Ħsieb fuq tagħlim ta’ San Ġorġ Preca. Kitba ta’ Joe Galea.
Dan hu t-tieni artiklu minn erbgħa b’tagħlim mill-ktieb ta’ San Ġorġ Preca “IL-MISSIERNA”. Inkomplu mill-ewwel talba, “JITQADDES ISMEK”. B’din l-invokazzjoni tal-Missierna qed nitolbu lil Alla biex jagħtina l-grazzja li “napprovaw sinċerament kulma huwa tajjeb”, jiġifieri li naqblu ma’ dak li hu tajjeb. Min-naħa l-oħra, lil dak li hu ħażin nagħlqulu l-bieb u nkunu ċari li rriduhx u allura ma napprovawhx.
“Inżommu f’moħħna”, jikteb San Ġorġ Preca, “li l-bniedem, mad-deċiżjoni li jagħmel fil-volontà tiegħu, jiġifieri għax irid, isir dak il-waqt stess denn ta’ premju jew ta’ kastig, skont l-azzjoni li jagħmel, li biha jagħti glorja jew diżunur ’l Alla. Mela d-deċiżjoni hi bejn li nagħtu glorja lil Alla, jew nagħtu diżunur lil Alla .”
San Ġorġ Preca jistedinna biex nitolbu lil Alla jagħtina l-grazzja li “nitgħaxxqu bil-kobor tal-ġieħ tiegħu”.Li nieħdu gost bil-ħolqien. Ifakkarna fi kliem is-Salmi, li “s-smewwiet juru l-glorja ta’ Alla”. U napprezzaw li kollox, kulma jaqa’ taħt is-sensi tagħna, jipperswadina fuq il-maestà tal-Kreatur.
Ikollna ngħidu fuq din il-maestà ta’ Alla li waqtiet inħossuna li qed nibżgħu quddiemu.
Mhux biżgħa kif nifhmu aħna, imma biżgħa riverenzjali, li noqogħdu attenti li nagħmlu t-tajjeb, mhux għax jekk niżbaljaw, Alla jħares lejna bl-ikrah. Alla ma jħares bl-ikrah lejn ħadd, lanqas lejn min joħodha kontrieh. Imma nuru riverenza u rikonoxxenza lejn Alla għax tant hu tajjeb u ħanin magħna. U mn’Alla jieħu paċenzja bina!
Hawnhekk San Ġorġ Preca jridna mmorru iktar ‘il fuq. Irid li Alla jsibna denji biex jinqeda bina għall-ġieħ tal-isem glorjuż tiegħu. Mhux sabiħ li naħdmu miegħu? L-ewwel inqaddsu lilna nfusna, għax kif jgħidilna l-Papa Franġisku, “kulħadd hu msejjaħ għall-qdusija”. U nħallu lil Alla jinqeda bina, min b’mod u min b’ieħor, kulħadd skont il-ħila u s-sitwazzjoni tiegħu.
Inżommu f’moħħna li bħalma aħna ma ninqdewx b’għodda li mhijiex nadifa, għax inħammġu jdejna, l-aktar f’ċertu xogħol, Alla wkoll jinqeda b’min jixraqlu. U fhiex tkun l-indafa? Mingħajr suppervja.ż, għax Alla jinqeda bl-umli, b’min ikollu intenzjoni tajba, b’min iġib ruħu b’karita’ sinċiera u mhux biex jidher.
San Ġorġ Preca jistedinna wkoll biex nitolbu lil Alla li jkabbar fina l-fidi, it-tama u l-imħabba. Dawn nafuhom bħala il-virtujiet teologali. Mingħajr il-fidi ma jistax ikun li wieħed jogħġob ’l Alla, u kulħadd jopra skont it-fidi tiegħu, mgħejun bit-tama u b’xewqa li jwassal l-imħabba lejn l-oħrajn, fosthom dawk viċin tiegħu jew viċin tagħna. B’hekk inkunu qed nilqgħu is-sejħa tal-Mulej biex inkunu ħaddiema fl-għalqa tiegħu. Ma ninsewx kemm Alla hu sinjur ġeneruż!
Fuq l-istess tema, “jitqaddes ismek”, San Ġorġ Preca jistedinna biex inkunu “qaddejja ta’ Alla”, qaddejja ta’ sinjur li jista’ jagħtina sehem mit-tajjeb li tant jixtieq għalina. Biex inkunu qaddejja t’Alla nfittxu li nkunu perfetti. Meta għidu perfetti, nifhmu li nkunu mill-aħjar, għax Alla biss hu perfett. Perfetti fis-sens tal-kelma, bħalma ngħidu: “Dik il-libsa ġietek perfetta!” Jiġifieri “tajba ħafna, tixraqlek.” Niftakru fi kliem Kristu: “Kunu perfetti,bħalma huwa perfett Missierkom li huwa fis-smewwiet.” U wkoll: “Kunu qaddisin,għax jiena jien qaddis.” Dan mhux kliem fl-ajru imma, skont San Ġorġ Preca, jekk nobdu dan l-istedin, nistgħu nkunu ta’ servizz perfett għal Alla.
Nitolbu wkoll lil Alla biex jitfa’ fina l-verità li aħna m’aħna xejn u li huwa hu kollox. Kemm-il darba ngħidu: “Kemm m’aħna xejn!” U ftit wara ninsew li għedna dan. San Franġisk t’Assisi kien igħid lil Alla: “Min inti int, u min jiena jien?” Imma kemm-il darba naħsbu li aħna xi ħaġa! Allajħares min imerina. Għalhekk San Pawl kiteb:“Kollox hu minnu, u permezz tiegħu u għall-ġieħ tiegħu.”
Tajjeb li nifhmu li Alla jħares b’ċertu simpatija lejn min hu umli. Jogħġob lil Alla min jagħraf ix-xejn tiegħu nnifsu. Allura ma nfittxux tifħir mill-bnedmin. Minħabba r-rispett uman nistgħu niddisgustaw ’l Alla biex ma nagħtux dispjaċir lill-bnedmin, għax ma nkunux irridu nitilfu l-favur tagħhom.
Bl-invokazzjoni “tiġi saltnatek” għandna l-istedina minn San Ġorġ Preca biex nitolbu lil Alla ħalli jdawwar il-qlub ta’ dawk li huma fl-awtorità, biex huma wkoll ikollhom rispett lejh u b’hekk imexxu bil-ġustizzja. U jikkwota ll-Bibbja li tgħid: “Il-qlub tas-slaten huma f’idejn Alla u jiggwidahom għall-hena tal-poplu.” (Prov 21, 1)

