Terremot ta’ mħabba

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 2 ta’ Ottubru 2023: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fit-Tifkira tal-Anġli Kustodji Mqaddsa u t-trabi li ma tweldux. Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.

Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Ma nafx jekk tiftakruhx il-film The Passion of the Christ. Il-producer tiegħu kien Mel Gibson. Għandu mod sabiħ ħafna ta’ kif jippreżenta l-mewt ta’ Ġesù u l-bidu tat-terremot. Intom tafu li l-Vanġeli jirrakkontawlna li malli Ġesù jmut, iseħħ terremot… xena sabiħa ħafna (ara Mt 27:50-56).

Mela Ġesù jmut. Kif Ġesù jgħid: “F’idejk jien nerħi ruħi”, qisu taqa’ mis-sema qatra mill-għoli, mill-bogħod. Ix-xena li jġib id-direttur hija minn fuq. Tara mill-għoli, mill-bogħod ħafna, is-salib ta’ Ġesù u taħtu lil ommu, San Ġwann, il-Maddalena u s-suldati. U jġib din it-taqtira nieżla mis-sema li, kif taħbat mal-art, iseħħ it-terremot. L-interpretazzjoni ta’ dan id-direttur bravu hija din: illi mal-mewt ta’ Ġesù, Alla l-Missier taħrablu demgħa, jibki, u din il-bikja toħloq terremot, taħwid fid-dinja, fl-ordni tal-univers.

Jien inħoss illi dan hu li jiġri b’mod simboliku meta koppja titlef tarbija: terremot. Mhux biss fil-persuna tal-mara din il-bikja toħloq terremot, imma fir-relazzjoni, fid-dar, fil-familja. Imma dan it-terremot li jippreżentalna Mel Gibson fil-mewt ta’ Ġesù huwa terremot li jkun fl-oriġni, fil-bidu tas-salvazzjoni, tal-ħelsien, fil-bidu tal-fidwa tal-bnedmin.

Ħa nippruvaw nifhmu ftit. L-ewwel u qabel kollox, it-telfa ta’ iben jew bint hi xi ħaġa kbira. Hija xi ħaġa enormi li ħadd ma jista’ jifhimha. Anki dawk li jkunu qed jgħixuha ma jistgħux jifhmu xi jkun qed jiġri, imma sempliċement jgħixu t-tbatija, il-vojt, l-uġigħ. Imma fl-istess waqt, dawn l-uġigħ u tbatija mhumiex għajr ix-xewqa għall-ħajja bil-maqlub. Mhux għajr għatx kbir għall-eżistenza, għall-eternità, fi kliem ieħor għal Alla, għax Alla hu l-eżistenza, il-ħajja, l-eternità.

Dan hu li kull koppja tgħix f’esperjenza bħal din. Jekk din l-esperjenza tat-telfa ta’ tarbija terġa’ sservi biex dak li jkun b’xi mod jerġa’ jiċċelebra l-ħajja – u hemm diversi modi kif wieħed jiċċelebraha l-ħajja – hija proprju l-kontinwità, tkompli fina l-enerġija, l-entużjażmu, ix-xewqa profonda li kull wieħed u kull waħda minna nġorru fina għal Alla. Kemm jekk ikun hemm ħajja oħra, u kemm jekk ma jkunx hemm, imma dik ix-xewqa, dik l-enerġija hija realtà miktuba fil-qalb tar-raġel u tal-mara. Qiegħda hemm!

Jalla din il-kilba li hemm fil-qalb tar-raġel u tal-mara ma tinbidilx f’xi sens ta’ ħtija, f’xi sensi kbar ta’ dipressjoni, f’xi kunflitti bejn ir-raġel u l-mara, imma tibqa’ kif inhi, xewqa għall-ħajja, xewqa pożittiva, xewqa sabiħa.

L-Evanġelju tal-lum (Mt 18:1-5:10) jgħinna biex din l-esperjenza tibqa’ pożittiva, għax Ġesù jispiċċa proprju b’dan il-mod: “L-anġli ta’ dawn iż-żgħar jinsabu quddiem Alla”. Dawn iż-żgħar tagħna huma l-istess anġli preżenti quddiem Alla kontinwament. Għalkemm ma narawhiex, il-ħajja ta’ dawn iż-żgħar tinbidel, imma għadha hemm. “Il-ħajja ma tintemmx, imma tinbidel”.

Din hija s-sbuħija tal-messaġġ: li ma jasal qatt iħabbar bxara ta’ dwejjaq, bxara ta’ qtigħ ta’ qalb, imma dejjem hija bxara li tagħtina ħelsien. Tagħtina ħelsien fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna, imma mhux biss, tagħtina ħelsien fir-relazzjoni. Inkunu qed nonqsu lil dan l-istint, lil din ix-xewqa kbira ta’ ħajja li hemm fina, jekk aħna allaħaresqatt indawru esperjenza bħal din f’kunflitt bejnietna. Noqogħdu attenti, għax tista’ tiġri.

Ħafna drabi, meta tiġri esperjenza iebsa fil-ħajja tal-koppja, minflok il-koppja tingħaqad u tintrabat flimkien, minflok ma ssir ħaġa waħda biex taffronta s-sitwazzjoni u tegħlibha, b’xorti ħażina jista’ jiġri – mhux għax aħna ħżiena, imma mingħajr ma nindunaw – li nduru kontra xulxin. Imma ibqgħu ċerti li dan la Alla ma jkun jixtiequ u lanqas dik it-tarbija li nkunu tlifna u li hija ħajja quddiemu.

Jalla kull ħajja li għaddiet minn din il-ħajja għall-oħra, b’mod speċjali fiż-żmien teneru tat-tqala jew ftit wara t-tqala, isservi biex inkomplu niċċelebraw il-ħajja u nkomplu niċċelebraw l-għaqda ta’ bejnietna.

Qabel il-Missierna, l-Isqof qal hekk: “Naħseb ta’ min jiftakar illi l-esperjenza tat-telfa tal-iben jagħmilha qabel kollox il-Missier tagħna tas-Sema. Allura jifhimna u jifhimna sew, jifhimna ħafna. Ejjew induru lejh b’fiduċja”.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading