minn ħajjitha, jiġiferi li tgħix ma’ Alla ġewwa fiha, setgħet tasal għal milja tiegħu u dan għal dejjem.
Tikteb hekk:
“F’lejl trankwill, fi skiet profond,
Kien iterraq ħelu fuq l-Oċejan immens,
Kollox kien mistrieħ taħt is-senduq tas-sema
U kien jidher li tinstema «il-vuċi l-kbira ta’ Alla».
Imma f’daqqa qamu diversi mewġ profond
U l-biċċa tal-baħar fraġli intilfet taħt il-mewġ !
Kienet it-Trinita’ li fetħitli Sidirha
U jiena sibt iċ-ċentru tiegħi fl-Abbis divin !
Mhux se tarani aktar fuq ix-xatt,
Ruħi tistrieħ f’din l-immensita’
U tgħix flimkien mat-Tlieta tagħha bħal fl-eternita’ !
Oh Omm, isma’ tajjeb it-tmiem ta’ din l-istorja
Ħalli tferraħ lit-Tifħir tal-glorja tiegħek⁚ (Poezija 115)
Filwaqt li aħna ngħixu b’saqajna fl-art, aħna lkoll aħna konxji li l-ħajja mhux biss ma tintemx bil-mewt, imma li l-ħajja tmur bil-wisq ‘l hemm min kif nistgħu ngħixuha hawn, ukoll jekk kif se tkun din il-ħajja wara li mmutu tiddependi minn kif inkunu għixna l-ħajja tagħna waqt dan il-pellegrinaġ. Ħennejt lejn il-proxxmu u poġġejtu qablek f’kollox? Alla se jagħmel l-istess miegħek meta tidher quddiemu.
