Minn Edward Tagliaferro
Żagħżugh kien qed jargumenta man-nannu tiegħu fuq il-ħajja tal-lum. L-aktar li beda jħaqqaqha kienet fuq li llum mhux qed isiru affarijiet “bħal dari.” In-nannu wara ftit waqaf u beda jħares ċass quddiemu. Wara ftit minuti, dawwar idu m’għonq iż-żagħżuh u qallu:
“Ibni, kulma trid iżżomm quddiem għajnejk fil-ħajja hu dan: il-baqra ma ttiniex ħalib! Int trid tmur u tieħdu minn għandha. Trid tqum fl-erbgħa ta’ filgħodu, xemx jew xita, taqsam l-għalqa u tgħaffeġ fit-tajn u d-demel. Kif tasal, toqgħod bilqiegħda fuq banketta skomda, u taħleb il-ħalib għal ġol-barmil. Veru li llum hawn il-magni. Imma xorta waħda dan xogħol jitlob ċertu mpenn. Ikun jeħtieġ li jum qabel tkun naddaft il-maqjel mill-ħmieġ tal-baqar, titmagħhom u tisqihom, u elf ħaġ’oħra li jirrikjedi xogħol bħal dan. Bħal meta, per eżempju jimirdu.
Il-ġenerazzjoni tiegħek tiela’ bit-twemmin li l-baqra ttina l-ħalib, fi kliem ieħor, li kollox hu awtomatiku, bla tbatija u b’xejn. Nista’ ngħid bla tlaqlieq li l-motto tallum hu dan: nixtieq, nitlob u naqla’ minnufih!. Imma l-ħajja mhux hekk. Dak li tieħu jew taħsad hu frott tal-isforzi li tagħmel u tax-xogħol iebes li twettaq. Fejn m’hemmx sforzi u għaraq se ssib il-frustrazzjoni.
Mela jiħtieġ inkissru din il-mentalita’ li t-tfal u ż-żgħażagħ se jiksbu b’xejn u bla sforz kulma jridu u jixtiequ minn għand il-Gvern, il-ġenituri, in-nanniet jew għax ħelwin!
Iridu jitgħallmu din: IL-BAQRA MA TTINIEX ĦALIB. TRID TMUR INT BIEX TIEĦDU MINN GĦANDHA.