Servizz Ekumeniku fid-Djoċesi ta’ Għawdex

L-Erbgħa, 24 ta’ Jannar 2024: Servizz Ekumeniku fid-Djoċesi ta’ Għawdex fl-Ottava ta’ Talb għall-Għaqda tal-Knejjes Insara bit-tema ‘Ekumeniżmu bħal tas-Samaritan it-Tajjeb.’

Il-Komunità Anglikana f’Għawdex flimkien mal-Leġjun ta’ Marja u l-Uffiċċju ta’ Kordinament tal-Komunitajiet Etniċi fi ħdan id-Djoċesi ta’ Għawdex, organizzaw Servizz Ekumeniku fl-okkażjoni tal-Ottava ta’ Talb għall-Għaqda tal-Knejjes Insara. Din saret fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali, il-Belt Victoria, nhar l-Erbgħa 24 ta’ Jannar filgħaxija.

It-tema ta’ din is-sena, mibnija fuq il-Parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, kienet: “You shall love the Lord your God… and your neighbour as yourself” (Lk 10:27), u l-materjal tal-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Knejjes Insara 2024 ġie mħejji minn tim mill-Burkina Faso, fl-Afrika, bis-sehem tal-komunità tal-post Chemin Neuf Community (CCN). Membri Kattoliċi mill-Arċidjoċesi ta’ Ouagadougou, Knejjes Protestanti, u Gruppi ekumeniċi mill-Burkina Faso ħadmu flimkien biex ħejjew it-talb u r-riflessjonijiet li ntużaw waqt din il-Laqgħa ta’ Talb.

Fl-assenza tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma li kien ma jiflaħx, Patri George Varghese ofmconv, li huwa responsabbli mill-Komunità Indjana f’Għawdex, mexxa s-Servizz Ekumeniku, u miegħu ħadu sehem il-Kan. David Wright, il-Kanċillier il-ġdid tal-Pro-Katidral Anglikan ta’ San Pawl fil-Belt Valletta u Kappillan tal-Komunjoni Anglikana f’Malta u Għawdex, u l-Kan. Noel Saliba, li huwa l-Kordinatur tal-Komunitajiet Etniċi f’Għawdex fi ħdan is-Segretarjat tal-Ministeru Pastorali tad-Djoċesi.

Fil-bidu ta’ din iċ-ċelebrazzjoni, li għaliha attendiet folla numeruża, intuża baċir bl-ilma, fejn kull min kien preżenti resaq jieħu minnu, bħala simbolu tal-ilma li n-nies tal-Burkina Faso joffru lill-mistednin meta jiġu milqugħa fid-dar bħala sinjal ta’ ospitalità, qabel ma jkomplu l-laqgħa u d-diskussjonijiet bejniethom fi spirtu ta’ ħbiberija u fraternità.

Imbagħad wara rit penitenzjali u t-talb tal-bidu, inqrat is-silta mill-Ktieb tal-Ġenesi 18:1-8 dwar l-ospitalità ta’ Abraham, minn Riden Glinofria, mill-komunità Filippina f’Għawdex. Dan il-qari kien segwit mis-Salm 138 li nqara minn Alison Rutland mill-Komunità Ingliża f’Għawdex, u nqrat is-silta mill-Vanġelu skont San Luqa 10:25-37 minn Dun Noel Saliba.

Dun Noel qara wkoll il-messaġġ li l-Isqof ta’ Għawdex bagħat għall-okkażjoni, fejn tkellem dwar il-Parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb u r-rilevanza tagħha biex jinżamm djalogu miftuħ u inklusiv li jwassal għall-ekumeniżmu. Fost l-oħrajn l-Isqof aċċenna għas-Samaritan it-Tajjeb li minkejja li kien ikkunsidrat barrani, u miżmum bħala għadu minn xi wħud, minn xi kulturi u standards reliġjużi, xorta waqaf biex juri kompassjoni u kura. L-Isqof temm jgħid li bħalma s-Samaritan it-Tajjeb ma qagħadx jaħsibha biex jgħin lil dak il-barrani li kien fil-ħtieġa, hekk l-ekumeniżmu jisfidana biex immorru lil hinn mil-linji denominazzjonali u ngħaqqdu jdejna ma’ ħutna fil-fidi permezz ta’ djalogu sinċier, fi spirtu ta’ ftehim u rispett.

Il-Kan. David Wright, tal-Komunjoni Anglikana, fl-intervent tiegħu stieden lil dawk preżenti biex jirriflettu fuq il-persunaġġi li jissemmew fil-Parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb u jaraw liema sentimenti u emozzjonijiet iqanqlu fihom. Fost l-oħrajn qal li faċli ninsew lill-għaref fil-Liġi, li staqsa lil Ġesù x’għandu jagħmel biex jirbaħ is-Saltna, u lis-sid tal-lukanda tal-parabbola li kien hu li għen lil dak li ġie aggredit. Il-Kanċillier Anglikan temm billi stieden lil dawk preżenti biex ikunu minn ta’ quddiem li jaħdmu b’mod konkret, u mhux jiddiskutu biss, biex l-ekumeniżmu jħalli l-frott.

Is-Servizz Ekumeniku kompla billi sar talb komunitarju minn dawk preżenti. 

Il-Gozo Community Choir, taħt id-direzzjoni ta’ Peter Thomas, anima l-kant matul il-laqgħa bil-partiċipazzjoni sabiħa tal-assemblea. Wara l-laqgħa, dawk preżenti ltaqgħu fis-Sala tal-Patrijiet tal-Franġiskani Konventwali għal mument ta’ fraternità akkumpanjat bil-kafè u ftit ħelu.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading