Minn Joe Galea
Meta jasal il-Milied, il-papà u jiena nressqu mejda fir-rokna, noħorġu l-presepju u nqegħduh fuq il-mejda. Ħdejn il-Bambin fil-presepju jkun hemm baqra u ħmara. Iħarsu lejh u jieħdu ħsiebu, isaħħnuh minħabba l-bard. “Dik il-ħmara, noqgħod ngħid waħdi, “kemm hi xortiha tajba!”
Hawn min jaħseb li l-ħmara għal xejn ma hi tajba ħlief biex taħdem, biex tiekol u biex torqod. Għahekk forsi ħadd ma stenna li din il-ħmara se tkun maġenb Ġesù meta jitwieled fil-għar ta’ Betlem. U se toqgħod ħdejh kemm trid. Ġesù mhux se jkeċċiha, għax għażilha biex toqgħod tħares lejh u ssaħħnu bin-nifs tagħha. Lanqas Marija u Ġużeppi ma jkeċċuha, għax huma wkoll iriduha hemm, ferħana, madwar il-maxtura tal-Bambin.
Kemm hu sew li noqgħod ħdejn Ġesù! Miegħu ma jkolli bżonn ta’ xejn, għax huwa aħjar mill-ħbieb kollha tiegħi. Qatt ma jiġġieled miegħi, għax huwa ġie biex miegħu jġib il-paċi fl-art.
Noqgħod ħdejn Ġesù jiġifieri naħseb fih u nagħmel dak li jridni nagħmel Hu. Għax hu ħabib tiegħi, inħobb noqgħod miegħu u nitolbu kuljum.
Nitolbu għalija, għall-ġenituri, għall-ħbieb tiegħi u għal dawk li nixtiequ jagħmilhom ferħanin.
Nixtieq li ndum maġenbu bħal ma damet il-ħmara ta’ Betlem.